Proċedura : 2010/2842(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0504/2010

Testi mressqa :

B7-0504/2010

Dibattiti :

PV 07/09/2010 - 11
CRE 07/09/2010 - 11

Votazzjonijiet :

PV 09/09/2010 - 5.2
CRE 09/09/2010 - 5.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0312

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 158kWORD 107k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0493/2010
6.9.2010
PE446.587v01-00
 
B7-0504/2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Ewropa


Hélène Flautre, Nicole Kiil-Nielsen, Margrete Auken, Reinhard Bütikofer, Marije Cornelissen, Karima Delli, Franziska Keller, Jean Lambert, Barbara Lochbihler, Ulrike Lunacek, Raül Romeva i Rueda, Keith Taylor, Bart Staes, Catherine Grèze, Heidi Hautala, Malika Benarab-Attou f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Ewropa   
B7‑0504/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, primarjament il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali, id-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1992 dwar id-Drittijiet ta’ Persuni li jappartjenu lil Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi, il-Konvenzjoni tan-NU għall-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–   wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet Ewropej li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, primarjament il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-każistika relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u r-rakkomandazzjonijiet relatati tal-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 18, 19 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u primarjament l-Artikoli 21 (nuqqas ta’ diskriminazzjoni) u 45 (Libertà ta’ moviment u ta’ residenza) tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali fost il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika u primarjament id-definizzjonijiet ta' diskriminazzjoni diretta u indiretta u d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqalqu u joqogħdu liberament fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma fl-Ewropa (COM(2010)0133) u r-Rapporti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 437/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà ta’ interventi għall-akkomodazzjoni favur il-komunitajiet emarġinati,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali fis-77 sessjoni tiegħu (2-27 Awwissu 2010) fir-rigward tad-Danimarka, l-Estonja, Franza, ir-Rumanija u s-Slovenja,

–   wara li kkunsidra r-rapport mill-Kunsill tal-Ewropa, ir-4 rapport tal-ECRI dwar Franza, ippublikat fil-15 ta’ Ġunju 2010,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2009 dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea 2004-2008,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar, inter alia, ir-Roma, ir-razziżmu u l-ksenofobija, il-miżuri kontra d-diskriminazzjoni, u l-libertà ta’ moviment, primarjament dawk tal-31 ta’ Jannar 2008 dwar Strateġija Ewropea għar-Roma, tal-10 ta’ Lulju 2008 dwar iċ-ċensiment tar-Roma fuq il-bażi tal-etniċità fl-Italja u tal-25 ta’ Marzu 2010 dwar it-Tieni Samit Ewropew dwar ir-Roma,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ proċedura tiegħu,

A. billi l-Gvern Franċiż waqt laqgħa urġenti fit-28 ta' Lulju, li saret biex jiġu diskussi “l-problemi kkawżati mill-imġiba ta' ċerti Travellers u Roma” u wara l-qtil ta’ Traveller (ta' nazzjonalità Franċiża) minn ġendarm u l-inċidenti li seħħew wara, iddeċieda li madwar 300 kamp irregolari li fihom jgħixu r-Roma u t-Travellers għandhom jingħalqu fi żmien 3 xhur kif ukoll li r-Roma għandhom jitkeċċew lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom, jiġifieri r-Rumanija u l-Bulgarija,

B.  billi l-awtoritajiet Franċiżi ddikjaraw li kien qed isir rimpatriju “volontarju” u “umanitarju” b'kumpens ta' €300 għal kull adult u €100 għal kull tifel, filwaqt li l-istampa rrappurtat u l-Kumitat tan-NU għad-diskriminazzjoni razzjali skopra li “mhux l-individwi kollha” taw “il-kunsens sħiħ u liberu tagħhom” jew fehmu d-drittijiet tagħhom, filwaqt li wħud mir-Roma ddikjaraw li ġew mhedda li jiġu arrestati jew li jitkeċċew bil-forza jekk jirrifjutaw ir-rimpatriju “volontarju”, u billi anke l-proċeduri mdaħħla mill-awtoritajiet, li jifirdu lill-irġiel min-nisa u t-tfal, wasslu għal kritika kbira; billi sabiex ir-Roma jitwaqqfu milli jerġgħu jidħlu fi Franza, min ingħata l-għajnuna għar-rimpatriju ntalab jiffirma formola u tteħdulu l-marki tas-swaba',

