Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0541/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0541/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Jum Dinji kontra l-Piena Kapitali

29.9.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Eduard Kukan, Andrzej Grzyb, Laima Liucija Andrikienė f'isem il-Grupp PPE-DE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0541/2010

Proċedura : 2010/2855(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0541/2010
Testi mressqa :
B7-0541/2010
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0541/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Jum Dinji kontra l-Piena Kapitali

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 6 tal-Konvenzjoni għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali dwar l-abolizzjoni tal-piena kapitali tat-28 ta' April 1983,

–   wara li kkunsidra t-tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, bl-għan li tiġi abolita l-piena kapitali, tal-15 ta' Diċembru 1989,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena kapitali, b'mod partikolari dawk adottati mill-PE fis-26 ta' April 2007 dwar il-ħtieġa ta' moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijet f'dawk il-pajjiżi fejn il-piena kapitali għadha applikata,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-PE, b'mod partikolari dawk dwar id-drittijiet tal-minoranzi u l-applikazzjoni tal-piena kapitali fiċ-Ċina fis-26 ta' April 2009; dwar il-piena kapitali fin-Niġerja tal-20 ta' Novembru 2008; dwar l-eżekuzzjonijiet fil-Libja tas-17 ta' Ġunju 2010; dwar is-sitwazzjoni fil-Peniżola Koreana fit-8 ta' Lulju 2010 u dwar l-Iran tat-22 ta' Ottubru 2009, tal-10 ta' Frar 2010 u tat-8 ta' Settembru 2010,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 2007 fejn intalab moratorju dwar l-użu tal-piena kapitali, u r-Riżoluzzjoni 63/168 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fejn intalbet l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali 2007, adottata mill-Assemblea fit-18 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-moratorji rigward l-użu tal-piena kapitali tal-11 ta' Awissu 2010,

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-kwestjoni tal-piena kapitali tas-16 ta' Lulju 2010,

–   wara li kkunsidra d-diskors li r-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni għamel fil-plenarja tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fejn fakkar li l-abolizzjoni tal-piena kapitali madwar id-dinja kienet prijorità tal-UE,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-PE Jerzy Buzek tad-19 ta' Ottubru 2009, fejn appella bis-saħħa għall-abolizzjoni tal-piena kapitali,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata mir-4 Kungress Dinji kontra l-Piena tal-Mewt, li sar f'Ġinevra bejn l-24 u s-26 ta' Frar 2010, li ssejjaħ għall-abolizzjoni universali tal-piena kapitali,

–   wara li kkunsidra l-verżjoni aġġornata u rieżaminata tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, adottata mill-Kunsill fis-16 ta’ Ġunju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Jum Dinji kontra l-Piena Kapitali u t-twaqqif tal-Jum Ewropew kontra l-Piena Kapitali fl-10 ta' Ottubru ta' kull sena,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea ħadet impenn qawwi biex taħdem favur l-abolizzjoni tal-piena kapitali u qed taħdem biex tilħaq aċċettazzjoni universali ta' dan il-prinċipju,

B.  billi l-UE hija protagonista istituzzjonali ewlenija fil-ġlieda kontra l-piena kapitali madwar id-dinja, u l-azzjonijiet tagħha f'dan il-qasam jirrappreżentaw prijorità maġġuri fil-politika esterna tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi l-UE fl-istess ħin hija d-donatur ewlieni għall-isforzi mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili madwar id-dinja fl-abolizzjoni tal-piena kapitali,

C. billi l-piena kapitali tikkostitwixxi l-iktar kastig krudili, inuman u degradanti, li jikser id-dritt għall-ħajja kif iddikjarat fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll att ta' tortura inaċċettabbli għall-Istati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem,

D. billi bosta studji wrew li l-piena kapitali m'għandhiex effett fuq it-tendenzi fil-kriminalità vjolenti,

E.  billi l-provi juru li l-piena kapitali l-ewwel u qabel kollox taffettwa persuni żvantaġġjati,

F.  billi d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali jipprojbixxi lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa milli japplikaw il-piena kapitali,

G. billi l-UE qed taħdem favur moratorju tal-applikazzjoni tal-piena kapitali minn pajjiż terz u, f'waqtu, għall-abolizzjoni u r-ratifika tal-istrumenti internazzjonali rilevanti tan-NU u strumenti oħra u, b'mod partikolari, it-tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li jipprevedi l-abolizzjoni tal-piena kapitali,

