Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0503/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0503/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tkeċċija tar-Roma minn Franza

6.9.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Renate Weber, Sophia in 't Veld, Marielle De Sarnez, Cecilia Wikström, Niccolò Rinaldi, Sonia Alfano, Ramon Tremosa i Balcells, Leonidas Donskis, Olle Schmidt, Metin Kazak, Luigi de Magistris, Alexander Alvaro, Nathalie Griesbeck, f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0493/2010

Proċedura : 2010/2842(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0503/2010
Testi mressqa :
B7-0503/2010
Testi adottati :

B7‑0503/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tkeċċija tar-Roma minn Franza

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-prinċipji tal-ugwaljanza u tan-non-diskriminazzjoni, id-dritt għad-dinjità, għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-dejta personali, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, hekk kif rikonoxxuti minn konvenzjonijiet internazzjonali u Ewropej għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni ta' Qafas tal-1994 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ħarsien tal-minoranzi nazzjonali, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR) u l-każistika relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra t-Trattati, u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 6, u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 10, 18, 19, 45 et seq. tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 8, 19, 21, 24, 45, 47 u 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità u b'mod partikolari d-definizzjonijiet tad-diskriminazzjoni diretta u indiretta, id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma fl-Ewropa (COM(2010)0133), ir-Rapporti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2010 dwar l-Avvanzar tal-Inklużjoni tar-Roma,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar, inter alia, ir-Roma, ir-razziżmu u l-ksenofobija, il-miżuri kontra d-diskriminazzjoni, u l-moviment liberu, jiġifieri dawk tat-28 ta' April 2005 dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Unjoni Ewropea, tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea, tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet tal-libertà tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri, tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar il-ġlieda kontra ż-żieda tal-estremiżmu fl-Ewropa, tal-31 ta' Jannar 2008 dwar Strateġija Ewropea għar-Roma, tal-10 ta' Lulju 2008 dwar iċ-ċensiment tar-Roma fuq bażi tal-etniċità fl-Italja u tal-25 ta' Marzu 2010 dwar it-Tieni Samit Ewropew dwar ir-Roma,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Gvern Franċiż waqt laqgħa urġenti fit-28 ta' Lulju, li saret biex jiġu diskussi "l-problemi kkawżati mill-imġiba ta' ċerti Travellers u Roma" u wara l-inċidenti li wasslu biex ġendarm qatel lil Traveller ta' nazzjonalità Franċiża, inċident li dwaru għaddejja inkjesta, iddeċieda li madwar 300 kamp irregolari li fihom jgħixu r-Roma u t-Travellers għandhom jingħalqu fi żmien 3 xhur kif ukoll li r-Roma għandhom jitkeċċew lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom, jiġifieri r-Rumanija u l-Bulgarija,

B.  billi l-awtoritajiet Franċiżi ddikjaraw li kien qed isir rimpatriju "volontarju" u "umanitarju" b'kumpens ta' €300 għal kull adult u €100 għal kull tifel, filwaqt li l-istampa rrappurtat u l-Kumitat tan-NU għad-diskriminazzjoni razjali skopra li "mhux l-individwi kollha" taw "il-kunsens sħiħ u liberu tagħhom" jew fehmu d-drittijiet tagħhom, filwaqt li wħud mir-Roma ddikjaraw li ġew mhedda li jiġu arrestati jew li jitkeċċew bil-forza jekk jirrifjutaw ir-rimpatriju, u billi anke l-proċeduri mdaħħla mill-awtoritajiet, li jifirdu lill-irġiel min-nisa u t-tfal, wasslu għal kritika kbira,

C. billi mill-kważi 400,000 Roma li jgħixu fi Franza, 95% minnhom għandhom ċittadinanza Franċiża u għalhekk ma jistgħux jitkeċċew jew jiġu mġiegħla jitilqu mill-pajjiż u billi Franza ilha tiddeporta r-Roma għal diversi snin, fosthom madwar 10,000 fl-2009 u aktar minn 8,000 din is-sena,

D. billi f'Awwissu ġew żarmati 128 kamp u 979 Roma ntbagħtu lura l-Bulgarija u r-Rumanija minn Franza - li minnhom 151 intbagħtu lura bil-forza u 828 marru lura volontarjament,

