Proċedura : 2010/2846(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0498/2010

Testi mressqa :

B7-0498/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2010 - 6.3
CRE 08/09/2010 - 6.3

Testi adottati :

P7_TA(2010)0310

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 134kWORD 73k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0494/2010
6.9.2010
PE446.581v01-00
 
B7-0498/2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b’mod partikolari l-każ ta’ Sakineh Mohammadi Ashtiani u l-każ ta’ Zahra Bahrami


Barbara Lochbihler, Isabelle Durant, Nicole Kiil-Nielsen, Emilie Turunen, Raül Romeva i Rueda, Heidi Hautala f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b’mod partikolari l-każ ta’ Sakineh Mohammadi Ashtiani u l-każ ta’ Zahra Bahrami  
B7‑0498/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ Diċembru 2007 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li għall-ewwel darba fl-istorja titlob għal moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal li r-Repubblika Islamika tal-Iran tagħmel parti minnhom,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu u b’mod partikolari dik ta’ XXX ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Iran għadha żżomm ir-rekord dispjaċenti li hija l-pajjiż fid-dinja li l-aktar li jiġġustizzja ċittadini per capita u l-aktar delinkwenti minorenni u billi fl-2010 biss ingħataw 2000 sentenza tal-mewt,

B.  billi skont rapporti fil-Ħabs Vahil Abad ta’ Mashad f’dawn l-aħħar ftit ġimgħat biss ġew iġġustizzjati ’l fuq minn mitt priġunier fuq akkużi marbuta mad-droga,

C. billi b'kontravenzjoni tal-asserzjonijiet mill-ogħla livell tal-ġudikatura Iranjana, l-Iran għadha timponi s-sentenza tat-tħaġġir bħal fil-każ ta' Sahineh Mohammadi Ashtiani għall-akkuża ta’ ‘adulterju’ li kienet enfasizzata fil-‘konfessjonijiet’ tagħha li ġew trasmessi fuq it-televiżjoni fil-11 ta' Awwissu 2010,

D. billi d-delinkwent minorenni Ebrahim Hammadi ingħata s-sentenza tal-mewt f’Awwiss għax allegatament attakka sesswalment lil wieħed raġel meta kien għad għandu biss 16-il sena u wara konfessjoni li hu jafferma li ġiet ottenuta taħt tortura,

E.  billi l-avukat tad-difiża fiż-żewġ każijiet, Mohammed Mostafaei, li pprova jqajjem il-kuxjenza pubblika dwar is-sitwazzjoni tagħhom, kellu jaħrab mill-pajjiż minħabba l-biża’ li jiġi arrestat u billi iżjed u iżjed avukati tad-drittijiet tal-bniedem qed jiġu kkonfrontati b’persekuzzjoni statali minn talbiet fiskali straordinarji, theddid kontra l-ħajja tagħhom u l-familja tagħhom, inkluż personalitajiet prominenti bħar-rebbieħa tal-Premju Nobel Shirin Ebadi,

F.  billi sena wara l-elezzjonijiet presidenzjali mbagħbsa u l-protesti tal-massa li seħħew wara, mijiet ta’ protestanti, ġurnalisti u attivisti tad-drittijiet ċivili jew anke ċittadini li ma kellhom x’jaqsmu xejn mad-dimostrazzjonijiet għadhom jinsabu l-ħabs, bħaċ-ċittadina Olandiża Zahra Bahrami,

G. billi hemm żieda fil-każijiet li fihom difensuri paċifiċi tad-drittijiet ċivili qed jiġu akkużati b''moharabeh' (għadwa ma' Alla) li tista' ġġib is-sentenza tal-mewt bħalma hu l-każ għal Shiva Nazar Ahari, membru tal-Kumitat tar-Reporters tad-Drittijiet tal-Bniedem (CHRR), li ilha miżmuma taħt arrest sa mill-20 ta’ Diċembru 2009 u li l-proċess tagħha quddiem qorti kriminali huwa imminenti,

