MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar riformi implimentati u żviluppi fir-Repubblika tal-Moldova
18.10.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Adrian Severin f’isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0572/2010
B7‑0581/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar riformi implimentati u żviluppi fir-Repubblika tal-Moldova
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova, b'mod partikolari dik tat-30 ta' April 2009 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova wara l-elezzjonijiet parlamentari tal-5 ta' April 2009,
– wara li kkunsidra r-Rapport Finali u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari UE-Repubblika tal-Moldova tas-16-17 ta' Frar 2010,
– wara li kkunsidra n-negozjati li qegħdin isiru dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova li bdew fit-12 ta’ Jannar 2010 bl-għan li jiġi sostitwit il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni attwali ffirmat fit-28 ta’ Novembru 1994 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1998,
– wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew tad-deċiżjoni biex tiġi approvata l-għajnuna makrofinanzjarja ta’ EUR 90 miljun għall-Moldova,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà dwar il-Moldova/Transnistrja tas-17 ta’ Mejju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra t-tmexxija tar-reġjun tat-Transnistrja tas-27 ta’ Settembru 2010 u dwar ir-ratifika tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali mir-Repubblika tal-Moldova tal-14 ta’ Ottubru 2010,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-PEV UE-Repubblika tal-Moldova approvat mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni UE-Moldova tat-22 ta’ Frar 2005 u l-valutazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni f’Novembru 2006,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit ta' Praga tas-Sħubija tal-Lvant tas-7 ta' Mejju 2009,
– wara li kkunsidra r-rikonoxximent mir-Repubblika tal-Moldova tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali billi ffirmat l-Istatut ta’ Ruma li ser jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Riżultati u l-Konklużjonijiet Preliminari tal-Missjoni Internazzjonali għall-Osservazzjoni tal-Elezzjoni għall-elezzjonijiet parlamentari tad-29 ta’ Lulju 2009 fir-Repubblika tal-Moldova,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Missjoni ta’ Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet tal-OSKE/ODIHR tat-13-15 ta’ Settembru 2010 għall-elezzjonijiet parlamentari bikrin tal-2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-dimensjoni tal-Lvant tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tagħraf l-aspirazzjonijiet Ewropej tar-Repubblika tal-Moldova u l-importanza tar-rabtiet storiċi, kulturali u ekonomiċi b'saħħitom ta’ dak il-pajjiż mal-Istati Membri tal-UE,
B. billi l-Pjan ta' Azzjoni UE-Repubblika tal-Moldova jimmira għall-inkoraġġiment tar-riformi politiċi u istituzzjonali fir-Repubblika tal-Moldova, inkluż fil-qasam tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudizzjarju u l-libertà tal-mezzi tax-xandir, kif ukoll ir-relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi ġirien,
C. billi r-Repubblika tal-Moldova hija membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u għalhekk impenjat ruħha biex tippromwovi d-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,
D. billi l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova afferma mill-ġdid ir-rieda tiegħu biex ikompli jikkoopera mas-sħab kollha tiegħu sabiex tinsab soluzzjoni vjabbli u sostenibbli għall-kwistjoni tat-Transnistrja, inkluż bl-għajnuna tal-UE,
E. billi wara l-elezzjonijiet parlamentari li saru fir-Repubblika tal-Moldova fid-29 ta’ Lulju 2009 kwalunkwe prova biex jiġi elett President ġdid falla minkejja r-referendum biex tiġi emendata l-kostituzzjoni fil-5 ta’ Settembru 2010 minħabba parteċipazzjoni insuffiċjenti ta’ votaturi kuntrarju għat-33% meħtieġa biex jitqies validu referendum,
F. billi l-elezzjonijiet parlamentari bikrin li għandhom isiru fit-28 ta’ Novembru 2010 jirriżultaw minn kriżi politika fuq tul ta’ żmien twil li hija l-prodott tan-nuqqas miż-żewġ parlamenti biex itellgħu kap tal-Istat ġdid,
