MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kriżi fis-settur tal-bhejjem tal-UE
3.11.2010
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Nikolaos Chountis, Bairbre de Brún, Kyriacos Triantaphyllides, Patrick Le Hyaric, João Ferreira, Alfreds Rubiks f'isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑0607/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi fis-settur tal-bhejjem tal-UE
Il-Parlament Ewropew,
- wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi f’dawn l-aħħar ftit ġimgħat, is-swieq globali taċ-ċereali esperjenzaw żieda f’daqqa fil-prezzijiet internazzjonali tal-qamħ li qed tqajjem mistoqsijiet importanti dwar l-istabilità tas-swieq, il-preċiżjoni tal-previżjonijiet ta’ produzzjoni u finalment il-prospetti globali tad-domanda u l-provvista,
B. billi l-prezzijiet tal-qamħ huma 60% sa 80% ogħla mill-bidu tal-istaġun f’Lulju, billi madankollu l-prezzijiet għadhom terz aktar baxxi mil-livelli massimi tagħhom fl-2008, u billi fl-istess perjodu l-prezz tal-qamħirrum żdied b’madwar 40%,
C. billi s-swieq finanzjarji antiċipaw u spekulaw dwar waqgħa fil-produzzjoni taċ-ċereali fil-Federazzjoni Russa, fejn in-nixfa affettwat l-uċuħ tar-raba’ u wasslet għal deċiżjoni sussegwenti tal-gvern tal-pajjiż biex jipprojbixxi l-esportazzjonijiet tal-qamħ sal-ħsad tas-sena d-dieħla,
D. billi numru kbir ta’ intrapriżi tal-bhejjem huwa mhedded serjament miż-żieda riċenti fil-prezzijiet taċ-ċereali fl-Unjoni Ewropea, speċjalment l-irziezet żgħar u medji,
E. billi l-ispiża li dejjem qed tiżdied ta’ għalf kompost qed iżżid l-ispejjeż ta’ produzzjoni għas-settur tal-bhejjem,
F. billi l-projbizzjoni tal-esportazzjonijiet tal-qamħ imposta mill-Federazzjoni Russa tista’ ma tkunx biżżejjed biex tiggarantixxi provvisti tal-għalf suffiċjenti għall-produzzjoni tal-annimali fit-tieni nofs tas-sena, billi, f’dak il-każ, minħabba l-issikkar tal-provvisti tal-esportazzjoni tad-dinja, tnaqqis fil-produzzjoni tal-laħam fil-Federazzjoni Russa probabilment iżid aktar il-prezzijiet tal-laħam internazzjonali fix-xhur li ġejjin,
G. billi d-domanda tad-dinja għall-ikel qed jiżdied b’rata aktar mgħaġġla mill-provvista, mhux l-anqas minħabba li d-dħul dejjem jiżdied f’ekonomiji emerġenti bħal ma huma l-Indja u ċ-Ċina, ikkombinat ma’ popolazzjonijiet dejjem jikbru, qed iżidu d-domanda, speċjalment għal-laħam u l-prodotti tal-ħalib, u għalhekk għall-għalf ukoll,
H. billi l-prezzijiet internazzjonali tal-laħam issaħħu fl-ewwel nofs tal-2010, b’mod partikolari dawk ta’ laħmijiet akkwistati f’ċikli ta’ produzzjoni twal bħal ma huma ċ-ċanga u l-laħam tan-nagħaġ, u billi, fuq il-bażi tal-livell massimu tal-2008 tal-episodju reċenti ta’ prezzijiet tal-ikel dejjem ogħla, se jkomplu jogħlew, hekk ukoll il-laħam tat-tjur u tal-majjal, minħabba l-eskalazzjoni attwali ta’ spejjeż tal-ikel,
