Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0528/2010/REV1Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0528/2010/REV1

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK): Fallimenti fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġustizzja

15.9.2010

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Michał Tomasz Kamiński, Charles Tannock, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Antoni Legutko, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki, Jacek Włosowicz, Konrad Szymański, Janusz Wojciechowski f’isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0524/2010

Proċedura : 2010/2857(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0528/2010
Testi mressqa :
B7-0528/2010
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0528/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK): Fallimenti fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġustizzja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou iffirmat f’Ġunju 2000,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-22 ta' Novembru 2007 tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP u l-UE dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikulari fil-Lvant tal-pajjiż, u l-impatt tagħha fuq ir-reġjun,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-24 ta' Ottubru 2005 dwar ir-Riżultat tas-Samit Dinji tal-2005, u b'mod partikolari l-paragrafi 138 sa 140 tagħha dwar ir-responsabilità li l-popolazzjonijiet jiġu mħarsa,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-27 ta’ Awwissu 2010, minn Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli, u Andris Piebalgs, il-Kummissarju tal-UE għall-Iżvilupp, dwar il-qawmien mill-ġdid tal-vjolenza f’Kivu tat-Tramuntana, ir-RDK,

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-2004 tal-UE għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-istrateġija lokali għall-implimentazzjoni tal-linji gwida għar-RDK, adottati mill-Kapijiet ta’ Missjoni fl-20 ta’ Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1856(2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-mandat tal-MONUC,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK mhix sejra għall-aħjar, u għadha waħda gravi; billi l-vjolazzjonijiet sistematiċi, inklużi l-qtil ekstraġudizzjarju, il-ħtif, il-vjolenza sesswali u l-atti ta’ tortura mwettqa minn membri tal-forzi armati, il-pulizija, is-servizzi tas-sigurtà u gruppi armati, qed ikunu rrappurtati kuljum,

B.  billi t-tfal huma vittmi ta’ kuljum ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż allegat reklutaġġ imġiegħel fil-forzi armati,

C. billi ħafna NGOs osservaw żieda fl-oppressjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK fl-aħħar sena, inklużi arresti illegali, prosekuzzjonijiet, theddid bit-telefon u konvokazzjonijiet ripetuti fl-uffiċċji tas-servizzi tal-informazzjoni,

D. billi l-qtil huwa parti minn tendenza li qed tikber ta’ intimidazzjoni u fastidju lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, avversarji politiċi, vittmi u xhieda fir-RDK; billi għadd kbir ta’ġurnalisti u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem inqatlu f’ċirkustanzi suspettużi fir-RDK f’dawn l-aħħar ħames snin,

E.  billi f’ċerti partijiet tar-RDK stat ta’ gwerra ċivili li ilu jirrenja s-snin wassal għal massakri, stupru tal-massa u r-reklutaġġ fuq skala kbira ta’ suldati tfal,

F.  billi skont għejun tan-NU, seħħ 242 stupru fil-villaġġ ta' Luvungi u madwaru lejn l-aħħar ta' Lulju u f'Awwissu, xi 30 kilometru biss bogħod minn bażi tan-NU u, b'kollox, seħħew aktar minn 500 stupru fir-reġjun minn Lulju ’l hawn; billi rapporti jindikaw li l-istuprar kien organizzat u sistematiku,

G. billi l-massakri riċenti ġew kommessi prinċipalment mill-grupp ta’ ribelli Rwandi FDLR (Front Demokratiku għal-Liberazzjoni tar-Rwanda) ­­– li hu mmexxi minn persuni li kkommettew il-ġenoċidju Rwandi li ħarbu lejn il-Kongo – il-milizzja Kongoliża Mai Mai,