G. billi l-qafas legali għat-tmexxija tal-elezzjonijiet ġiet riveduta bosta drabi sa mill-aħħar elezzjonijiet parlamentari, u ħafna minn dawn ir-reviżjonijiet kienu jindirizzaw rakkomandazzjonijiet preċedenti mill-OSKE/ODIHR u mill-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa;
H. billi l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tkompli tieħu miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-lista tal-votaturi u jipprevjenu l-votazzjoni multipla li kompliet tkun kwistjoni kontroversjali f’elezzjonijiet riċenti u jkompli n-nuqqas ta’ konfidenza fil-kwalità tagħhom,
I. billi bħal f’ebda elezzjoni preċedenti l-ambjent tal-midja tjieb u qed jitqies bħala ambjent li jipprovdi lill-pubbliku tar-Repubblika tal-Moldova bi pluralità tal-opinjonijiet u informazzjoni inkluż ix-xandar pubbliku li ġie kkritikat fil-passat għall-favoritiżmu fil-kopertura,
1. Jilqa’ l-iffirmar tal-protokoll dwar il-prinċipji ġenerali tal-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-programmi tal-Unjoni Ewropea f’Settembru 2010 li tqis bħala neċessarji, sinifikanti u ta' importanza ta’ prijorità għall-kisba tal-għanijiet stabbilit għal iktar integrazzjoni Ewropea; iqis dan il-pass bħala indikatur tajjeb tar-relazzjonijiet dinamiċi bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea, li ilhom jiżviluppaw b’pass mgħaġġel bħal qatt qabel f’din l-aħħar sena;
2. Jilqa’ d-deċiżjoni uffiċjali li ttieħdet waqt it-VIII laqgħa tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija għall-Ewropa tax-Xlokk, li saret fl-24 ta’ Settembru 2010 fi Skopje li tagħti lir-Repubblika tal-Moldova l-Presidenza tal-Komunità tal-Enerġija; jappoġġja l-prijoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova tal-elaborazzjoni tal-ambiti ġenerali għall-promozzjoni tal-investimenti fil-modernizzazjoni u l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-enerġija, b'effiċjenza fl-enerġija u l-iżvilupp ta’ riċerki fiż-żona taż-żejt tal-KE;
3. Jilqa’ l-isforzi li qed isiru bejn ir-Repubblika tal-Moldova u r-Rumanija biex jikkonkludu u jiffirmaw il-ftehim tal-fruntieri wara l-elezzjonijiet li jmiss fil-Moldova; jistieden lill-gvern tal-Ukraina u tar-Repubblika tal-Moldova biex isolvu l-kwistjoni u jimplimentaw il-ftehim tal-1998 to resolve the matter and implement the agreement of 1998 dwar il-fruntieri tal-istat iffirmat miż-żewġ pajjiżi;
4. Jilqa’ l-għoti ta’ għajnuna makrofinanzjarja fil-forma ta' għotja ta' ammont massimu ta' EUR 90 miljun lir-Repubblika tal-Moldova bil-ħsieb li tappoġġja l-istabbilizzazzjoni ekonomika u ttaffi l-bilanċ tal-ħlasijiet u l-ħtiġijiet baġitarji, kif ġie identifikat fil-programm preżenti tal-FMI; jisħaq fuq il-bżonn għar-Repubblika tal-Moldova li żżid l-isforzi biex timplimenta b’mod effettiv riformi strutturali, b’mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-klima tan-negozju u tal-investiment;
5. Jappoġġja l-inizjattiva tal-‘Ħbieb tal-Moldova’, li tinkludi ħafna Ministri tal-Affarijiet Barranin minn Stati Membri u l-Kummissarju tal-UE għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat Štefan Füle, li tfittex li tesprimi appoġġ tal-UE ċar għar-Repubblika tal-Moldova u solidarjetà magħha u hija sinjal ċar ta’ impenn b’saħħtu biex il-pajjiż ikun appoġġjat fl-indirizzar tal-isfidi enormi li jaffaċċja; jemmen li din l-inizjattiva se tgħin b’mod effettiv lir-Repubblika tal-Moldova biex timplimenta riformi interni u tressaq il-pajjiż eqreb lejn l-Unjoni Ewropea;
6. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ żieda fl-impenn mill-UE fl-isforzi tas-sejba ta’ soluzzjoni f’Transnistrja, ikluż permezz ta’ appoġġ mill-EU BAM u miżuri ta’ ħolqien ta’ konfidenza, b’rabta sħiħa mal-integrità territorjali u s-sovranità tar-Repubblika tal-Moldova, li huma kruċjali biex tiġi żgurata iktar istabilità fil-pajjiż;
7. Jinnota li fl-2011 l-Litwanja se tieħu f'idejha l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE); iħeġġeġ lil-Litwanja biex tqiegħed il-kwistjoni tat-Transnistrja fil-quċċata tal-prijorità tal-aġenda tagħha u biex tappoġġja l-inizjattivi għas-sejba ta’ soluzzjoni dwar il-prinċipji ta’ ġustizzja u trasparenza;
8. Jappoġġja l-aspirazzjonijiet u d-determinazzjoni tal-impenji tar-Repubblika tal-Moldova biex tikseb l0għanijiet tal-integrazzjoni ta’ assoċjazzjoni u ekonomika mal-UE; itenni x-xewqa tiegħu biex ikompli bil-miżuri konkreti sabiex ikun żgurat li riformi fir-Repubblika tal-Moldova jkunu jistgħu jiġu sostnuti, b'enfasi partikolari fuq in-negozjati tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur, progress lejn integrazzjoni ekonomika u djalogu dwar il-viżi;