H. billi l-abolizzjoni tal-piena kapitali hija waħda mill-prijoritajiet tematiċi għal għajnuna skont l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), li mill-1994 iffinanzja 'l fuq minn 30 proġett madwar id-dinja, b'baġit ġenerali ta' iktar minn EUR 15-il miljun,

I.   billi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-PE irid jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni ta' ftehimiet kummerċjali, u b'mod ġenerali, għal ftehimiet ġenerali ma' pajjiżi terzi,

J.   billi l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, flimkien mal-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex-Yugożlavja, il-Qorti Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda, il-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone, il-Panils Speċjali għal Kriminalità Serja f'Dili, Timor-Leste, u l-Kmamar Straordinarji fil-Qrati tal-Kambodja, jeskludu l-piena kapitali għall-krimini tal-gwerra, krimini kontra l-umanità u l-ġenoċidji, l-iktar krimini gravi għall-komunità internazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni fuqha,

K. billi fl-2007 u fl-2008, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat ir-Riżoluzzjonijiet Storiċi 62/149 u 63/168 li jitolbu moratorju dinji fuq l-eżekuzzjonijiet u l-abolizzjoni immedjata tal-pieni kapitali, u f'dan ir-rigward jenfasizza l-fatt li l-għadd ta' pajjiżi li jappoġġaw din ir-riżoluzzjoni żdied u b'hekk li r-riżoluzzjoni 63/169 ġiet adottata b'maġġoranza kbira ta'106 vot favur, 46 kontra u 34 astensjoni,

L.  billi r-Raba' Kungress Dinji Kontra l-Piena tal-Mewt, li ltaqa' f'Ġinevra fi Frar 2010, talab lill-Istati li abolixxew il-piena kapitali de facto biex jabolixxu l-piena kapitali de jure, lill-pajjiżi abolizzjonisti biex jinkorporaw is-suġġett tal-abolizzjoni universali fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali biex jappoġġaw l-abolizzjoni universali permezz tal-adozzjoni ta' riżoluzzjonijiet għal moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet,

M. billi 154 Stat fid-dinja abolixxew il-piena kapitali de jure u de facto, li 96 Stat fosthom abolixxewha għal kwalunkwe offiża, 8 żammewha biss għal kriminalità eċċezzjonali, bħall-krimini tal-gwerra, 6 daħħlu fis-seħħ moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet u 44 huma abolizzjonisti de facto (jiġifieri pajjiżi li ma wettqux eżekuzzjonijiet għal mill-inqas 10 snin jew pajjiżi li għandhom obbligi vinkolanti li ma jagħmlux użu mill-piena kapitali),

N. billi 'l fuq minn 100 pajjiż li żammew il-piena kapitali għal krimini neħħew l-eżekuzzjoni ta' kriminali żgħażagħ, filwaqt li enfasizza madankollu li għadd żgħir ta' pajjiżi għadhom jagħmlu użu mill-piena kapitali mal-kriminali tfal li jinqabdu fi ksur flagranti tal-liġi internazzjonali, u b'mod partikolari tal-Artikolu 6(5) tal-ICCCPR; jenfasizza b'mod partikolari li l-Iran għad għandu l-ogħla numru ta' eżekuzzjonijiet ta' minorenni,

O. billi bħalissa hemm għexieren ta' ċittadini Ewropej ikkonfermati li ngħataw il-piena kapitali jew li qed jiffaċċjaw din il-possibilità madwar id-dinja, u filwaqt li enfasizza f'dan ir-rigward il-bżonn kruċjali li tiġi kkonsolidata u msaħħa r-reazzjoni Ewropea għal eżekuzzjoni potenzjali ta' ċittadini Ewropej,

P.  billi fit-23 ta' Marzu 2010 il-President tad-Duma tal-Federazzjoni Russa, Boris Gryzlov, matul laqgħa f'Moska mal-membri tal-Kumitat ta' Monitoraġġ tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, qal li r-Russja ma rratifikatx is-Sitt Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, dwar l-abolizzjoni tal-piena kapitali, billi tqiesu t-theddidiet terroristiċi fil-pajjiż,

Q. billi laqa' l-fatt li fil-11 ta' Frar 2010 il-Parlament tal-Kirgistan adotta t-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, dwar l-abolizzjoni tal-piena kapitali, u li fil-21 ta' Mejju 2010 il-Gvern interim tal-Kirgistan ippubblika l-abbozz finali tal-Kostituzzjoni, li fost l-oħrajn tipprojbixxi l-piena kapitali u li issa ġiet adottata,