E.  billi sabiex ir-Roma jitwaqqfu milli jerġgħu jidħlu fi Franza, min ingħata l-għajnuna għar-rimpatriju ntalab jiffirma formola u tteħdulu l-marki tas-swaba', biex ma jerġax jingħata l-flus jekk jerġa' jmur lura lejn Franza,

F.  billi l-Gvern Franċiż iddikjara wkoll li n-nuqqas li jiġu integrati r-Roma għandu jwaqqaf lir-Rumanija u lill-Bulgarija milli jissieħbu fiż-żona Schengen jekk "ma jassumux ir-responsabbiltà tagħhom" fil-konfront tar-Roma, b'kuntradizzjoni għall-valutazzjoni teknika dwar il-konformità tar-Rumanija u tal-Bulgarija li kienet approvata pożittivament mill-Istati Membri kollha fil-Grupp ta' Ħidma dwar Schengen; billi l-Kummissjoni rrifjutat ukoll proposta bħal din mill-Gvern Franċiż,

G. billi, minkejja l-fatt li l-miżuri meħuda mill-Gvern Franċiż wasslu għal kritika mifruxa f'livell nazzjonali, internazzjonali u Ewropew, minn NGOs, gvernijiet, istituzzjonijiet u mexxejja u organizzazzjonijiet reliġjużi, partikolarment mill-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali, mill-Kummissjoni tal-Kunsill tal-Ewropa kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza, mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem, mill-President tal-Assemblea Parlamentari u mill-korpi tal-UE, il-Gvern Franċiż baqa' għaddej bit-tkeċċijiet, filwaqt li rċieva biss l-appoġġ tal-Ministru tal-Intern Taljan li kien ippropona u implimenta miżuri simili fl-imgħoddi,

H. billi l-awtoritajiet Franċiżi stiednu lill-Ministri tal-Intern tal-Italja, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, Spanja, il-Greċja u aktar 'il quddiem tal-Belġju u tal-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Kanada u l-Istati Uniti, għal laqgħa f'Pariġi fis-6 ta' Settembru biex jiġu diskussi l-"immigrazzjoni" u kwistjonijiet dwar il-moviment liberu li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE, laqgħa li għaliha ma ġewx mistiedna Stati Membri oħrajn, u billi l-Ministru tal-Intern tal-Italja ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jagħmel ħiltu biex l-UE ddaħħal miżuri aktar stretti dwar l-immigrazzjoni u l-moviment liberu, partikolarment għar-Roma,

I.   billi d-dritt għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u tal-familji tagħhom huwa dritt fundamentali ingastat fit-Trattati tal-UE u rregolat bid-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, li kien is-suġġett ta' rapport mill-Kummissjoni u ta' linji gwida għall-Istati Membri dwar l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva,

J.   billi l-Kummissoni, bħala l-Gwardjan tat-Trattati, għandha d-dmir tiżgura li t-Trattati u l-liġi tal-UE, kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, jiġu mħarsa, protetti u promossi fl-UE u għandha tirreaġixxi minnufih u b'mod qawwi kontra vjolazzjonijiet ċari tagħhom, malli jseħħu,

K. billi tali tkeċċijiet iseħħu f'kuntest ta' dikjarazzjonijiet mill-mexxejja tal-Gvern Franċiż li jdaħħlu rabtiet bejn ir-Roma, l-immigranti u l-kriminalità u billi tressqu wkoll proposti biex titneħħa ċ-ċittadinanza Franċiża tal-persuni kollha ta' oriġini barranija li jkunu heddew il-ħajja ta' pulizija; billi fl-UE kollha, qed jiżdiedu r-reati tal-mibegħda u l-vjolenza razzista kontra r-Roma,

L.  billi t-tribunal amministrattiv ta' Lille ikkonferma deċiżjoni preċedenti tal-qorti tas-27 ta' Awwissu billi għadda sentenza kontra l-ordnijiet ta' deportazzjoni ta' seba' Roma, minħabba li l-awtoritajiet ma ppruvawx li kienu "theddida għall-ordni pubbliku",

