MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istrateġija Ewropea għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni l-aktar fit-Tramuntana, ir-reġjuni transkonfinali, ir-reġjuni muntanjużi, il-gżejjer u l-inħawi li ma tantx jgħixu nies fihom
15.9.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Oldřich Vlasák f'isem il-Grupp ECR
B7‑0522/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija Ewropea għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni l-aktar fit-Tramuntana, ir-reġjuni transkonfinali, ir-reġjuni muntanjużi, il-gżejjer u l-inħawi li ma tantx jgħixu nies fihom
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Titlu XII tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 174 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-iżvilupp riċenti tal-aġenda ta’ koeżjoni territorjali, b’mod speċjali:
o ir-regolamenti li jiggvernaw il-Fondi Strutturali għall-perjodu ta’ programmar 2007-2013,
o id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar il-linji gwida Strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni[1],
o il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2008 dwar il-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali – Nibdlu d-diversità territorjali f'vantaġġi,
o ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali u l-istat tad-dibattitu dwar ir-riforma ġejjiena tal-politika ta' koeżjoni,
o id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni 'Reġjuni 2020 - evalwazzjoni tal-isfidi futuri għar-reġjuni tal-UE' (SEC(2008)2868),
o il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2009 dwar is-Sitt Rapport ta' Progress dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali,
o il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-31 ta' Marzu 2010 dwar il-Politika ta' Koeżjoni: Rapport Strateġiku 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013 (SEC(2010)0360),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-prinċipju tal-koeżjoni territorjali kien ikkonsolidat fir-regolamenti dwar il-Fondi Strutturali 2007-2013 u huwa wieħed mill-objettivi ewlenin il-ġodda tal-Unjoni Ewropea introdotti mit-TFUE, bl-għan li jiżgura l-iżvilupp armonjuż tiegħu billi jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali bejn il-livelli ta’ żvilupp tad-diversi reġjuni u n-nuqqas ta’ żvilupp tar-reġjuni żvantaġġati,
B. billi skont l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni rurali, lil żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali, u r-reġjuni li jsofru minn żvantaġġi naturali jew demografiċi severi u permanenti, bħal ma huma r-reġjuni l-aktar fit-Tramuntana li għandhom popolazzjoni vera baxxa, il-gżejjer, ir-reġjuni transkonfinali u u dawk muntanjużi,
C. billi r-reġjuni muntanjużi, il-gżejjer u ż-żoni li ma tantx jgħixu nies fihom huma esposti għal sfidi partikolari minħabba l-integrazzjoni reġjonali, livell baxx ta’ aċċessibilità, bidliet demografiċi, tibdil fil-klima, fenomeni migratorji jew il-provvista tal-enerġija,
D. Billi r-reġjuni transkonfinali jistgħu igawdu aktar mill-integrazzjoni Ewropea biex jegħlbu l-karattru periferali u iżolat tagħhom; Dan huwa partikolarment il-każ għar-reġjuni ta’ dik li qabel kienet il-fruntiera esterna tal-UE; Koordinazzjoni aħjar u approċċi komuni jistgħu joffru mhux biss potenzjali ta’ żvilupp iżda wkoll jistgħu itejbu b’mod sinifikanti l-aċċessibilità u l-mobilità bejn dawn ir-reġjuni u effikaċja tas-servizzi pubbliċi, kif ukoll jgħinu l-fejqan 'l-ġrieħi tal-passat' billi jistimulaw ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali, soċjali u kulturali ta' komunitajeit transkonfinali,
1. Jilqa' l-inklużjoni ta' koeżjoni territorjali bħala objettiv ġdid tal-Unjoni;
2. Hu tal-opinjoni li l-involviment Ewropew komuni lejn l-iżvilupp tar-reġjuni l-aktar fit-Tramuntana, il-gżejjer u r-reġjuni muntanjużi għandu jgawdi prinċipalment mill-ġbir ta’ massa kritika ta’ għarfien u mill-introduzzjoni ta’ mod ġdid ta’ kif wieħed jifhem dawn iż-żoni bħala parti integrali mit-territorju Ewropew u mhux biss bħala periferiji nazzjonali minuri;
3. Hu tal-opinjoni li l-ġustifikazzjoni għall-involviment Ewropew hi b’saħħitha speċjalment f’każijiet tar-reġjuni transkonfinali, minħabba li t-titjib fil-livell ta' koeżjoni territorjali hemmhekk u l-ħila li jingħelbu d-diviżjonijiet tal-passat fl-Ewropa hi kruċjali għas-suċċess reali tal-integrazzjoni Ewropea;
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex telabora fuq l-istudju ‘Reġjuni b’karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi’ u tippreżenta proposta speċifika dwar kif jista’ jinġi inkorporat dan l-objettiv ġdid fl-istruttura tal-Politika ta’ Koeżjoni 2014+ kif ukoll f’mekkaniżmi ġodda ta’ koordinazzjoni vertikali u orizzontali aħjar ma' politiki oħra;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tqis li skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-involviment tal-UE m’għandu la jintervjeni u lanqas jissostitwixxi l-kompetenzi tal-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali konċernati, u l-ewwel nett għandu jġib ir-riżultati billi jaqsam l-għarfien speċjalizzat dwar l-iżvilupp strateġiku, proġetti ta’ kooperazzjoni territorjali u titjib fil-mobilità interna kif ukoll trans-Ewropea;
6. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem lejn indikaturi statistiċi aktar pertinenti u territorjalizzati li jipprovdu stampa aktar komprensiva tal-livell ta’ żvilupp ta’ dawn ir-reġjuni biex jiġi identifikat sa liema punt l-isfidi tal-iżvilupp ta’ dawn it-territorji speċifiċi jistgħu jiġu trattati b’approċċi Ewropej komuni u sabiex tfassal indikaturi li jgħinu biex l-għodda ġejjiena tal-politika ta’ koeżjoni jkunu mmirati biex jitrattaw l-isfidi;
7. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex timmira b’mod ewlieni li ttejjeb l-effettività u l-fokus strateġiku tal-għodda attwali tal-politika ta’ koeżjoni u inizjattivi oħra (bħall-EGTC, il-kooperazzjoni territorjali u l-ERDF, l-interventi tal-Fond Soċjali Ewropew u tal-Fond ta’ Koeżjoni jew il-politika TEN) u li jitneħħew l-ostakoli u l-inkonsistenzi attwali kollha tas-suq wieħed li jagħmlu ħsara liż-żoni konċernati qabel ma jkunu proposti kwalunke għodda jew riżorsi speċifiċi ġodda;
8. Jistieden lill-kummissjoni biex toħloq ambjent ta’ sħubija mal-Istati Membri u mal-awtoritajiet reġjonali u lokali konċernati li tippermettilhom li jkollhom rwol importnati fil-proċess kollu;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-gvernijiet reġjonali u lokali u lill-imsieħba ekonomiċi u soċjali.
- [1] ĠU L 291, , 21.10.2006, p. 11.