R.  billi 43 pajjiż madwar id-dinja[1] żammew il-piena kapitali u li l-ikbar numru ta' eżekuzzjonijiet sar fiċ-Ċina, fl-Iran u fl-Iraq; billi ċ-Ċina waħedha wettqet madwar 5000 eżekuzzjoni, jiġifieri madwar 88% tat-total dinji tal-eżekuzzjonijiet; l-Iran qatel mill-inqas 402 persuna u l-Iraq mill-inqas 77,

S.  billi l-Iran għadu qed japplika l-piena kapitali bit-tħaġġir u dan imur kontra t-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

T.  billi l-Kunsill Presidenzjali tal-Iraq reċentement irratifika s-sentenzi ta' piena kapitali ta' mill-inqas 900 ħabsi, inklużi nisa u tfal,

U. billi kemm l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll l-Unjoni Ewropea ripetutament ħeġġew lill-Belarus biex tabolixxi l-piena kapitali; billi d-dettalji dwar il-piena kapitali fil-Belarus huma sigrieti u li, skont il-Kodiċi Kriminali Eżekuttiv, il-piena kapitali titwettaq fil-privat permezz ta' sparar, imbagħad l-amministrazzjoni tal-faċilità ta' detenzjoni tinforma lill-imħallef dwar l-eżekuzzjonijiet u l-imħallef jinforma lill-familji tal-vittmi; il-ġisem tal-persuna maqtula ma jingħatax lura għad-dfin lill-familja tiegħu u l-post tad-dfin ma jiġix ikkomunikat,

V. billi 38 stat mill-50 stat tal-Istati Uniti tal-Amerka japplikaw il-piena kapitali, għalkemm 4 fosthom ma wettqu l-ebda eżekuzzjoni mill-1976; billi fl-2009, l-eżekuzzjonijiet żdiedu għal 52 wara t-tmiem ta' moratorju de facto fis-seħħ minn Settembru 2007 sa Mejju 2008, għalkemm għas-seba' sena konsekuttiva, l-għadd ta' sentenzi ta' piena kapitali fl-Istati Uniti tal-Amerka naqas għal 106,

W. billi laqa' l-fatt li xi stati, fosthom Montana, New Jersey, New York, North Carolina u Kentucky, ħadu azzjoni kontra l-piena kapitali permezz ta' miżuri li kienu jinkludu moratorju dwar l-eżekuzzjonijiet jew l-abolizzjoni tagħha, filwaqt li kkundannaw l-eżekuzzjonijiet ta' Teresa Lewis fl-Istat ta' Virginia u ta' Holly Wood f'Alabama, minkejja l-provi li dawn iż-żewġ persuni kienu mentalment diżabbli, u billi enfasizza l-każijiet tas-sentenzi ta' piena kapitali għal Mumia Abu-Jamal f'Pennsylvania u ta' Troy Davis f'Georgia,

1.  Itenni l-oppożizzjoni tiegħu, kostanti għal żmien twil, kontra l-piena kapitali fi kwalunkwe każ u ċirkustanza, u jenfasizza għal darba oħra l-konvinzjoni tiegħu li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għas-sedqa tad-dinjità umana u għall-iżvilupp progressiv tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jikkundanna l-eżekuzzjonijiet kollha, iseħħu fej iseħħu; jappella bil-qawwa lill-UE u lill-Istati Membri biex jinfurzaw l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-UE dwar moratorju universali fuq l-eżekuzzjonijiet bl-għan tal-abolizzjoni totali fl-istati kollha li għadhom jipprattikaw il-piena kapitali; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu azzjoni sabiex jirrestrinġu b'mod gradwali l-użu tagħha filwaqt li jinsisti li din isseħħ skont l-istandards minimi internazzjonali;

3.  Iħeġġeġ lill-UE biex tagħmel użu mill-għodda kollha disponibbli ta' diplomazija u ta' għajnuna għall-kooperazzjoni biex taħdem favur l-abolizzjoni tal-piena kapitali;

4.  Jistieden lil Stati li japplikaw il-piena kapitali biex jiddikjaraw moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet; iħeġġeġ ulterjorment lil pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Eġittu, l-Iran, il-Malażja, is-Sudan, it-Tajlandja u l-Vjetnam biex joħorġu statistiċi uffiċjali rigward l-użu tal-piena kapitali f'dawn il-pajjiżi;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati li ma abolixxewx il-piena kapitali biex jirrispettaw is-salvagwardji li jipproteġu d-drittijiet ta' dawk li jiffaċċjaw il-piena kapitali, kif stabbiliti fis-Salvagwardi tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti; Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinkoraġġixxu lil dawk il-pajjiżi li għadhom ma ffirmawx u ma rratifikawx it-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi biex jagħmlu dan, u biex jinkoraġġixxu lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ffirmawx il-Protokoll Nru 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-piena kapitali biex jagħmlu dan;

