MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Ukraina
18.10.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Michał Tomasz Kamiński, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki, Paweł Robert Kowal, Ryszard Antoni Legutko, Marek Henryk Migalski, Tomasz Piotr Poręba, Konrad Szymański, Roberts Zīle
on behalf of the ECR Group <<<
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0571/2010
B7‑0577/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Ukraina
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,
- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-Sħubija tal-Lvant imnedija fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,
- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta adottata fis-samit UE-Ukraina li sar fi Kiev fl-4 ta' Diċembru 2009,
- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet tal-14-il laqgħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari UE-Ukraina, li saret fit-22-23 ta' Marzu 2010 fi Brussell,
- wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2008 u n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni maħsub biex jissostitiwixxi l-FSK,
- wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina, li tissostitwixxi l-Pjan ta' Azzjoni u li ġiet approvata mill-Kunsill ta' Koperazzjoni UE-Ukraina f'Ġunju 2009,
- wara li kkunsidra l-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi, iffirmat fit-18 ta' Ġunju 2007, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2008, u d-djalogu UE-Ukraina dwar il-viżi mniedi f'Ottubru 2008,
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) dwar l-Ukraina fejn esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-opressjoni tal-libertajiet demokratiċi ewlenin u l-limitazzjoni tal-libertà tal-istampa fl-Ukraina,
- wara li kkunsidra l-objettivi tal-Grupp ta' Ħidma/D-UA dwar il-Viżi Ukraini,
- wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-13 ta' Ottubru 2010 mill-Kummissarju Ewropew għat-Tkabbir u l-Politika ta' Viċinat, Štefan Füle, dwar "L-Ukraina: mill-kriżi għat-tkabbir - l-ekonomija, l-investimenti, is-swieq",
– wara li kkunsidra l-Programm Nazzjonali Indikattiv 2011-2013 għall-Ukraina,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Ukraina għandha rabtiet storiċi, kulturali u ekonomiċi mal-Unjoni Ewropea, u billi hi waħda mis-sieħba strateġiċi kruċjali tal-UE fil-viċinat tal-Lvant tagħha, billi l-integrazzjoni tagħha mal-UE jista' jkollha effett pożittiv fuq is-sigurtà, l-istabilità u l-prosperità tal-kontinent kollu,
B. billi wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Parlament fil-qasam tal-politika barranija hu li jsaħħaħ u jrawwem ir-relazzjonijiet mal-Ukraina u jsaħħaħ il-Politika Ewropea tal-Viċinat, immirata biex tħeġġeġ ir-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali tal-pajjiżi kkonċernati mal-UE u l-Istati Membri tagħha,
C. billi s-Sħubija tal-Lvant tista' toffri mezzi addizjonali lill-Ukraina biex tintegra mal-Unjoni Ewropea, imma tista' biss tkun ta' suċċess jekk tkun ibbażata fuq proġetti prattiċi u kredibbli u jekk tkun iffinanzjata biżżejjed,
D. billi fl-1 ta' Ottubru 2010, il-Qorti Kostituzzjonali Ukraina ħassret l-emenda kostituzzjonali tat-8 ta' Diċembru 2004, biex b'hekk il-kostituzzjoni tal-1996 ġiet valida; billi dan iqiegħed responsabilità addizzjonali fuq il-President Ukrain fil-qasam tar-relazzjonijiet UE-Ukraina,
1. Jenfsizza li, skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Ukraina tista' tapplika biex tissieħeb mal-UE bħal kull stat Ewropew ieħor li jaderixxi mal-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt;
2. Fil-prospettiva tal-elezzjonijiet lokali li ġejjin, jistieden lill-awtoritajiet Ukraini, lill-mexxejja u l-forzi politiċi kollha fl-Ukraina biex jagħtu prova tal-impenn tagħhom lejn l-istandards demokratiċi u biex l-elezzjonijiet lokali jsiru b'mod ħieles u ġust;
3. Jemmen li, sabiex titrawwem il-koperazzjoni u jissaħħu t-tendenzi pro-Ewropej fis-soċjetà Ukraina, l-UE trid tintensifika l-isforzi tagħha biex trawwem kuntatti direttament bejn il-popli u l-libertà ta' moviment bejn l-UE u l-Ukraina; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw strumenti ta' liberalizzazzjoni mmirati lejn il-faċilitazzjoni ulterjuri tal-viżi u l-funzjonament aħjar tal-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri; jenfasizza l-għan tal-UE fiż-żmien medju għandu jkun sistema bla viżi għall-Ukraina;