I. billi l-aħħar previżjoni tal-FAO tindika l-figura tal-produzzjoni tal-qamħ globali tal-2010 ta’ madwar 650 miljun tunnellata, 5% aktar baxxa mis-sena l-oħra imma xorta t-tielet l-ogħla f’sens ta’ uċuħ tar-raba’ fir-rekords, u billi l-produzzjoni mnaqqsa fir-Russja, il-Kazakistan u l-Ukraina se tkun parzjalment ikkumpensata minn ħsad sodisfaċenti f’pajjiżi oħrajn u d-‘draw-down’ li rriżulta fl-istokkijiet se jwasslu għal tnaqqis żgħir li xorta huwa ogħla sew mil-livell baxx tal-perjodu ta’ kriżi tal-ikel tal-2007-2008,
1. Jemmen li huma meħtieġa miżuri u għodod ġodda biex tiżdied il-produzzjoni taċ-ċereali u titnaqqas l-instabilità tal-prezzijiet għax il-produzzjoni taċ-ċereali tal-UE se tonqos fl-2010-2011 u, minħabba li l-istokkijiet taċ-ċereali diġà huma baxxi, jaf ikun hemm żieda ġdida fil-prezzijiet taċ-ċereali u tal-għalf fl-2011, li jaf ikollhom effett devastanti fuq il-bdiewa li jrabbu l-bhejjem u fuq l-ikel;
2. Jitlob lill-Kummissjoni, bħala fatt urġenti, biex tipproponi miżuri sabiex tieqaf iż-żieda fl-ispejjeż tal-għalf u jiġu stabbilizzati l-prezzijiet tal-għalf fis-suq intern;
3. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tawtorizza ħlasijiet diretti minn qabel lill-bdiewa li jrabbu l-bhejjem għax dawn jafu jaffaċċjaw problemi serji ta’ kontanti bħala riżultat ta’ prezzijiet tal-għalf miżjuda u finanzi mnaqqsa;
4. Jinnota li ż-żidiet fil-prezzijiet taċ-ċereali joħolqu tfixkil fis-setturi kollha tal-bhejjem, speċjalment fis-settur tal-laħam tal-majjal, u dan f’perjodu meta dawn is-setturi jridu jlaħħqu mal-kriżi ekonomika globali, aċċess limitat għall-iffinanzjar, u standards aktar u aktar riġidi għas-sigurtà tal-ikel, l-ambjent u l-benessri tal-annimali;
5. Jinnota li r-riforma tal-PAK mhijiex kapaċi tnaqqas l-impatt tal-instabilità tal-prezzijiet fuq il-bażi agrikola u lanqas tiggarantixxi dħul ġust għall-produtturi; jinnota li l-prezzijiet taċ-ċereali tal-UE waqgħu b’45% matul l-aħħar sentejn, filwaqt li l-ispejjeż tal-produzzjoni għolew f’daqqa b’63% waqt il-perjodu 2004-2009 u li dan ikollu impatt devastanti fuq il-produtturi taċ-ċereali u l-bdiewa li jrabbu l-bhejjem tal-UE;
6. Jemmen sew li l-ikel mhuwiex merkanzija komuni; il-futuri tal-materji primi saru parti integrali tas-swieq tal-ikel u għandhom rwol importanti għal ħafna parteċipanti tas-suq; jemmen li l-produzzjoni agrikola għandha primarjament tkun immirata għall-ikel u m’għandhiex tintuża għal spekulazzjoni finanzjarja u profitti;
7. Jinsab imħasseb dwar il-livell miżjud ta’ spekulazzjoni bl-ikel, kif ġie osservat fis-swieq finanzjarji; jitlob għall-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi biex jiġġieldu l-ispekulazzjoni fis-swieq finanzjarji dwar il-materji primi agrikoli u l-istrumenti finanzjarji bbażati fuq dawn il-materji primi;
8. Jisħaq fuq il-fatt li prezzijiet taż-żejt għoljin, domanda kbira għal uċuħ tar-raba’ mis-settur tal-bijofjuwils, ħażniet dejjem jonqsu ta’ ikel u produzzjoni aktar baxxa taċ-ċereali huma wkoll fatturi li jikkontribbwixxu għall-prezzijiet tal-ikel biex jogħlew; jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina miżuri konkreti għal tnaqqis fil-volatilità tal-prezzijiet fi swieq tal-materji primi agrikoli fil-kuntest tar-riforma tal-PAK wara l-2013;
9. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.