Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0497/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0497/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Iran – b'mod partikolari l-każijiet ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani u Zahra Bahrami

6.9.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Frédérique Ries, Marietje Schaake, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle De Sarnez, Alexander Alvaro, Renate Weber, Leonidas Donskis, Niccolò Rinaldi, Sonia Alfano f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0494/2010

Proċedura : 2010/2846(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0497/2010
Testi mressqa :
B7-0497/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0497/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Iran – b'mod partikolari l-każijiet ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani u Zahra Bahrami

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-drttijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra t-Trattat FUE u l-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, tas-6 ta' Lulju 2010 dwar l-eżekuzzjonijiet imminenti fl-Iran,

–   wara li kkunsidra l-ittra miftuħa tas-7 ta' Lulju 2010, indirizzata lill-Gvern Iranjan dwar il-każ ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani, ippubblikata f'The Times u li tagħha l-President Buzek kien kofirmatarju,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tad-Djalogu Transatlantiku tal-Leġiżlaturi ta' Ġunju 2010, dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,

–   wara li kkunsidra l-każ ta' Zahra Bahrami, ċittadini Olandiża-Iranjana, miżmuma fl-iżolament fil-Ħabs ta' Evin għal aktar minn tmien xhur,

–   wara li kkunsidra l-każ ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani, li qed tiffaċċja l-piena tal-mewt għaliex allegatament wettqet l-adulterju, u li ilha kkundannata għall-mewt mill-2006,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President Buzek tal-11 ta' Awwissu 2010 dwar is-sentenzi ta' 20 sena ħabs mogħtija fl-Iran lil seba' mexxejja reliġjużi Baha'i,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2009 li ttenni l-impenn tal-Parlament favur l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fid-dinja kollha,

–   wara li kunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-23 ta' Settembru 2009 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-biedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007 u 63/168 of tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li l-Iran hi firmatarja tagħhom ilkoll,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi u Konsulari tal-1963,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran kompliet sejra lura,

B.  billi l-Parlament Ewropew huwa partikolarment imħasseb bil-każijiet ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani u Zahra Bahrami,

C. billi Sakineh Mohammadi Ashtiani, mara Azeri Iranjana, ilha l-ħabs ikkundannata għall-mewt fl-Iran mill-2006,

D. billi l-każ kontroversjali tagħha sar magħruf internazzjonalment fl-2010, wara li allegatament instabet ħatja tad-delitt tal-adulterju u ingħatat sentenza ta' eżukuzzjoni bit-tħaġġir,

E.  billi l-eżekuzzjoni bit-tħaġġir reġgħet iddaħħlet fl-1979, fi żmien ir-Rivoluzzjoni Iżlamika Iranjana, u titqies bħala metodu barbaru u hija l-aħħar metodu ta' eżekuzzjoni eżistenti bit-tortura,

F.  billi l-esperti jqisu li 200 sa 300 mara nqatlu bit-tħaġġir wara li ngħataw sentenzi mis-sistema ġudizzjarja Iranjana mill-1979 'l hawn,

G. billi l-eżekuzzjoni bit-tħaġġir hija pprattikata wkoll fin-Niġerja, fis-Sudan, fis-Somalja, fl-Arabja Sawdija u fl-Afganistan,

H. billi kampanja miż-żewġ uliedha rnexxielha twaqqaf l-eżekuzzjoni ta' Mohammadi Ashtiani f'Lulju 2010, iżda mhux li tħassrilha s-sentenza tal-mewt,

I.   billi Zahra Bahrami, ta' 45 sena, ċittadina Olandiża-Iranjana, ġiet arrestata matul il-protesti ta' Ashura fis-27 ta' Diċembru 2009, u ilha miżmuma fl-iżolament fil-Ħabs ta' Evin għal aktar minn tmien xhur u sfat imċaħħda mid-drittijiet ta' viżitazzjoni,

J.   billi l-awtoritajiet Iranjani ma ppermettew l-ebda assitenza konsulari mill-awtoritajiet Olandiżi lil Zahra Bahrami, u ma taw l-ebda informazzjoni dwar il-benessri tagħha,

K. billi hija r-responsabbiltà kostituzzjonali tal-Istati Membri tal-UE li jipprovdu għall-benessri taċ-ċittadini tagħhom,

L.  billi l-gvrnijiet tal-Istati Membri tal-UE jippruvaw li jkollhom kuntatt maċ-ċittadini tagħhom f'ħabsijiet barranin irrispettivament mid-delitti li jkunu twettqu,

M. billi għadd kbir ħafna ta' ċittadini Ewropej għandhom ċittadinanza doppja, Iranjana,

N. billi l-Iran ma tirrikonoxxix iċ-ċittadinanza Ewropea minbarra dik Iranjana,

O. billi l-akkuża ewlenija kontra Zahra Bahrami hija li aġixxiet kontra s-sigurtà nazzjonali tal-Iran; billi l-ebda avukat ma ġie assenjat biex jiddefendi l-kawża tagħha,