6.  Jistieden lill-Istati OSCE, partikolarment lill-Istati Uniti u lill-Belarus, biex jadottaw moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet;

7.  Jistieden lill-Kazakistan u lil-Latvja biex jemendaw id-dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom li għadhom jippermettu l-impożizzjoni tal-piena kapitali għal ċerti krimini f'ċirkustanzi eċċezzjonali;

8.  Iħeġġeġ bis-saħħa lill-Istati Membri tal-UE jintroduċu riżoluzzjoni ta' segwitu dwar il-piena kapitali f'UNGA65 fil-kuntest ta' alleanza transreġjonali;

9.  Jistieden lill-Istati ritenzjonisti parteċipanti jħeġġu lill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Missjonijiet tal-OSCE biex, f'kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, jorganizzaw attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni kontra l-użu tal-piena kapitali, b'mod partikolari mal-midja, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, min ifassal il-politiki u l-pubbliku b'mod ġenerali;

10. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, partikolarment bl-għan tat-twaqqif tal-EEAS, jipprovdu gwida għal politika Ewropea komprensiva u effettiva kontra l-piena kapitali fir-rigward ta' għexieren ta' ċittadini Ewropej ikkonfermati li qed jiffaċċjaw l-eżekuzzjoni f'pajjiżi terzi, li għandha tinkludi mekkaniżmi b'saħħithom u mtejba f'termini tas-sistema ta' identifikazzjoni, l-għoti ta' għajnuna legali, l-interventi legali tal-UE u r-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi;

11. Iħeġġeġ ulterjorment attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu favur l-abolizzjoni tal-piena kapitali, inklużi Hands Off Cain, Amnesty International, Penal Reform International, il-World Coalition Against the Death Penalty u l-International Helsinki Federation for Human Rights, Sant’Egidio u Reprieve;

12. Jieħu l-impenn li jissorvelja l-kwestjoni tal-piena kapitali u li jiddiskuti każijiet speċifiċi mal-awtortajiet tal-pajjiż, u li jqis inizjattivi possibbli u missjonijiet ad hoc f'pajjiżi ritenzjonisti, sabiex iħeġġeġ lill-awtortajiet governattivi biex jadottaw moratorju dwar l-eżekuzzjonijiet bil-għan li jabolixxuhom kompletament;

13. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, meta jkunu qed jiġu konklużi ftehimiet ma' pajjiżi li għadhom japplikaw il-piena kapitali jew ma' pajjiżi li għadhom ma ffirmawx il-moratorju għall-abolizzjoni tal-piena kapitali, jinkoraġixxu bis-saħħa lil dawn il-pajjiżi jagħmlu dan;

14. Jitlob lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibqgħu jsemmgħu leħen wieħed u biex iqisu li l-kontenut politiku prinċipali tar-riżoluzzjoni għandu jkun l-adozzjoni ta' moratorju madwar id-dinja bħala pass kruċjali lejn l-abolizzjoni tal-piena kapitali;

15. Ifakkar li l-abolizzjoni sħiħa tal-piena kapitali għadha wieħed mill-objettivi ewlenin tal-politika tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem; dan l-objettiv se jintlaħaq biss permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati, kooperazzjoni, edukazzjoni, sensibilizzazzjoni, effiċjenza u effikaċja;

16. Iħeġġeġ kooperazzjoni reġjonali f'dan il-kuntest; pereżempju il-Mongolja stabbilixxiet b'mod uffiċjali moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet f'Jannar 2010 u, bħala konsegwenza pożittiva, bosta pajjiżi ritenzjonisti qed iqisu l-kostituzzjonalità ta' din il-forma ta' kastig;

17. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu użu mill-Jum Dinji u mill-Jum Ewropew kontra l-Piena Kapitali biex jenfasizzaw fost l-oħrajn il-każijiet ta' Sakineh Mohamadi Ashtiani, Zahara Bahrami, Mumia Abu-Jamal, Troy Davis, Oleg Grishkovstov, Andrei Burdyko u Ebrahim Hamidi;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Presidenza tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tan-NU.