M. billi l-Ġermanja qed tipprepara biex tibgħat lura madwar 12,000 Roma lejn il-Kosovo, li nofshom huma tfal, inklużi tfal imwielda l-Ġermanja, minkejja t-talba lill-Istati Ewropej tal-Punent mill-UNICEF u mill-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem biex ma jibqgħux jibagħtu lura bil-forza lir-Roma lejn il-Kosovo; billi l-Isvezja ddeportat madwar 50 Roma talli "ttallbu", minkejja li l-fatt li wieħed jittallab mhuwiex reat fl-Isvezja; billi f'Lulju d-Danimarka keċċiet lir-Roma arbitrarjament; billi Stati oħrajn, bħall-Italja, japplikaw politiki simili jew ħabbru miżuri restrittivi ġodda,

1.  Jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi kif ukoll minn awtoritajiet ta' Stati Membri oħra kontra r-Roma u t-Travellers u biex jerġgħu jintbagħtu lura lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom u jħeġġiġhom biex jissospendu minnufih it-tkeċċijiet kollettivi tar-Roma; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-Istati Membri biex jintervjenu bl-istess talba;

2.  Jenfasizza li dawn il-miżuri jiksru t-Trattati u l-liġi tal-UE, billi jirrappreżentaw diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' razza u etniċità u ksur tad-Direttiva 2004/38/KE dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini u tal-familji tagħhom fl-UE, filwaqt li t-tkeċċijiet kollettivi huma projbiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali;

3.  Ifakkar li d-Direttiva 2004/38 tiċċirkoskrivi l-possibbiltà li jitkeċċa ċittadin tal-Unjoni fi ħdan limiti ddefiniti b'mod ċar, partikolarment il-fatt li jkun theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika jew li jkun piż eżaġerat fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali; deċiżjonijiet dwar tkeċċijiet għandhom ikunu evalwati u deċiżi individwalment, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi personali (Artikolu 28), jiġu applikati salvagwardji proċedurali (Artikolu 30), jiġi ggarantit l-aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi ta' sospensjoni u kumpens (Artikolu 31), u filwaqt li jitqies li t-tkeċċijiet ta' ċittadini għaliex jirrappreżentaw piż eżaġerat fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti mhuwiex biżżejjed biex jiġġustifika t-tkeċċija awtomatika (Premessa 16 u Artikolu 14), li kull restrizzjoni tal-libertà tal-moviment u r-residenza abbażi ta' raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika ma tistax tintuża għal raġunijiet ekonomiċi, għandha tkun proporzjonata u bbażata biss fuq l-imġiba personali tal-individwu kkonċernat u mhux fuq kunsiderazzjonijiet ta' prevenzjoni ġenerali u l-imġiba personali tal-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida reali, attwali u serja biżżejjed li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà (Artikolu 27), li s-sanzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri għandhom ikunu effikaċi u proporzjonati (Artikolu 36) u l-persuni għandhom jingħataw tal-anqas xahar biex jitilqu;

4.  Jinnota li t-tkeċċijiet iffukaw fuq ir-Roma speċifikament bħala komunità meqjusa ġeneralment bħala theddida għall-ordni u s-sikurezza pubblika, jew bħala piż għall-għajnuna soċjali, u twettqu f’perjodu ta’ żmien qasir ħafna taħt kundizzjonijiet li inkludew l-istigmatizzazzjoni pubblika u l-użu ta’ forza u intimidazzjoni; l-ebda evalwazzjoni individwali u każ b'każ ma tista' ssir b'mod raġonevoli u xieraq f'tali kundizzjonijiet; ma ġewx applikati u ggarantiti salvagwardji materjali u proċedurali; il-kundizzjoni tal-proporzjonalità ma tħarsitx; il-miżuri setgħu ttieħdu għal raġunijiet ekonomiċi jew għal prevenzjoni ġenerali; id-Direttiva ma tipprevedi l-ebda proċedura li tippermetti r-ritorn faċilitat jew volontarju taċ-ċittadini tal-UE lejn l-Istat Membru tal-oriġini abbażi ta' "kumpens" ekonomiku, li jkun kuntrarju wkoll għall-ispirtu u t-test tat-Trattati, peress li l-moviment liberu huwa dritt fundamentali li ma jistax jiġi ttrasferit u ma jistax jinxtara u jinbiegħ, u joħloq diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE; barra minn hekk, skont l-awtoritajiet Rumeni, l-ebda waħda mill-persuni li ntbagħtu lura qatt wettqu reat fi Franza jew fir-Rumanija, filwaqt li l-qrati Franċiżi qatgħu sentenza kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ta' tkeċċija tar-Roma li kienu msejsa fuq il-fatt li kienu "theddida għall-ordni pubbliku";