C. billi l-inabilità li jsibu xogħol fis-suq tax-xogħol formali, flimkien ma’ nuqqas ta’ riżorsi suffiċjenti ta’ spiss huma ostakoli għar-reġistrazzjoni tar-residenza tagħhom

D. billi mill-kważi 400, 000 Roma li jgħixu fi Franza, 95% minnhom għandhom ċittadinanza Franċiża u li Franza ilha tiddeporta r-Roma għal diversi snin, fosthom madwar 10,000 fl-2009 u aktar minn 8,000 din is-sena,

E.  billi 86 Roma ntbagħtu lura r-Rumanija u l-Bulgarija fid-19 ta’ Awwissu, madwar 130 fl-20 ta’ Awwissu, madwar 300 fis-26 ta’ Awwissu u li l-gvern ħabbar li madwar 800 Roma se jintbagħtu lura sa tmiem Awwissu,

F.  billi l-Gvern Franċiż iddikjara wkoll li n-nuqqas li jiġu integrati r-Roma għandu jwaqqaf lir-Rumanija u lill-Bulgarija milli jissieħbu fiż-żona Schengen f’Marzu jekk "ma jassumux ir-responsabbiltà tagħhom" fil-konfront tar-Roma, b'kuntradizzjoni għall-valutazzjoni teknika dwar il-konformità tar-Rumanija u tal-Bulgarija li kienet approvata pożittivament mill-Istati Membri kollha fil-Grupp ta' Ħidma dwar Schengen; billi l-Kummissjoni rrifjutat ukoll proposta bħal din mill-Gvern Franċiż,

G. billi, minkejja l-fatt li l-miżuri meħuda mill-Gvern Franċiż wasslu għal kritika mifruxa f'livell nazzjonali, internazzjonali u Ewropew, minn NGOs, gvernijiet, istituzzjonijiet u mexxejja u organizzazzjonijiet reliġjużi, partikolarment min-NU, il-Kunsill tal-Ewropa u mill-korpi tal-UE, il-Gvern Franċiż baqa' għaddej bit-tkeċċijiet, filwaqt li rċieva biss l-appoġġ tal-Ministru tal-Intern Taljan li kien ippropona u implimenta miżuri simili fl-imgħoddi,

H. billi tali tkeċċijiet iseħħu f'kuntest ta' dikjarazzjonijiet mill-mexxejja tal-gvern Franċiż li jdaħħlu rabtiet bejn ir-Roma, l-immigranti u l-kriminalità u billi tressqu wkoll proposti biex titneħħa ċ-ċittadinanza Franċiża mill-persuni kollha ta' oriġini barranija li jkunu heddew il-ħajja ta' pulizija,

I.   billi tkeċċijiet riċenti ta’ Roma ġew kuntestati mill-Qrati Nazzjonali Franċiżi minħabba interpretazzjoni sproporzjonata ta’ "theddida għall-ordni pubbliku" li saret mill-awtoritajiet Franċiżi meta mmotivaw it-tkeċċijiet biss fuq il-bażi ta' approprjazzjoni illegali ta' art,

J.   billi l-awtoritajiet Franċiżi stiednu lill-Ministri tal-Intern tal-Italja, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, Spanja, il-Greċja u 'l quddiem tal-Belġju u tal-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Kanada u l-Istati Uniti, għal laqgħa f'Pariġi f’ Settembru biex jiġu diskussi l-"immigrazzjoni" u kwistjonijiet dwar il-moviment liberu li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE, laqgħa li għaliha ma ġewx mistiedna Stati Membri oħrajn, u billi l-Ministru tal-Intern tal-Italja ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jagħmel ħiltu biex l-UE ddaħħal miżuri aktar stretti dwar l-immigrazzjoni u l-moviment liberu, partikolarment għar-Roma,

K. billi d-dritt għall-moviment liberu huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati tal-UE u rregolat bid-Direttiva 2004/38/KE, li kien is-suġġett ta' rapport mill-Kummissjoni u ta' linji gwida għall-Istati Membri dwar l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva,