4. Jilqa' l-passi legali li l-gvern Ukrain ħa dan l-aħħar fl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet prijoritarji fi ħdan il-qafas tad-djalogu UE-Ukraina dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi, speċjalment ir-ratifikazzjoni tal-Verkhovna Rada tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali u l-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni;
5. Jilqa' l-iffirmar tal-Protokoll dwar l-Adeżjoni tal-Ukraina għall-Komunità tal-Enerġija le se jestendi ulterjurment is-suq intern tal-enerġija tal-UE lejn l-Ewropa tax-Xlokk u jsaħħaħ is-sigurtà globali tal-provvista tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Parlament Ukrain jirratifika malajr it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija, sabiex l-Ukraina ssir membru ta' din l-organizzazzjoni internazzjonali;
6. Jenfasizza l-irwol ċentrali tal-Ukraina fis-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-importanza tal-intensifikazzjoni tal-koperazzjoni bejn l-Ukraina u l-UE fil-qasam tal-enerġija u jitlob li jiġu konklużi ftehimiet ulterjuri bejn l-UE u l-Ukraina mmirati lejn l-iżgurar ta' provvisti ta' enerġija għaż-żewġ naħat; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza fis-sistemi għall-provvista u t-tranżitu tal-gass; jinsab imħasseb li l-proġett tas-sistema tal-pajpijiet Nord Stream idgħajjef il-prinċipju ta' solidarjetà fis-sigurtà tal-enerġija tal-UE, hu mmirat direttament lejn il-pajjiżi ta' tranżitu u se jinbena biex tiġi evitata l-Ukraina;
7. Jenfasizza li sabiex l-Ukraina jkollha sistema moderna ta' tranżitu tal-gass, tirrikjedi servizzi ta' tranżitu trasparenti, effiċjenti u ta' kwalità permezz ta' netwerk modernizzat għat-trasport tal-gass; jisħaq fuq l-importanza li jiġu implimentati r-riformi xierqa kemm tas-suq domestiku tal-gass u kemm tat-tranżitu tal-gass Ukraini, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukraini jimplimentaw leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku u regolamentazzjoni għal settur tal-enerġija indipendenti biex jinħoloq settur tal-enerġija effiċjenti u trasparenti; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-assistenza teknika meħtieġa sabiex tittejjeb radikalment l-effiċjenza enerġetika tan-netwerk tal-elettriku tal-Ukraina u tintensifika l-koperazzjoni fir-rigward tar-riforma tas-settur tal-gass, sabiex isir konformi mal-istandards tal-UE;
8. Jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jirrispettaw l-istat tad-dritt, iħarsu d-drittijiet tal-bniedem u jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali liċ-ċittadini kollha tal-pajjiż;
9. Jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jinvestigaw bir-reqqa l-għejba ta' Vasyl Klymentyev, il-kap editur ta' gazzetta li tiffoka fuq il-korruzzjoni fir-reġjun ta' Kharkiv;
10. Jitlob lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri u l-Ukraina biex tħejji miżuri speċjali biex jiġu introdotti fir-rigward tal-Kampjonat tal-Futbol Ewropew tal-2012, bl-intenzjoni li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar mid-detenturi tal-biljetti; jemmen li implimentazzjoni b'suċċess ta' dawn il-miżuri trawwem kuntatti direttament bejn il-popli bejn l-Ukraina u l-UE, biex b'hekk jitqarrbu n-naħat;
11. Jilqa' l-appoġġ attiv tal-Ukraina għas-Sħubija tal-Lvant u l-Assemblea Parlamentari Euronest; jistieden lill-Parlament tal-Ukraina jieħu sehem fl-Assemblea Parlamentari Euronest skont l-Att Kostituttiv tal-Assemblea;
12. Jistenna li l-Ukraina tkompli fi triqitha lejn l-integrazzjoni Ewropea;
13. Jemmen li l-programm ta' skambju Erasmu fil-qasam tal-edukazzjoni ta' livell ogħla għandu jiġi estiż għall-istudenti mis-sitt pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, fatt li jippermetti li l-istudenti Ukraini jiksbu għarfien dwar l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha permezz ta' boroż ta' studju u inizjattivi universitarji mmirati lejn il-koperazzjoni reċiproka l-avvanz akkademiku;
14. Jistieden lill-Ukraina tintensifika l-isforzi tagħha fi ħdan il-qafas "5+2" u tħeġġeġ lin-naħat jerġgħu jibdew jinnegozjaw formalment sabiex tinkiseb riżoluzzjoni sostenibbli, komprensiva u ġusta għall-kunflitt Transnistrijan;
15. Jappella lill-Federazzjoni Russa biex tirrispetta kompletament is-sistema demokratika tal-istat Ukrain;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u l-Parlament tal-Ukraina u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-OSKE u tan-NATO.