5.  Barra minn hekk jenfasizza li l-ġbir tal-marki tas-swaba' tar-Roma mkeċċija huwa illegali u jmur kontra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (l-Artikoli 21(1) u (2), it-Trattati u l-liġi tal-UE, primarjament id-Direttivi 38/2004 u 43/2000 u jirrappreżenta diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika jew nazzjonali;

6.  Jilqa' l-istqarrija maħruġa mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza fil-25 ta' Awwissu, li esprimiet '"tħassib" dwar it-tkeċċija tar-Roma minn Franza u li ssostni li "ħadd ma għandu jħabbat wiċċu ma’ tkeċċija sempliċement għax hu Roma", filwaqt li tistieden "lill-Istati Membri kollha biex jirrispettaw ir-regoli tal-UE miftiehma b'mod konġunt dwar il-moviment liberu, in-non-diskriminazzjoni u l-valuri komuni tal-Unjoni Ewropea, li hija "komunità ta’ valuri u drittijiet fundamentali", u partikolarment ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jiffurmaw parti minn minoranzi, u jistieden lill-Kummissjoni taġixxi malajr abbażi tat-Trattati biex tiżgura li t-Trattati u l-liġi tal-UE jiġu rispettati;

7.  Jilqa’ u jitlob li jkun involut fl-"analiżi sħiħa" mħabbra mill-Kummissarju tas-sitwazzjoni fi Franza u l-verifika tal-konformità tal-miżuri li ttieħdu mal-liġi tal-UE, kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi u fis-sessjoni ta’ ħidma proposta mill-President tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi; jitlob li dan il-monitoraġġ ikopri lill-Istati Membri kollha;

8.  Jitlob li jinħolqu Strateġija Ewropea għar-Roma li jkun fiha "miżuri konkreti li jħarsu 'l quddiem li jtejbu l-integrazzjoni soċjali tar-Roma" u "miżuri li jinvolvu l-akkomodazzjoni, l-aċċess għas-suq tal-impjiegi, l-edukazzjoni u s-saħħa" biex jikkontribwixxu "għat-titjib tas-sitwazzjoni tar-Roma"; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-gvernijiet nazzjonali u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom biex jieħdu r-responsabbiltà konġunta tagħhom għar-Roma u jikkontribwixxu għal din l-istrateġija u jieħdu miżuri xierqa ta' integrazzjoni fil-livell rispettiv ta’ responsabbiltà tagħhom, partikolarment l-Istati Membri tal-oriġini u d-destinazzjoni; jenfasizza li l-politiki ta' integrazzjoni jistgħu jirnexxu biss jekk ikunu bbażati fuq proċess ta' inklużjoni minn żewġ naħat, li jinvolvi lir-Roma u lis-soċjetà kollha, b'rikonoxximent reċiproku u rispett tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet;

9.  Huwa tal-istess fehma tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza rigward "ir-retorika li ntużat f'xi Stati Membri fil-ġimgħat li għaddew" li "kienet diskriminatorja b'mod miftuħ u parzjalment xewwiexa" u rigward it-talba biex min ifassal il-politika jittratta l-kwistjoni tal-integrazzjoni tar-Roma "b'attenzjoni u b'responsabbiltà"; jirrifjuta dikjarazzjonijiet li jorbtu l-minoranzi u l-immigranti mal-kriminalità, minħabba li joħolqu sterjotipi negattivi li jikkontribwixxu għall-istigmatizzazzjoni tar-Roma u għad-diskriminazzjoni kontrihom;