L.  billi l-UE trio fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom dwar it-tieni samit tar-Roma li sar f’Cordoba bejn it-8-9 ta’ April 2010 mpenjaw ruħhom li:

· imexxu ’l quddiem l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet marbuta mar-Roma fil-politiki Ewropej u nazzjonali dwar id-drittijiet fundamentali, u l-protezzjoni kontra r-razziżmu, il-faqar u l-esklużjoni soċjali,

· itejbu t-tfassil tar-rotta programmatika tal-Pjattaforma Integrata dwar l-Inklużjoni tar-Roma u jipprijoritizzaw objettivi u riżultati fundamentali,

· jiżguraw li l-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Fondi Strutturali, ikunu disponibbli għar-Roma,

M. billi l-espulsjonijiet ta’ Roma bħala tali jirrappreżentaw ksur serju tal-valuri Ewropej fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jmorru kontra l-impenji tal-Istati Membri tal-UE li jsaħħu l-integrazzjoni tar-Roma kif adottat fit-tieni samit dwar ir-Roma,

N. billi l-Kummissoni għandha d-dmir tiżgura li t-Trattati u l-liġi tal-UE, kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, jiġu mħarsa, protetti u promossi fl-UE u għandha tirreaġixxi minnufih u b'mod qawwi kontra l-vjolazzjonijiet ċari tagħhom, malli jseħħu,

O. billi l-Ġermanja qed tipprepara biex tibgħat lura madwar 12,000 Roma lejn il-Kosovo, li nofshom huma tfal, inklużi tfal imwielda l-Ġermanja, minkejja t-talba lill-Istati Ewropej tal-Punent mill-UNICEF u mill-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem biex ma jibqgħux jibagħtu lura bil-forza lir-Roma lejn il-Kosovo; billi wħud minnhom saħansitra sabu ruħhom fil-kampijiet kontaminati biċ-ċomb f’Mitrovica tat-Tramuntana, fejn il-kundizzjonijiet jirrappreżentaw periklu mortali għas-saħħa; billi l-Isvezja ddeportat madwar 50 Roma talli "ttallbu", minkejja l-fatt li, li wieħed jittallab mhuwiex reat fl-Isvezja; billi Stati oħra japplikaw politiki simili; billi f'Lulju d-Danimarka keċċiet lir-Roma arbitrarjament;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi kif ukoll minn awtoritajiet ta' Stati Membri oħra li ffukaw fuq ir-Roma u t-Travellers u pprovdew għall-espulsjoni tagħhom, iħeġġiġhom biex jissospendu l-espulsjonijiet kollha tar-Roma filwaqt li jistieden lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri biex jintervjenu bl-istess rikjesta.

2.  Jenfasizza li dawn il-miżuri jiksru t-Trattati u l-liġi tal-UE, ladarba jirrappreżentaw diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' razza u etniċità, u d-Direttiva 2004/38/KE dwar il-moviment liberuta' ċittadini u tal-familji tagħhom fl-UE, filwaqt li espulsjonijiet kollettivi huma projbiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u taħt l-ebda ċirkostanza ma jistgħu jiġu aċċettati.

3.  Ifakkar li d-Direttiva 2004/38 tiċċirkoskrivi l-possibilità li jitkeċċa ċittadin tal-Unjoni fi ħdan limiti ddefiniti b'mod ċar u li, b’mod speċifiku, deċiżjonijiet dwar tkeċċijiet għandhom ikunu evalwati u deċiżi individwalment, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi personali (Artikolu 28), jiġu applikati salvagwardji proċedurali (Artikolu 30), jiġi ggarantit l-aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi ta' sospensjoni u kumpens (Artikolu 31), it-tkeċċijiet ta' ċittadini għaliex jirrappreżentaw piż eżaġerat fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti mhuwiex biżżejjed biex jiġġustifika t-tkeċċija awtomatika (Premessa 16 u Artikolu 14), kull restrizzjoni tal-libertà tal-moviment u r-residenza abbażi ta' raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika ma jistgħux jintużaw għal raġunijiet ekonomiċi, għandha tkun proporzjonata u bbażata biss fuq l-imġiba personali tal-individwu kkonċernat u mhux fuq kunsiderazzjonijiet ta' prevenzjoni ġenerali (Artikolu 27), is-sanzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri għandhom ikunu effikaċi u proporzjonati (Artikolu 36);

4.  Jinnota li l-espulsjonijiet kellhom lir-Roma speċifikament bħala komunità fil-mira tagħhom bħala theddida għall-ordni u s-sikurezza pubblika u bħala piż għall-għajnuna soċjali, u twettqu f’terminu ta’ żmien qasir ħafna taħt kundizzjonijiet li nkludew l-istigmatizzazzjoni pubblika u l-użu ta’ forza u intimidazzjoni; peress li ma tista’ titwettaq sew l-ebda evalwazzjoni preċiża individwali jew skont il-każ f’kundizzjonijiet bħal dawn, is-salvagwardji proċedurali ma ġewx applikati u ggarantiti; il-kundizzjoni tal-proporzjonalità ma tħarsitx u l-miżuri setgħu jittieħdu għal finijiet ekonomiċi jew għal prevenzjoni ġenerali; id-direttiva la tipprevedi u lanqas tippermetti kwlaunkwe proċedura li tipprovdi għar-ritorn faċilitat jew volontarju taċ-ċittadini tal-UE għall-Istat Membru tal-oriġini abbażi tal-‘kumpens’ ekonomiku, li jkun kuntrarju wkoll għall-ispirtu u l-ittra tat-Trattati, peress li l-moviment liberu huwa dritt fundamentali li ma jistax jiġi mbiegħed, mixtri jew mibjugħ, u joħloq diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkonformaw b’mod strett mal-obbligi tagħhom skont il-liġijiet tal-UE u jneħħu l-inkonsistenzi fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu;

6.  Barra minn hekk jenfasizza li l-ġbir tal-marki tas-swaba tar-Roma mkeċċija huwa illegali u jmur kontra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (l-artikoli 21.1 u 2), it-Trattati u l-liġi tal-UE, primarjament id-Direttivi 38/2004 u 43/2000 u jirrappreżenta diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika jew nazzjonali;

7.  Hu tal-istess opinjoni tal-Kummissarju għall-Ġustizzja dwar ‘ir-retorika li ntużat f’xi Stati Membri fil-ġimgħat li għaddew’ li ‘kienet diskriminatorja b'mod miftuħ u parzjalment xewwiexa’ u t-talba biex min ifassal il-politika jittratta l-kwistjoni tal-integrazzjoni tar-Roma ‘b'attenzjoni u b'responsabbiltà’ u jirrifjuta dikjarazzjonijiet xewwiexa li jorbtu l-minoranzi u l-immigranti mal-kriminalità, minħabba li joħolqu sterjotipi negattivi li jikkontribwixxu għall-istigmatizzazzjoni tar-Roma u għad-diskriminazzjoni kontrihom;

8.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni dwar l-aċċettazzjoni tal-kulturi differenti u l-impatt tad-diskriminazzjoni u l-preġudizzju; jinnota li r-responsabbiltà għall-inklużjoni effettiva tinsab kemm mar-Roma kif ukoll mal-popolazzjoni ġenerali, li t-tnejn li huma jridu jagħmlu sforz biex jintegraw ma’ xulxin għall-kisba tal-għaqda soċjali;

9.  Jilqa’ l-istqarrija maħruġa mill-Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza fil-25 ta' Awwissu, li esprimiet 'tħassib' dwar l-espulsjoni tar-Roma minn Franza u ssostni li ‘ħadd ma għandu jħabbat wiċċu ma’ espulsjoni sempliċment għax hu Roma', filwaqt li tistieden ‘lill-Istati Membri kollha biex jirrispettaw ir-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni u d-drittijiet fundamentali li kien hemm qbil komuni dwarhom’, li huma ‘ġabra ta' valuri u drittijiet fundamentali', u primarjament ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, inkluż id-drittijiet ta’ persuni li jiffurmaw parti minn minoranzi';

10. Jistieden lill-Kummissjoni biex taġixxi fil-ħin sabiex tiżgura li t-Trattati u l-liġi tal-UE jiġu rrispettati, primarjament billi immedjatament tirrikjedi lill-Istati Membri biex iwaqqfu t-tkeċċija tar-Roma ladarba l-valutazzjoni tagħha tal-legalità tal-UE mhijiex kompluta;

11. Jilqa’ u jitlob li jkun involut fl-‘analiżi sħiħa’ mħabbra mill-Kummissarju tas-sitwazzjoni fi Franza u l-verifika tal-konformità tal-miżuri li ttieħdu mal-liġi tal-UE, kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi u fis-sessjoni ta’ ħidma proposta mill-President tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi; jitlob biex dan il-monitoraġġ ikopri lill-Istati Membri kollha involuti; jinsisti biex il-Kummissjoni ma tibbażax l-analiżi tagħha fuq l-iskambji tagħha mal-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati biss iżda wkoll fuq konsultazzjoni profonda mal-NGOs rilevanti u r-rappreżentanti Roma;

12. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea għal Strateġija Ewropea għar-Roma komprensiva, li jkun fiha ‘miżuri konkreti li jħarsu 'l quddiem li jtejbu l-integrazzjoni soċjali tar-Roma’ u ‘miżuri li jinvolvu l-akkomodazzjoni, l-aċċess għas-suq tal-impjiegi, l-edukazzjoni u s-saħħa’ biex jikkontribwixxu 'għat-titjib tas-sitwazzjoni tar-Roma'; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jieħdu r-responsabbiltà konġunta tagħhom għar-Roma u jikkontribwixxu għal din l-istrateġija fil-livell rispettiv ta’ responsabbiltà tagħhom;

13. Ifakkar li l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE huwa kwestjoni tal-UE u li konsegwentement, abbażi tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, kwestjonijiet bħal dawn għandhom jiġu diskussi fl-istituzzjonijiet tal-UE u mhux f’laqgħat ristretti fejn jiġu mistiedna biss xi gvernijiet tal-Istati Membri; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-iskop ta’ laqgħat ristretti bħal dawn li għandhom l-għan li jipperikolaw l-ambitu taċ-ċittadinanza Ewropea u l-implimentazzjoni tal-moviment taċ-ċittadini;

14. Jistieden lill-Istati Membri kkonċernati biex inaqqsu d-differenzi fil-protezzjoni tal-minoranzi fit-territorju tagħhom permezz tal-firma u r-ratifika tal-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali;

15. Jistieden lill-awtoritajiet Franċiżi biex jinvestigaw modi kif jinġabru statistiċi etniċi fir-rispett tal-prinċipju tal-ugwaljanza għal kulħadd sabiex jiġi mkejjel kemm il-politiki uffiċjali huma effikaċi biex tkun miġġielda d-diskriminazzjoni;

16. Iħeġġeġ lil gvernijiet tad-Danimarka, l-Estonja, Franza, ir-Rumanija u s-Slovenja biex iżommu mal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali billi, minnufih, japprovaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali fis-77 sessjoni tiegħu; partikolarment għal Franza, biex jiġu evitati espulsjonijiet kollettivi, sabiex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu żgurati opportunitajiet ugwali fl-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità fil-livelli kollha, fis-saħħa, fl-akkomodazzjoni u f’faċilitajiet pubbliċi oħra, biex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-iżgurar tad-dritt għal vot, biex jiġi pprovdut kenn kif ippjanat skont il-liġi Besson tal-5 ta’ Lulju 2000 u biex jiġi garantit it-trattament ugwali taċ-ċittadini kollha billi jitneħħew it-titoli ta’ ċirkolazzjoni għal ‘travellers’;

17. Ifakkar lill-Istati Membri tal-UE dwar l-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem biex jiggarantixxu d-drittijiet tal-persuni kollha, inklużi r-Roma u t-Travellers, inter alia, għal akkomodazzjoni xierqa, u jenfasizza li għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni alternattiva adegwata;