H. billi Atul Khare, l-assistent segretarju ġenerali tan-NU għaż-żamma tal-paċi, ikkonċeda li l-forzi taż-żamma tal-paċi tan-NU naqsu milli jħarsu liċ-ċivili mill-istupru sistematiku minn ġellieda armati fil-Lvant tal-Kongo lejn tmien Lulju u f'Awwissu u ma kienx konxju minn dan qabel it-12 ta' Awwissu,

I.   billi l-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru hija mifruxa ħafna fil-Lvant tar-RDK u hija mwettqa min-naħiet kollha involuti fil-konflitti, inklużi l-forzi governattivi li n-Nazzjonijiet Uniti qed tappoġġja; billi l-istupru llum sar arma tal-gwerra u l-Kongo tissejjaħ ‘il-kapitali tal-istupru tad-dinja’,

J.   billi skont in-NU ġie rrappurtat aktar minn 15 000 strupru fil-Kongo fl-2008 u l-2009, inklużi tfal,

K. billi r-riżorsi naturali u l-qligħ mill-estrazzjoni u l-kummerċ ta' minerali għadhom taħt il-kontroll ta' gruppi armati, speċjalment fil-parti tal-Lvant volatili tal-pajjiż, fejn il-konflitt ilu għaddej bla waqfien għal ħafna snin minkejja l-preżenza ta’ missjoni taż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti, MONUC,

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki u l-istupru tal-massa mwettqa mill-FDLR u mill-milizzja Kongoliża (il-Mai Mai) li magħhom huma alleati, fil-provinċja ta’ Kivu tat-Tramuntana fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo bejn it-30 ta’ Lulju u l-4 ta’ Awwissu 2010;

2.  Jikkundanna l-attakki sesswali l-oħra kollha, f'żona msejħa Uvira u reġjuni oħra ta' Kivu tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar;

3.  Jenfasizza l-importanza li l-ġrajjiet jiġu investigati fir-RDK, biex dawk li huma ħatja ta’ dawn id-delitti jiġu identifikati u jsir ħaqq minnhom;

4.  Jistieden lill-Gvern tar-RDK biex jagħmel kull sforz biex iħares lill-popolazzjoni ċivili u jwaqqaf għalkollox l-impunità ta’ min hu ħati ta’ dawn id-delitti;

5.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li minnufih issir reviżjoni tal-għodod tal-gvern u tan-Nazzjonijiet Uniti bil-għan li jitħarsu ċ-ċivili u li jiġu indirizzati l-orruri li qed jiġu mwikkija fuq iċ-ċivili u li ssir prevenzjoni biex dawn ma jerġgħux iseħħu;

6.  Jistieden lill-Gvern tar-RDK biex iġib is-sigurtà u l-istabilità lill-poplu tal-Kongo tal-Lvant u jistieden lill-gruppi armati kollha fir-RDK biex ineħħu l-armi tagħhom u jingħaqdu fil-proċess tal-paċi;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir tentattiv organizzat u ddeterminat biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni u li dawk li huma ħatja ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan il-membri tal-forzi armati u tal-pulizija Kongoliżi jitressqu quddiem il-ġustizzja, u jenfasizza r-rwol li għandha l-MONUC fil-prevenzjoni ta’ dan permezz tal-ippjanar u l-implimentazzjoni konġunti tal-operazzjonijiet kif ukoll permezz ta' mekkaniżmi adegwati ta' responsabilità għall-abbużi;

8.  Jistieden lill-partijiet kollha biex isaħħu l-ġlieda kontra l-impunità u biex jiddefendu l-istat tad-dritt; jistieden lill-Gvern tar-RDK biex jiżgura li dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali jwieġbu għall-azzjonijiet tagħhom;

9.  Ifakkar fil-pleġġ tal-Gvern tar-RDK, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tal-indipendenza tal-pajjiż, li jimpenja ruħu b’determinazzjoni biex jippromwovi prattika politika li tappoġġja d-drittijiet tal-bniedem u ssaħħaħ l-istat tad-dritt;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tar-reġjun tal-Għadajjar il-Kbar.