Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0523/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0523/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Istrateġija Ewropea għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni muntanjużi, tal-gżejjer u ta' żoni li ma tantx jgħixu nies fihom

15.9.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Jan Olbrycht, Jean-Pierre Audy, Danuta Maria Hübner, Maurice Ponga, Nuno Teixeira, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid f'isem il-Grupp PPE-DE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0518/2010

Proċedura : 2010/2856(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0523/2010
Testi mressqa :
B7-0523/2010
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0523/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija Ewropea għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni muntanjużi, tal-gżejjer u ta' żoni li ma tantx jgħixu nies fihom

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Titlu XII tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 174 tiegħu,

 

–  wara li kkunsidra r-regolamenti li jirregolaw il-Fondi Strutturali għall-perjodu 2007-2013,

 

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar il-linji gwida Strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni[1],

 

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ Settembru 2003 dwar ir-reġjuni strutturalment żvantaġġjati (gżejjer, reġjuni muntanjużi, reġjuni li ma tantx fihom nies) fil-kuntest tal-politika dwar il-koeżjoni, u l-prospetti istituzzjonali tagħhom,

 

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta’ Lulju 2005 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida għall-assistenza Statali reġjonali,

 

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2007 ntitolata "Il-gżejjer u r-restrizzjonijiet naturali u ekonomiċi fil-kuntest tal-politika reġjonali",

 

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2008 dwar il-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali – Nibdlu d-diversità territorjali f'vantaġġi,

 

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni 'Reġjuni 2020 - evalwazzjoni tal-isfidi futuri għar-reġjuni tal-UE' (SEC(2008)2868),

 

–  wara li kkunsidra d-Dokumenti ta' Ħidma tal-Kummissjoni dwar 'reġjuni b’karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi' (Nru 02/2009),

 

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali u l-istat tad-dibattitu dwar ir-riforma ġejjiena tal-politika ta' koeżjoni,

 

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2009 dwar is-Sitt Rapport ta' Progress dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali,

 

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2010 dwar il-Politika ta' Koeżjoni: Rapport Strateġiku 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013 (SEC(2010)0360),

 

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-prinċipju tal-koeżjoni territorjali kien ikkonsolidat fir-regolamenti dwar il-Fondi Strutturali 2007-2013 u huwa wieħed mill-objettivi ewlenin il-ġodda tal-Unjoni Ewropea introdotti mit-Trattat ta' Lisbona, li jfittex li jiżgura l-iżvilupp armonjuż tiegħu billi jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali u jitneħħew l-ostakli għall-iżvilupp, inklużi l-ostakli marbuta ma' żvantaġġi naturali u ġeografiċi,

B.  billi huwa importanti li jiġi ċċarat l-impatt tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona dwar l-istatus tar-reġjuni li jixraqilhom miżuri partikolari fil-qafas tal-politika reġjonali,

C.  billi b'segwitu għall-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-reġjuni li jsofru minn żvantaġġi naturali jew demografiċi severi u permanenti, bħal ma huma r-reġjuni l-aktar fit-Tramuntana b'popolazzjoni vera baxxa u l-gżejjer, ir-reġjuni transkonfinali u u dawk muntanjużi,

 

D.  billi r-reġjuni muntanjużi, il-gżejjer u ż-żoni li ma tantx fihom nies huma esposti għal sfidi partikolari minħabba bidliet demografiċi, aċċessibilità fqira, bidla fil-klima, fenomeni migratorji, provvista tal-enerġija u integrazzjoni reġjonali,

 

1.  Jilqa' l-inklużjoni ta' koeżjoni territorjali bħala objettiv ġdid tal-Unjoni u l-Artikolu 174 il-ġdid; jemmen li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 174 għandhom jiġu tradotti fi strateġiji tal-iżvilupp speċifiċi u miżuri konkreti li jfittxu li jegħlbu l-iżvantaġġi u jisfruttaw il-potenzjali ta' dawn ir-reġjuni;

 

2.  Jilqa' d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni dwar 'Reġjuni b’karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi'; iqis madankollu li reġjuni muntanjużi, il-gżejjer u żoni li ma tantx fihom nies mhumiex gruppi ta' reġjuni omoġeni u li huma ħaqqhom programmi speċifiċi ta' żvilupp reġjonali; jenfasizza li dawn il-gruppi ta' reġjuni jaqsmu bejniethom xi fatturi komuni importanti li jiddifferenzjawhom minn regjuni ohra; Jenfasizza wkoll, f’dan il-kuntest, il-qagħda speċjali tal-Istati Membri tal-gżejjer żgħar, li jinsabu fil-tarf tal-Unjoni;

 

3.  Hu tal-opinjoni li l-PDG irid jibqa' l-kriterju ewlieni biex tiġi determinata l-eliġibilità għall-għajnuna tal-politika reġjonali; jitlob madankollu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membru biex jaħdmu favur indikaturi statistiċi aktar pertinenti u territorjalizzati, sabiex tiġi provduta stampa aktar komprensiva tal-livell ta' żvilupp ta' dawn ir-reġjuni żvantaġġati; jisħaq li indikaturi oħra, apparti l-PDG (popolazzjoni totali, livelli ta’ qgħad u impjiegi, livell ta’ edukazzjoni, densità tal-popolazzjoni) diġà jistgħu jintużaw mill-Istati Membri fir-ridistribuzzjoni tal-fondi fost ir-reġjuni, skont il-pakketti allokati għalihom, filwaqt li jitqiesu l-attributi speċifiċi ta’ kull reġjun;