H. billi l-persekuzzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi fl-Iran għadha għaddejja mingħajr ma tonqos xejn; billi f’Awwissu seba’ mexxejja tal-fidi Baha’i, Fariba Kamalabadi, Jamaloddin Khanjani, Afif Naeimi, Saeid Rezaie, Mahvash Sabet, Behrouz Tavakkoli, u Vahid Tizfahm li ilhom il-ħabs mill-2008 fuq il-bażi waħdanija tat-twemmin reliġjuż tagħhom, ingħataw sentenza ta’ 20 sena l-ħabs fuq akkużi ta’ propaganda kontra l-istat u spjunaġġ,

I. billi l-fastidju lir-rivali elettorali tal-President Ahmedinejad Mir-Hossein Mousavi u Mehdi Karrubi u ta’ membri anzjani oħra ta’ partiti politiċi għadu għaddej, kif juri l-attakk armat li sar l-aktar reċentement fuq id-dar tas-Sur Karrubi fit-3 ta’ Settembru 2010,

1.  Jikkundanna bil-qawwa s-sentenza tal-mewt bit-tħaġġir kontra Sakineh Mohammadi Ashtiani u uffiċjalment jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex ma jiġġustizzjawhiex la bit-tħaġġir u lanqas b'xi mod ieħor u biex jirrevedu l-każ tagħha;

2.  Jitlob bi dritt li r-Repubblika Iżlamika tal-Iran finalment tneħħi l-piena tal-mewt għal delitti mwettqa qabel l-età ta' tmintax-il sena u li temenda l-leġiżlazzjoni biex iġġibha konformi mal-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li l-Iran irratifikat, inklużi l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani b’mod partikolari biex ma jiġġudizzjawx lill-Ebrahim Hammadi u biex ukoll jirrevedu l-każ tiegħu;

3.  Jesprimi l-konsternazzjoni gravi tiegħu dwar il-fatt li l-Iran għadha ssib ruħha fil-grupp ta’ pajjiżi li jgħoddu ftit ħafna flimkien mal-Afganistan, is-Somalja, l-Arabja Sawdita, is-Sudan u n-Niġerja, li għadhom jipprattikaw is-sentenza tat-tħaġġir; f’dan il-kuntest jikkundanna bil-qawwa t-tħaġġir għall-mewt ta’ koppja fl-Afganistan li seħħ fil-15 ta’ Awwissu 2010;

4.  Jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni assoluta tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt u r-responsabilità partikolari tal-istati kollha bħala l-garanti tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini li ma jċaħħdu lil ħadd mill-ħajja tiegħu jew tagħha; jilqa’ l-fatt li sadattant ’il fuq minn 140 stat abolixxew il-piena tal-mewt;

5.  Jistieden lill-Parlament Iranjan biex jgħaddi leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-prattika krudila u inumana tat-tħaġġir, biex tneħħi l-piena tal-mewt - u bħala l-ewwel pass li jistabbilixxi moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet kif iħeġġu r-Riżoluzzjonijiet 62/149 u 63/168 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti - biex jipprojbixxi l-użu tas-swat bil-frosta u biex l-‘adulterju’ ma jibqax jitqies bħala delitt;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex iwaqqfu għalkollox il-prattika tal-konfessjonijiet pubbliċi trasmessi fuq it-televiżjoni;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex b'effett immedjat jeħilsu lil dawk kollha li qed jinżammu fuq il-bażi waħdanija tal-protesti paċifisti tagħhom u x-xewqa tagħhom li jagħmlu użu tad-dritt tal-bniedem bażiku tagħhom tal-libertà tal-espressjoni u b’mod partikolari jtenni t-talba qawwija tiegħu li s-seba’ mexxejja Baha’i jiġu lliberati mill-akkużi miġjuba kontrihom;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jagħtu aċċess lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar għall-priġunieri kollha u biex iħallu lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jimmoniterjaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż;

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jagħmlu pressjoni fuq in-NU biex tinnomina Mibgħut Speċjali biex jimmoniterja s-sitwazzjoni tad-detenuti politiċi u biex jiżgura li l-awtoritajiet Iranjani jaderixxu mal-istandards ta' proċess xieraq internazzjonali u mal-obbligi legali tal-Iran fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza