Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0499/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0499/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b’mod partikolari l-każ ta’ Sakineh Mohammadi Ashtiani u l-każ ta’ Zahra Bahrami

6.9.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Michał Tomasz Kamiński, Tomasz Piotr Poręba, Adam Bielan f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0494/2010

Proċedura : 2010/2846(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0499/2010
Testi mressqa :
B7-0499/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0499/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b’mod partikolari l-każ ta’ Sakineh Mohammadi Ashtiani u l-każ ta’ Zahra Bahrami

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, Catherine Ashton, tas-6 ta' Lulju 2010 dwar l-eżekuzzjonijiet imminenti fl-Iran,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tat-12 ta' Ġunju 2010 dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran ma marritx għall-aħjar mindu laħqet punt baxx wara l-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Ġunju 2009 u billi ħafna Iranjani batew vjolenza, ħabs u ripressjoni f’idejn l-awtoritajiet Iranjani matul din l-aħħar sena,

B.  billi Sakineh Mohammadi Ashtiani, mara ta’ 43 sena u omm ta’ żewġt ulied, ingħatat is-sentenza tal-mewt bit-tħaġġir wara li fl-2006 nstabet ħatja ta’ adulterju,

C. billi f’każ separat is-Sa Ashtiani ġiet ikkundannata għas-swat bil-frosta, u ngħatat 99 daqqa ta’ frosta,

D. billi Sakineh Mohammadi Ashtiani issa ngħatat is-sentenza ta' 99 tiswita oħra bil-frosta wara li allegatament dehret mingħajr velu f'ritratt ippubblikat f’gazzetta Brittanika,

E.  billi fit-12 ta’ Lulju l-Ġudikatura temporanjament waqqfet is-sentenza tat-tħaġġir ta’ Ashtiani, imma uffiċjali sussegwentement qalu li tista’ tiġi mgħallqa,

F.  billi Zahra Bahrami ta’ 45 sena, li għandha nazzjonalità kemm Olandiża u kemm Iranjana, ġiet arrestata meta kienet qed tivvjaġġa lejn l-Iran biex tiltaqa’ ma’ bintha fuq l-akkużi li kienet membru ta’ grupp monarkista, li waqqfet organizzazzjoni kontra l-gvern u li qassmet propaganda kontra r-reġim Iranjan, wara li ħadet sehem fil-protesti ta’ Ashura fis-27 ta’ Diċembru 2009,

G. billi s-Sa Bahrami, mill-arrest tagħha sal-lum, inżammet fil-Ħabs Evin f'Teheran, u wriet sinjali ta’ tortura u abbuż,

H. billi skont it-tagħrif li wasal lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Olandiż, is-Sa Bahrami se tingħata s-sentenza ta’ għomorha l-ħabs jew tal-mewt,

I.   billi la l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u lanqas l-awtoritajiet Olandiżi ma ngħataw aċċess għas-Sa Bahrami,

J.   billi l-awtoritajiet Iranjani għadhom jippersegwitaw lil minoritajiet reliġjużi bħalma huma l-Baha’i u l-Kristjani u bħalissa qed iżommu taħt arrest lil seba’ mexxejja Baha’i, Behrouz Tavakkoli, Saeid Rezaie, Fariba Kamalabadi, Bahid Tizfahm, Jamaloddin Khanjani, Afif Naeimi u Mahvash Sabet, li ngħataw is-sentenza ta’ 20 sena ħabs kull wieħed, mingħajr ma qatt ġiet ippreżentata l-ebda evidenza kontrihom,

K. billi l-awtoritajiet Iranjani għadhom iżommu l-ħabs mijiet ta’ nies li ġew miżmuma taħt arrest illegalment bħala parti mill-arresti tal-massa ta’ dissidenti politiċi u dimostranti paċifiċi wara l-elezzjonijiet presidenzjali kontroversjali tat-12 ta' Ġunju 2009,

L.  billi l-Iran qed tkompli tarresta u żżomm taħt arrest lil difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħal Shiva Nazar Ahari, li ġiet arrestata fiċ-ċentru ta’ Teheran fl-20 ta’ Diċembru 2009 u li jidher li ġiet akkużata b’“assemblea u kollużjoni biex twettaq delitt”, “propaganda kontra l-istat” u “moharebeh” (għadwa ma’ Alla), li jistgħu jġibu l-piena tal-mewt,

1.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jaqilbu s-sentenza tal-mewt tas-Sa Ashtiani u biex jagħtuha proċess ġust fil-qorti;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jagħtu lis-Sa Bahrami proċess ġust fil-qorti u d-drittijiet tagħha bħala priġuniera;

3.  Jikkundanna l-użu dejjem akbar li qed tagħmel l-Iran mill-piena tal-mewt bħala mezz biex tintimida l-oppożizzjoni politika u f’każijiet fejn l-użu tagħha huwa pprojbit skont il-liġi internazzjonali, bħal fil-każ tad-delitti mill-minorenni;

4.  Jitlob lill-Iran teħles lis-seba’ mexxejja Baha’i li qed jinżammu mingħajr ebda prova tal-akkużi miġjuba kontrihom u li d-detenzjoni tagħhom la tirrispetta l-impenji internazzjonali tal-Iran skont il-Konvenzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u lanqas il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha rigward id-drittijiet ta’ proċess ġust fil-qorti;

5.  Jitlob li jinħelsu minnufih dawk kollha miżmuma b'arrest minħabba r-raġuni waħdanija li b'mod paċifiku eżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni, u tal-assemblea jew abbażi tat-twemmin reliġjuż tagħhom, u jistieden lill-awtoritajiet biex jinvestigaw u jħarrku lill-uffiċjali governattivi u membri tal-forzi tas-sigurtà responsabbli għall-qtil, l-abbuż u t-tortura ta' dissidenti jew ta’ membri tal-familja tagħhom, dimostranti u ta' dawk miżmuma b'arrest;

6.  Jitlob lill-Iran biex tieqaf tarresta lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u biex teħles lil dawk li bħalissa jinsabu miżmuma b’arrest mingħajr ma ġew misjuba ħatja bi proċess ġust fil-qorti;

7.  Ifakkar li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huma drittijiet fundamentali li jridu jiġu ggarantiti taħt iċ-ċirkostanzi kollha skont l-Artikolu 18 tal-ICCPR li r-Repubblika Iżlamika tal-Iran iffirmat u rratifikat;

8.  Jinsab inkwetat b’mod partikolari minħabba l-konfessjonijiet trasmessi fuq it-televiżjoni ta', inter alia, Sakineh Mohammadi Ashtiani, li jagħtu kull impressjoni li huma miksuba permezz tal-forza jew theddid;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-PESK, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.