 

4.  Jitlob għall-inklużjoni ta' qafas ta' politika Ewropew integrat u flessibbli, b'implikazzjonijiet legali u finanzjarji, li jittratta mar-reġjuni muntanjużi, il-gżejjer u żoni li ma tantx fihom nies ibbażat fuq il-fatturi maqsuma tiegħu imma li jqis id-diversi sitwazzjonijiet u jsegwi l-prinċipju tal-proporzjonalità; huwa tal-opinjoni li l-Politika ta' Koeżjoni għandha tindirizza s-sitwazzjoni tal-gżejjer mhux biss permezz tal-Politika Reġjonali, imma wkoll bl-użu ta' politiki oħra tal-UE li jkollhom impatt territorjali sinifikanti fuq l-iżvilupp ta' dawn ir-reġjuni; jemmen li qafas ta' politika Ewropew għal reġjuni muntanjużi, gżejjer u żoni li ma tantx fihom nies jaf ikollu l-valur miżjud bżonnjuż biex jingħelbu l-iżvantaġġi permanenti ta' dawn ir-reġjoni u jiġi adattat il-mudell ta' żvilupp tagħhom bl-użu tal-assi tagħhom;

 

5.  Jitlob lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jilagħbu rwol importanti fl-istrateġiji tal-iżvilupp tar-reġjuni muntanjużi, gżejjer u żoni li ma tantx fihom nies għax huwa meħtieġ approċċ vertikali bl-implikazzjoni u l-kontribuzzjoni tal-livelli kollha tal-gvern, li josserva l-prinċipju tas-sussidjarjetà, biex dawn ir-reġjuni jitpoġġew fit-triq it-tajba tal-iżvilupp sostenibbli filwaqt li jitqiesu setturi importanti oħra fir-reġjun; jisħaq fuq il-fatt li l-potenzjal f'dawn ir-reġjuni, ta' spiss b'riżorsi naturali vasti, jista' jikkontribwixxi b'mod pożittiv biex jintlaħqu l-għanijiet, speċjalment fil-qasam tal-politika tal-enerġija u l-R&D, kif kien stipulat fl-istrateġija UE2020;

 

6.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li r-reġjuni muntanjużi, il-gżejjer u ż-żoni li ma tantx fihom nies ikomplu jibbenefikaw minn dispozizzjonijiet specifici wkoll fi hdan il-perspettivi finanzjarji godda u matul il-perjodu ta' pprogrammar li jmiss;

 

7.  Jenfasizza li l-għan ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali f’dawn ir-reġjuni żvantaġġati jista’ jinkiseb biss permezz ta’ tfassil effettiv ta’ programmi u azzjonijiet speċifiċi tal-UE adattati għal kull reġjun, maħsuba biex jinkiseb aġġustament strutturali ta' dawn ir-reġjuni, biex jagħmilhom aktar kompetittivi u kapaċi li jiffaċċaw l-isfidi ewlenin eżistenti, u anke permezz ta’ koordinazzjoni u implimentazzjoni effiċjenti tal-erba’ strumenti tal-Fondi Strutturali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-istrumenti finanzjarji l-oħra, bħalma huma dawn provduti mill-BEI.

 

8.  Jilqa' r-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) bħala strument immirat li jegħleb l-ostakli li jfixklu l-kooperazzjoni territorjali; iħeġġeġ lir-reġjuni muntanjużi, il-gżejjer u ż-żoni li fihom ma tantx jgħixu nies biex jagħmlu użu mir-REKT għall-immaniġġjar ta' proġetti ta' kooperazzjoni territorjali ma' reġjuni oħra kofinanzjati mill-UE bħala mezz biex jersqu eqreb lejn iż-żoni ekonomiċi ta' madwarhom;

 

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fiż-żoni muntanjużi, f'dawk li fihom ma tantx jgħixu nies u fil-gzejjer sabiex jibbenefikaw mir-riżorsi disponibbli lil hinn mill-fruntieri;

 

10. Jitlob biex jaqgħu l-kriterji relatati mad-distanza (150km) meta niġu għall-klassifikazzjoni tal-gżejjer bħala reġjuni konfinali eliġibbli għall-iffinanzjar skont il-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali fil-qafas tal-Objettiv tal-Kooperazzjoni Territorjali tal-Politika ta' Koeżjoni jew fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; jemmen li fil-każ li jkun neċessarju li jiġi stabbilit xi tip ta' limitu, ikun aktar xieraq għar-reġjuni ta' gżejjer li l-kundizzjoni għat-territorju transkonfinali jiġi applikat fil-livell tal-baċin marittimu;

 

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-gvernijiet reġjonali u lokali u lill-imsieħba ekonomiċi u soċjali.