MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-promozzjoni ta' nutrizzjoni bnina għat-tfal iż-żgħar fl-iskejjel
24.9.2010
Daciana Octavia Sârbu
B7‑0532/2010
Mozzjoni ta' riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-promozzjoni ta' nutrizzjoni bnina għat-tfal iż-żgħar fl-iskejjel
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Iskema tal-UE dwar il-Frott fl-Iskejjel,
– wara li kkunsidra l-kampanja tal-UE dwar l-ikel bnin bl-isem ‘The Tasty Bunch’,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 120 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-dieta għandha effett profond fuq il-benesseri fiżiku u mentali u fuq is-saħħa fit-tul,
B. billi l-għoti ta' ikel bnin fl-iskejjel hu ta' benefiċċju sostanzjali għat-tfal iż-żgħar u jagħti kontribut siewi għall-iżvilupp tagħhom,
C. billi l-edukazzjoni sa minn età żgħira dwar l-importanza ta' ikel bnin tgħin biex tinkoraġġixxi stil f'saħħtu ta' ħajja kif ukoll biex jittieħdu deċiżjonijiet bil-ħsieb dwar is-saħħa għall-ħajja kollha kemm hi twila,
D. billi l-kura preventiva tas-saħħa ftit li xejn tfixkel lill-pazjenti u hija aktar rħisa għall-fornituri tas-servizzi tas-saħħa mill-kura tal-problemi tas-saħħa malli jitfaċċaw,
1. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tniedi inizjattivi dwar l-ikel bnin b'enfasi fuq l-edukazzjoni tat-tfal iż-żgħar;
2. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jingħata ikel bnin fl-iskejjel u jagħtu prijorità lill-edukazzjoni dwar l-importanza ta' dieta bnina u r-rabta bejn id-dieta u s-saħħa fiżika u mentali.