P.  billi matul l-ewwel xhur li qattgħet fil-ħabs il-familja tagħha ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar il-każ tagħha,

Q. billi sew Sakineh Mohammadi Ashtiani kif ukoll Zahra Bahrami x'aktarx li sofrew fastidju sesswali u tortura psikoloġika u fiżika waqt interrogazzjonijiet fit-tul; billi l-interrogaturi tas-servizzi tas-sigurtà ppruvaw iġiegħlu lill-ħabsin biex jagħmlu konfessjonijiet foloz u intervisti televizzati,

R.  billi l-ksur tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem fil-forma tat-tortura u t-trattament ħażin tal-priġunieri, it-tiċħid mill-irqad, l-iżolament fil-ħabs, id-detenzjoni sigrieta, l-applikazzjoni ta' trattament krudili, inuman u degradanti, l-abbuż fiżiku inkluża l-vjolenza sesswali, u l-impunità ta' aġenti tal-Istat ilkoll għadhom frekwenti,

S.  billi s-sentenzi kontra r-rappreżentanti tat-twemmin Baha'i jirrappreżentaw sinjal xokkanti u diżappunt enormi għal dawk kollha li ttamaw li jseħħ titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,

T.  billi hemm duji serji dwar kemm hija ġusta u trasparenti l-proċedura ġudizzjarja,

U. billi qed tkompli titqawwa r-ripressjoni fiżika vjolenti, ekonomika, politika, legali u soċjali ta' opponenti politiċi, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, bloggers, għalliema, intellettwali, akkademiċi, omosesswali, nisa, studenti, trejdjunjonisti u membri ta' minoranzi reliġjużi, etniċi u lingwistiċi,

V. bili restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istampa u l-espressjoni qed ikomplu jikbru, kif jixhdu l-għadd ta' ġurnalisti u bloggers arrestati wara l-elezzjoni, l-ibblukkar sistematiku tal-midja tal-internet u tas-sorsi tal-informazzjoni, l-interferenza fix-xandir satelitari u l-konfiska tal-passaporti ta' diversi ġurnalisti prominenti Iranjani,

W. billi nies li sfaw akkużati b'delitti ġew assoċjati mal-oppożizzjoni politika fl-Iran, u nies fl-oppożizzjoni politika ġew assoċjati mat-twettiq ta' delitti mill-ġudikatura Iranjana, b'tali mod li l-oppożizzjoni politika titqies ħaġa waħda bħad-delitt,

X. billi l-komunità internazzjonali ma tista' tivverifika la r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem ta' min ikun taħt suspett, la l-applikazzjoni ta' proċess ġust fil-qrati u lanqas l-aċċess għal avukat, minħabba l-iżolament totali tal-pajjiż,

Y. billi l-Gvern Iranjan arresta għadd bosta avukati tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi Nasrin Sotoudeh, Mohammed Ali Dadkah, Mohammad Oliayifard, Mohammad Seifzadeh u Mohammad Mostafei, li kellu jaħrab mill-pajjiż huwa u jiddefendi lil Sakineh Ashtiani,

Z.  billi sar abbuż mil-liġijiet tat-taxxi biex l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem ma jitħallewx jagħmlu xogħolhom,

1.  Juri r-rispett tiegħu quddiem il-kuraġġ tal-irġiel u n-nisa Iranjani kollha li qed jiddefendu l-libertajiet bażiċi, ir-rispett tad-drittijiet tal-biedem u tal-prinċipji demokratiċi tagħhom u li jixtiequ jgħixu f'soċjetà ħielsa mir-ripressjoni u l-intimidazzjoni;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Iran biex jerġa' jikkunsidra l-każijiet tas-Sinjura Ashtiani u tas-Sinjura Bahrami, biex jagħtihom proċess ġust fil-qorti skont standards internazzjonali, u biex jippermettilhom aċċess għal avukat u għall-assistenza konsulari;

 

3.  Jistieden lill-Gvern Iranjan biex minnufih jgħaddi leġiżlazzjoni li tipprojbixxi t-tħaġġir u forom oħra tal-piena tal-mewt, is-swat jew il-ħabs għal dawk li jinsabu ħatja li wettqu 'adulterju' jew delitti oħra u biex jerġa' jdaħħal moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet, kif iħeġġu r-Riżoluzzjonijiet tal-Assemble Ġenerali tan-NU 62/149 u 63/168;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jeliminaw, fil-liġi u fil-prattika, kull forma ta' tortura u trattament jew piena ta' natura krudili, inumana jew degradanti, u biex jirrispettaw il-proċeduri dovut tal-liġi u jtemmu l-impunità f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jiddeplora bil-qawwa n-nuqqas ta' ġustizzja u trasparenza fil-proċess ġudizzjarju u jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex jiggarantixxu proċedura ta' appell ġusta u miftuħa;

6.  Jistieden lir-rappreżentanti tal-UE u lir-Rappreżentant Għoli biex jerġgħu jaqbdu djaolgu mal-Iran dwar id-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.