9. Jiddispjaċif li l-instabilità politika interna fir-Repubblika tal-Moldova ċaħdet il-koalizzjoni li qed tmexxi mill-ħin biex timplimenta l-għażliet pro-Ewropej tagħha meħtieġa biex jinkiseb il-progress meħtieġ fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha biex jingħaqdu u jaħdmu flimkien lejn il-kisba ta’ stabilità politika interna; huwa tal-opinjoni li elezzjonijiet li jmiss jikkostitwixxu l-opportunità bejn viżjoni Ewropea jew futur ottimist progressiv għall-pajjiż;
10. Iħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha biex jevitaw konfrontazzjonijiet mhux neċessarji u jikkonċentraw fuq l-iżvilupp ta’ viżjoni wiesgħa għar-Repubblika tal-Moldova appoġġjata kemm min-naħa tax-xellug kif ukoll tal-lemin u lill-komunitajiet etnokulturali bil-għan li l-pajjiż jiġi ddirezzjonat lejn l-għanijiet Ewropej;
11. Jiddispjaċih li filwaqt li bosta mill-impenji tal-OSKE ntlaħqu fl-elezzjonijiet bikrin tad-29 ta’ Lulju 2009, l-ambjent tal-kampanja ġie affettwat b’mod negattiv minn pressjoni sottili, intimidazzjoni u użu ħażin ta’ riżorsi amministrattivi u favoritiżmu fil-mezzi tax-xandir; jispera li l-elezzjonijiet li jmiss li ser isiru fit-28 ta’ Novembru 2010 jibqgħu ‘l bogħod minn imġiba bħal din biex jiżguraw li l-gvern jiġi elett b'mod demokratiku li ser jiżgura l-istabilità fil-pajjiż;
12. Jinnota li kien hemm titjib mill-elezzjonijiet parlamentari ta’ Lulju 2009 rigward il-proċeduri ta’ kif jiġu ttrattati ilmenti relatati mal-elezzjoni u appelli bbażati fuq rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u l-Kummissjoni ta’ Venezja u r-restrizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-votazzjoni tal-priġunieri tnaqqsu bħala reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet preċedenti;
13. Jieħu nota tal-kwistjoni pendenti tal-listi tal-votaturi u jiddispjaċif li l-partijiet interessati tal-elezzjoni u l-osservaturi domestiċi allegaw li data dwar il-votaturi mhux kompluta, żbalji, rekords ta’ nies li mietu, flimkien mal-użu ta’ listi supplementari wassal għall-frodi fl-elezzjonijiet fl-elezzjonijiet preċedenti; jifhem li l-ħidma biex jinħoloq reġistru tal-votaturi elettroniku ċentralizzat bdiet fl-2008 u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali biex tiżgura li dawn il-prattiki jiġu evitati waqt l-elezzjonijiet li jmiss;
14. Jemmen li l-elezzjoni tat-28 ta’ Novembru ser ikunu kompetittivi b’alternattivi politiċi distinti offruti lill-votaturi u jħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha biex jiżguraw li l-proċess ikun kalm u demokratiku; jappella lill-uffiċjali pubbliċi li jamministraw il-proċess elettorali biex jaġixxu b’mod imparzjali sabiex igawdu mill-fiduċja u l-konfidenza tal-partijiet interessati kollha;
15. Jilqa’ l-fatt li ċerti partiti indikaw li ser jimplimentaw il-kwoti interni għat-tisħiħ tal-inklużjoni tan-nisa fil-listi tal-kandidati tagħhom u jiżguraw il-bilanċ bejn is-sessi; jappella lill-partiti kollha biex jadotta mekkaniżmu formali biex jiżguraw li r-rappreżentanti tal-minoranzi nazzjonali jkunu inklużi wkoll fil-listi tal-kandidati tagħhom;
16. Jinnota li l-pluraliżmu tal-midja tjieb fir-Repubblika tal-Moldoba u li bosta interlokuturi jaffermaw żieda fil-libertà tal-midja u enfasizza li medda wiesgħa ta’ kumpaniji tal-midja inkluż dik tax-xandir pubbliku, jipprovdu lill-pubbliku bi pluralità tal-opinjonijiet u l-informazzjoni; Jistieden lix-xandara kollha biex jirrispettaw il-Kodiċi tax-Xandir li jobbligahom jipprovdu kundizzjonijiet ekwi għall-kandidati elettorali u jiżguraw kopertura tal-midja ġusta u imparzjali;
17. Jieħu nota dwar il-fatt li r-responsabbiltà għall-eżami tal-ilmenti relatati mal-midja tax-xandir ġiet ittrasferita mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali għall-Kunsill ta’ Koordinazzjoni għall-Awdjoviżiv tal-Moldova (CCA) u jiddispjaċih li r-rappreżentanti mill-firxa politika jibqgħu dubbjużi dwar l-effikaċja u n-newtralità tiegħu; jitlob lis-CCA biex jaġixxi b’mod imparzjali u effettiv sabiex jindirizza kull ilment li jitressaq skont il-Kodiċi tax-Xandir;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE, lill-Gvern Interimtar-Repubblika tal-Moldova u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.