10. Ifakkar li l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE huwa kwistjoni tal-UE u li konsegwentement, abbażi tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, kwistjonijiet bħal dawn għandhom jiġu diskussi fl-istituzzjonijiet tal-UE u mhux f’laqgħat ristretti fejn jiġu mistiedna biss xi gvernijiet tal-Istati Membri; konsegwentement, iqis li l-laqgħa msejħa minn Franza kienet barrra minn lokha u jemmen li l-Kummissjoni, il-Presidenza Belġjana u dawk l-Istati Membri li ġew mistiedna ma kellhomx jieħdu sehem fiha; jitlob li kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE jiġu diskussi fil-fora istituzzjonali xierqa previsti mit-Trattati; jilqa' t-talba tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza lill-awtoritajiet Franċiżi biex jibdew djalogu mal-Istati Membri kollha tal-UE biex "nassumu – bl-użu tat-Trattati u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE bħala bażi – ir-responsabbiltà komuni tagħna għar-Roma", kif ukoll il-fatt li l-Kummissjoni offriet li tagħmilha ta' medjatur bejn l-Istati Membri u li timmonitorja u tivvaluta l-progress li jkun qed isir;

11. Jitlob lill-awtoritajiet Franċiżi jirrispettaw il-liġi Franċiża, skont liema l-muniċipalitajiet kollha (komuni) b'aktar minn 5,000 abitant iridu jistabbilixxu siti awtorizzati ta' waqfien għat-Travellers, filwaqt li l-Kummissjoni Franċiża għall-Opportunitajiet Indaqs u Kontra d-Diskriminazzjoni (HALDE) sabet li 25% biss tal-muniċipalitajiet li għandhom dak l-obbligu fil-fatt onorawh, u dan wassal għal żieda fl-għadd ta' Travellers li jgħixu f'siti mhux awtorizzati ta' waqfien;

12. Ifakkar lill-awtoritajiet Franċiżi dwar l-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem biex jiggarantixxu d-drittijiet tal-persuni kollha, inklużi r-Roma u t-Travellers, inter alia, għal akkomodazzjoni xierqa, u jenfasizza li għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni alternattiva adegwata, li tinkoraġġixxi s-sedentarizzazzjoni u l-integrazzjoni tagħhom; iħeġġeġ lil Franza tneħħi kull dispożizzjoni fil-liġi Franċiża li hija diskriminatorja kontra t-Travellers, bħal dispożizzjoni li tirrikjedi li jkollhom permessi tal-ivvjaġġar jew dispożizzjoni li tillimita d-dritt tal-vot tagħhom;

13. Itenni it-talbiet preċedenti tiegħu biex l-Istati Membri jirrevedu u jirrevokaw liġijiet u politiki li jkunu ta' diskriminazzjoni kontra r-Roma fuq il-bażi tar-razza u tal-etniċità, b'mod dirett jew indirett, u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jissorveljaw l-applikazzjoni min-naħa tal-Istati Membri tat-Trattati u tad-direttivi dwar miżuri kontra d-diskriminazzjoni u dwar il-moviment liberu, partikolarment għar-Roma, u biex jieħdu l-miżuri neċessarji jekk dan ma jkunx il-każ, partikolarment billi jressqu proċeduri ta' ksur;

14. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jimmobilizzaw finanzjament xieraq għal proġetti dwar l-integrazzjoni tar-Roma, għall-monitoraġġ tad-distribuzzjoni ta' dawn il-fondi lill-Istati Membri, ta' kif jintużaw dawn il-fondi, tal-implimentazzjoni xierqa tal-proġetti, biex tkun evalwata l-effikaċja tagħhom, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni joħorġu rapport dwar din il-kwistjoni flimkien ma' proposti xierqa;

15. Jinkariga lill-kumitat responsabbli tiegħu biex, wara konsultazzjoni mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u mal-NGOs u l-korpi li jittrattaw kwistjonijiet marbuta mar-Roma u d-drittijiet tal-bniedem, isegwi l-kwistjoni u jħejji rapport dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Ewropa, filwaqt li jibni fuq riżoluzzjonijiet u rapporti preċedenti tal-PE;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa u lin-NU.