18. Iħeġġeġ lil Franza tneħħi kull dispożizzjoni fil-liġi Franċiża li hija diskriminatorja kontra t-Travellers, bħal dispożizzjoni li tirrikjedi li jkollhom permessi tal-ivvjaġġar jew dispożizzjoni li tillimita d-dritt tal-vot tagħhom; jitlob ukoll lill-awtoritajiet Franċiżi jirrispettaw il-liġi Franċiża, skont liema l-muniċipalitajiet kollha (komuni) b'aktar minn 5,000 abitant iridu jistabbilixxu siti awtorizzati ta' waqfien għat-Travellers, filwaqt li l-Kummissjoni Franċiża għall-Opportunitajiet Indaqs u Kontra d-Diskriminazzjoni (HALDE) sabet li 25% biss tal-muniċipalitajiet li għandhom dak l-obbligu fil-fatt onorawh, u dan wassal għal żieda fl-għadd ta' Travellers li jgħixu f'siti mhux awtorizzati ta' waqfien;

19. Jitlob għall-implimentazzjoni effettiva ta’ politiki mmirati lejn in-nisa Roma, li huma vittmi ta’ diskriminazzjoni doppja: bħala Roma u bħala nisa; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, f’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, biex iwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni mmirati lejn in-nisa Roma kif ukoll lejn il-pubbliku ġenerali, u sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet rilevanti sabiex jiġġieldu kontra d-drawwiet kulturali diskriminatorji u l-mudelli ta’ mġiba patrijarkali, sabiex jipprevjenu l-polarizzazzjoni u jittrattaw l-isterjotipi sessisti prevalenti u l-istigmatizzazzjoni soċjali li fuqhom hi msejsa l-vjolenza kontra n-nisa, u biex jiżguraw li ma jkun hemm ebda ġustifikazzjoni għall-vjolenza fuq bażi ta' drawwiet, tradizzjonijiet jew kunsiderazzjonijiet reliġjużi;

20. Jiddispjaċih ħafna min-nuqqas ta’ rieda politika murija mill-Istati Membri matul it-tieni Samit dwar ir-Roma u jistieden lill-Istati Membri biex iħaddnu miżuri konkreti sabiex jimmaterjalizzaw l-impenji tagħhom li ttieħdu fid-dikjarazzjoni konġunta tas-Samit dwar ir-Roma mill-presidenza Trio;

21. Jitlob lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali biex tfassal opinjoni dwar il-konformità ta’ politiki bħal dawn mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

22. Ifakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem biex jiggarantixxu d-dritt tat-tfal għal edukazzjoni fuq il-bażi ta' opportunitajiet ugwali billi jkun evitat kull xkiel amministrattiv;

23. Jinnota l-importanza tal-mudelli ta’ mġiba fl-integrazzjoni u jappoġġa l-iskambju tal-aħjar prattiki mill-Istati Membri b’aktar esperjenza fil-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali tar-Roma, primarjament ir-Renju Unit u Spanja; jitlob f'dan ir-rigward lill-FRA biex jitħejja rapport dwar l-aħjar prattiki fir-rigward tal-inklużjoni tar-Roma sabiex jissaħħu l-politiku tal-UE kif ukoll l-integrazzjoni;

24. Jinkariga lill-kumitat responsabbli biex, b’konsultazzjoni mal-FRA, l-NGOs u l-entitajiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem u l-kwestjonijiet tar-Roma u l-entitajiet li jirrappreżentaw lir-Roma, isegwi l-kwestjoni u jfassal rapport dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Ewropa kif diġà ġie deċiż fil-bidu tal-mandat, abbażi tar-riżoluzzjonijiet u t-talbiet li saru mill-Parlament fir-rapport u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu;

25. Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-użu tal-fondi Ewropej fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni tar-Roma u jsir użu sħiħ mill-fondi kollha Ewropej rilevanti sabiex tkun żgurata inklużjoni reali tar-Roma, bil-għan li tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet tar-Roma fil-politiki Ewropej u nazzjonali marbuta mad-drittijiet fundamentali;

26. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jgħarrfu u jirrispettaw id-dritt għal assistenza soċjali u għall-akkomodazzjoni sabiex tiġi żgurata eżistenza diċenti għal dawk kollha li ma għandhomx biżżejjed riżorsi u biex jiġi żgurat li r-Roma u persuni oħrajn li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu jkunu infurmati dwar ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati sabiex jiksbu reġistrazzjoni ta’ residenza;

27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kummissjoni tal-Kunsill tal-Ewropa kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza u lill-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza