Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0608/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0608/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku

3.11.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Francisco José Millán Mon, Arnaud Danjean, Elena Băsescu, Karl-Heinz Florenz f'isem il-Grupp PPE-DE
Sarah Ludford, Sharon Bowles, Olle Schmidt, Marietje Schaake f'isem il-Grupp ALDE
Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0608/2010

Proċedura : 2010/2898(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0608/2010
Testi mressqa :
B7-0608/2010
Testi adottati :

B7‑0608/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi wara l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar is-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku[2],

–   wara li kkunsidra dak li rriżulta mis-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti li sar fit-3 ta’ Novembru 2009 f’Washington,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' progress adottat fir-raba’ laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku tas-27 ta’ Ottubru 2009, u d-Dikjarazzjoni Konġunta adottata fil-Laqgħa ta' Djalogu bejn il-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi (TLD) u l-laqgħat li saru fi New York bejn l-4 u d-9 ta’ Diċembru 2009 u f’Madrid bejn l-4 u s-6 ta’ Ġunju 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar “It-titjib tal-kooperazzjoni trans-Atlantika fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà’ tat-28 ta' Ottubru 2009,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tat-3 ta’ Ġunju 2010,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Samits tal-G20 f'Toronto bejn is-26 u s-27 ta' Ġunju 2010 u f'Seoul bejn il-21 u 23 ta' Ottubru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-relazzjoni trans-Atlantika hija unika u wiesgħa fl-ambitu, li tinkludi l-impenn reċiproku għall-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa; wara li kkunsidra l-interessi u l-valuri komuni tal-UE u l-Istati Uniti, il-ħtieġa għall-UE u l-Istati Uniti biex jisimgħu lil xulxin u l-prontezza tal-Parlament Ewropew li jisma' lill-President Amerikan u l-Kungress Amerikan,

B.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti għandhom rwol kruċjali biex jiżguraw li l-kwistjonijiet globali u l-isfidi ġodda jiġu indirizzati,

C. billi l-UE u l-Istati Uniti jaħdmu flimkien madwar id-dinja biex imexxu 'l quddiem aġenda komuni bbażata fuq storja, kultura, interessi u valuri komuni, u billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti għandu jkollhom rwol kruċjali biex jiġi żgurat li l-kwistjonijiet globali u l-isfidi l-ġodda jiġu ttrattati fil-qafas tal-liġi internazzjonali u l-istituzzjonijiet multilaterali eżistenti, b'mod partikolari n-NU, l-OSCE u n-NATO,

D. billi ż-żewġ imsieħba trans-Atlantiċi flimkien jammontaw għal nofs l-ekonomija globali, bl-USD 4.28 triljun tagħhom tkun l-akbar, l-aktar integrata, u l-itwal relazzjoni ekonomika fid-dinja u mutur ewlieni tal-prosperità ekonomika globali, u billi l-qawwa u l-impenn għar-relazzjoni trans-Atlantika hi ta' rilevanza saħansitra akbar minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali kurrenti,

E.  billi ż-żewġ imsieħba huma impenjati li jikkooperaw sabiex jippromwovu t-tkabbir u l-impjiegi fl-ekonomiji tagħhom, u billi l-Parlament Ewropew ikompli jitkellem favur it-tlestija sal-2015 tas-suq trans-Atlantiku mingħajr ostakoli, li l-kisba tiegħu - flimkien mal-finalizzazzjoni tas-suq uniku tal-UE - se jkun element ewlieni fit-tnedija mill-ġdid tat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku globali,

F.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw kkontribwew l-inqas għall-impatti tat-tibdil fil-klima, ikkawżati mill-attività tal-bniedem, iżda qed iħabbtu wiċċhom mal-konsegwenzi l-aktar qawwija tagħhom u billi l-esternalitajiet negattivi tat-tibdil fil-klima qed jipperikolaw l-investiment internazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar, b'hekk tiġi mhedda l-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju; wara li kkunsidra wkoll il-bżonn għal djalogu kontinwu dwar l-inizjattiva għal sħubija trans-Atlantika għall-iżvilupp,

Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti

1.  Jinsisti dwar l-importanza li l-UE u l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti jintensifikaw id-djalogu, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni strateġiċi tagħhom meta jkunu qed jittrattaw l-isfidi globali u l-kunflitti reġjonali;

2.  Jistieden liż-żewġ partijiet biex jippromwovu r-rispett għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja bħala element prinċipali tal-politika tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni intensiva fid-diplomazija tal-prevenzjoni u tal-ġestjoni tal-kriżi;

3.  Iqis li hemm bżonn li, waqt is-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti, iż-żewġ imsieħba jieħdu rwol prinċipali dwar l-implimentazzjoni tal-impenji tal-G-20;

4.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti ħalli jkun hemm qbil dwar l-affarijiet konkreti li jistgħu jsiru biex jintlaħaq ftehim internazzjonali waqt il-Konferenza dwar il-Tibdil fil-Klima tan-NU (COP-16) Cancun, fuq il-bażi ta' evidenza xjentifika u li tinkludi assistenza internazzjonali adegwata biex ikunu ffinanzjati t-trażżin u l-adattament tal-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

5.  Jilqa' l-approċċ il-ġdid tal-Amministrazzjoni Amerikana lejn l-Iżrael u jitlob għal sħubija Ewro-Amerikana msaħħa mill-ġdid vis-à-vis l-kunflitt Iżraeli-Palestinjan; f'dan il-kuntest, jilqa' t-tnedija ta' negozjati diretti bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana, imħabbra f'Washington fit-2 ta’ Settembru, 2010; ifakkar li huma meħtieġa negozjati addizzjonali li jwasslu, fi żmien miftiehem, għal soluzzjoni b'żewġ stati mal-Istat tal-Iżrael u l-Istat Palestinjan indipendenti, demokratiku u vijabbli, li jeżistu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà. jenfasizza li paċi komprensiva, li hi ta' interess fundamentali għall-partijiet fir-reġjun u għall-UE, għandha tinkiseb fuq il-bażi tar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-prinċipji ta' Madrid, inkluża l-art għall-paċi, il-pjan tar-rotta, il-ftehimiet li kien hemm qbil preċedenti dwarhom mill-partijiet u l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi, u jenfasizza li l-impenn attiv tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani fil-proċess ta' paċi huwa meħtieġ, waqt li jirrikonoxxi l-importanza tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi u l-kooperazzjoni kontinwa mal-imsieħba Għarab;

6.  Jenfasizza li l-inċertezzi dwar in-natura tal-programm nukleari Iranjan jipperikolaw is-sistema tan-nonproliferazzjoni u l-istabilità fir-reġjun u fid-dinja; jesprimi d-diżappunt tiegħu għaċ-ċaħda kontinwa min-naħa tal-Iran li jikkoopera għalkollox mal-IAEA, rifless mill-ostakoli tiegħu għax-xogħol tal-IAEA, jiċħad l-aċċess għall-faċilitajiet nukleari ewlenin u jagħmel veto kontra l-ħatra ta' spetturi; jistieden lit-tmexxija Iranjana tissodisfa l-obbligi tal-Iran skont l-NPT; jitlob li Teheran jirratifika u jimplimenta l-Protokoll Addizzjonali dwar il-Ftehim ta’ Salvagwardji u jistieden lill-Istati Uniti u l-UE biex jikkoordinaw il-politiki barranin tagħhom sabiex jinkiseb dan l-objettiv;

7.  Għalkemm konxju li l-ħruġ ta’ dokumenti militari klassifikati jissugra li jqiegħed persunal militari fil-periklu, huwa mħasseb ħafna dwar l-allegazzjonijiet serji li saru dan l-aħħar li t-tortura qed tiġi ttollerata fl-Iraq; jitlob li din il-kwistjoni titqajjem fil-kuntest tas-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti bil-għan li tinfetaħ inkjesta trans-Atlantika indipendenti;

8.  Iħeġġeġ bis-saħħa lir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea biex twettaq l-impenji tagħha skont it-Taħditiet bejn Sitt Partijiet, inkluż l-abbandun totali u verifikabbli tal-armi nukleari u tal-programmi nukleari eżistenti kollha; jistieden lir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea biex timplimenta totalment l-obbligi kollha rilevanti tan-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm, jafferma mill-ġdid l-appoġġ sod tiegħu għat-Taħdidiet bejn Sitt Partijiet u jibqa' determinat li jikseb riżoluzzjoni sodisfaċenti u komprensiva tal-kwistjonijiet involuti permezz ta' mezzi diplomatiċi;

9.  Jenfasizza l-importanza tan-NATO bħala l-pedament tas-sigurtà trans-Atlantika u jħeġġeġ il-kooperazzjoni strateġika bejn l-Istati Uniti u l-Istati Membri tal-UE sabiex jindirizzaw l-isfidi tas-sigurtà globali; jilqa' l-abbozz tal-Kunċett Strateġiku l-ġdid skedat għall-adozzjoni fis-summit tan-NATO f'Lisbona bejn id-19 u l-20 ta’ Novembru 2010; iqis li żviluppi rilevanti f’din l-istruttura ta’ sigurtà usa’ għandhom jiġu indirizzati wkoll fi djalogu mar-Russja u mal-Istati Membri tal-OSCE li ma jiffurmawx parti mill-UE. jenfasizza l-importanza tas-CSDP u l-valur ta' kapaċità Ewropea mtejba ta' difiża għat-tisħiħ tas-sigurtà trans-Atlantika;

10. Jinnota l-għadd dejjem ikbar ta' sfidi diversi li qed jitfaċċaw, li huma komuni kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Uniti; iħeġġeġ lill-imsieħba biex jibdew strateġija konġunta globali li taħtha l-miżuri ta' politika trans-Atlantiċi kollha jiġu evalwati u żviluppati sabiex tinħoloq strateġija koerenti u wiesa' waħda li tindirizza dawn il-kwistjonijiet b'mod effikaċi;

11. Jilqa' l-iffirmar tat-Trattat START il-ġdid fit-8 ta' April 2010, fi Praga, mill-President Amerikan Barack Obama u l-President Russu Dmitry Medvedev u jistenna bil-ħerqa r-ratifika tiegħu miż-żewġ partijiet;

12. Iħeġġeġ l-irduppjar tal-isforzi mill-UE u l-Istati Uniti biex jimpenjaw ruħhom mat-Turkija, il-Greċja u Ċipru sabiex tinkiseb soluzzjoni dejjiema tal-problema ta' Ċipru bbażata fuq kostituzzjoni federali biżonali u bikomunali għal gżira magħquda mill-ġdid; jinnota li, fil-każ ta' nuqqas ta’ soluzzjoni tal-kwistjoni ta' Ċipru, mhu se jkun hemm l-ebda bażi li fuqha l-UE u n-NATO jkunu jistgħu jistabbilixxu sħubija reċiproka qawwija u l-isforzi proprji tal-UE biex tiżviluppa politika komuni tas-sigurtà u tad-difiża se jiġu ostakolati, jenfasizza l-importanza strateġika tat-Turkija fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti, u li l-objettiv ta' stabilità mtejba fil-Mediterran tal-Lvant, il-Lvant Nofsani u n-Nofsinhar tal-Kawkasu jitwettaq l-aħjar permezz ta' trattat ġdid ta' sigurtà bejn l-UE, l-Istati Uniti u t-Turkija;

13. Jirrikonoxxi l-interessi kummerċjali u politiċi doppji tal-UE u l-Istati Uniti fl-Amerika Latina, fejn l-UE għandha sħubijiet strateġiċi mal-Messiku u l-Brażil u FTAs maċ-Ċili u l-Messiku kif ukoll qed tinnegozja ftehim mal-Kolombja; għandu l-istess tħassib Amerikan dwar iż-żieda ta' awtoritarjaniżmu f’pajjiżi bħall-Veneżwela u d-dittatorjat li għadu għaddej f’Kuba; iħares lejn kooperazzjoni kontinwa mal-Istati Uniti fil-viċinat tagħha, minħabba investimenti kbar tal-UE, u l-konnessjonijiet storiċi qawwija mar-reġjun;

Laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku u r-rinfurzar tiegħu

14. Hu konvint li l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku jikkostitwixxi l-mekkaniżmu l-iktar xieraq għall-ġestjoni tar-relazzjonijiet ekonomiċi trans-Atlantiċi; Iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex jużaw il-potenzjal sħiħ tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jegħlbu l-ostakoli eżistenti li qed ixekklu l-integrazzjoni ekonomika u biex jiksbu suq trans-Atlantiku magħqud sal-2015, ħaġa li se tkun reazzjoni pożittivi għall-kriżijiet ekonomiċi u soċjali kurrenti;

15. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fid-dawl tal-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku li ġejja, taħdem favur l-adozzjoni formali ta' proċeduri għall-għarfien reċiproku ta' dikjarazzjonijiet ta' konformità għall-prodotti suġġetti għal testijiet obbligatorji minn partijiet terzi, l-aktar għat-tagħmir tat-teknoloġija ta’ informazzjoni u komunikazzjoni u għat-tagħmir elettriku, sabiex tinsisti fuq ir-rikonoxximent reċiproku tal-unitajiet ta’ kejl legali, b’mod partikulari biex jiġi aċċettat l-użu ta’ tikketti li jużaw biss is-sistema metrika fuq il-prodotti tal-UE fl-Istati Uniti, tesplora l-istandardizzazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti, biex tistabbilixxi laqgħat ta' diskussjoni dwar standards li jiffukaw fuq soluzzjonijiet innovattivi u biex tikkoordina internazzjonalment;

16. Jikkunsidra li hu tal-akbar importanza li jkun hemm involviment fi djalogu mal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku dwar l-ikel il-ġdid u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda fil-produzzjoni tal-ikel; jenfasizza l-preokkupazzjonijiet fir-rigward tal-klonazzjoni fit-trobbija tal-annimali;

17. Jitlob li jkun hemm koperazzjoni mal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku dwar kull kwistjoni li taffettwa lill-ambjent regolatorju għall-industrija, speċjalment l-SMEs, li ssegwi l-approċċ tal-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” tal-UE – billi taħseb l-ewwel fiż-żgħir – meta jkun qed jikkunsidra leġiżlazzjoni b’impatt trans-Atlantiku;

18. Jenfasizza l-importanza li l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku jintuża bħala qafas għal kooperazzjoni makroekonomika bejn l-imsieħba, filwaqt li jinnota l-kooperazzjoni straordinarja matul il-kriżi, u jħeġġeġ l-istituzzjonijiet monetarji kompetenti biex isaħħu l-koordinazzjoni tagħhom, speċjalment fil-qasam tas-sorveljanza u l-prevenzjoni tar-riskju sistemiku; jirrikonoxxi r-rwol ewlieni li kellhom l-UE u l-Istati Uniti fl-istituzzjonijiet finanzjarji dinjija, inklużi l-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Dinji u l-BIS;

Ir-rwol tad-Djalogu tal-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi fil-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku

19. Itenni mill-ġdid it-talba tieħu lill-mexxeja tal-UE u tal-Istati Uniti, kif ukoll lill-kopresidenti tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku, biex iqisu r-rwol kruċjali tal-leġiżlaturi għas-suċċess tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku; iħeġġiġhom biex jinvolvu lir-rappreżentanti tad-Djalogu tal-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi b’mod sħiħ u dirett fil-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku, peress li l-leġiżlaturi mal-fergħat eżekuttivi rispettivi tagħhom jaqsmu r-responsabilità għall-applikazzjoni u s-sorveljanza ta’ ħafna deċiżjonijiet tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku;

20. Jemmen li hu essenzjali li jkun żgurat li l-membri ewlenin tal-Kungress u tal-Parlament Ewropew jiddaħħlu fid-Djalogu tal-Leġiżlaturi u fil-proċess tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku, sabiex ikun żgurat li l-leġiżlazzjoni ma jkollhiex konsegwenzi imprevisti għall-kummerċ u l-investiment trans-Atlantiku; jittama li d-Djalogu tal-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi jista’ gradwalment jittejjeb għal assemblea interparlamentari trans-Atlantika, wara r-rakkomandazzjonijiet mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tas-26 ta’ Marzu 2009;

Il-kummerċ bilaterali u internazzjonali

21. Jinsab deċiż biex ikompli jistieden lill-leġiżlatura tal-Istati Uniti – u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel dan anke fil-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku – biex terġa’ tikkunsidra l-obbligu tal-iskennjar tal-100% tal-kontejners, u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa kooperazzjoni mal-Istati Uniti, ibbażata fuq l-immaniġġjar tar-riskju, inkluż ir-rikonoxximent reċiproku tal-Programmi ta’ Sħubija Kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, bi qbil mal-Qafas ta’ Standards SAFE tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana;

22. Jenfasizza l-bżonn urġenti li r-Rawnd ta’ Żvilupp ta’ Doha jitlesta kemm jista' jkun malajr; madankollu jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' proposta sostantiva u ġdida minn ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil; jistieden lill-Istati Uniti biex tmexxi 'l quddiem flimkien mal-UE sabiex ineħħu l-ostakli li fadal;

23. Iqis li l-aċċess għal swieq ta' pajjiżi terzi hu ta’ tħassib u interess komuni kemm għall-UE u l-Istati Uniti, b'mod partikolari peress li l-irkupru ekonomiku mill-kriżi finanzjarja x'aktarx li jibda f'xi pajjiżi żviluppati ġodda, bħall-Brażil, l-Indja u ċ-Ċina, fejn għadhom jeżistu kummerċ sinifikattiv u diskriminatorju kif ukoll ostakoli mhux tariffarji; jinsab konvint li l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku jista’ jkollu rwol importanti fit-trawwim ta’ approċċ komuni mill-UE u l-Istati Uniti fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom ma’ pajjiżi terzi; jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jaħdem lejn il-kisba ta’ approċċ aktar komuni u għal strateġija konġunta dwar ftehimiet ġodda ta’ kummerċ ħieles min-naħa tal-Istati Uniti u tal-UE, bl-intenzjoni li jiġu standardizzati d-dispożizzjonijiet;

L-iżvilupp

24. Ifakkar li l-impenji internazzjonali li ttieħdu fir-rigward tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, u li ħafna minnhom waqgħu lura, se jinkisbu biss jekk il-pajjiżi industrijalizzati jżommu l-impenji tagħhom u jikkontribwixxu 0.7% tal-PDG tagħhom fl-ODA sal-2015; għalhekk jistieden lill-UE u l-Istati Uniti kif ukoll lil donaturi internazzjonali oħra biex jirrispettaw l-impenji tagħhom u jieħdu miżuri biex jitħaffef il-progress ħalli jintlaħqu l-miri tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju sal-2015;

Kriżi ekonomika u finanzjarja

25. Ifakkar li l-Ftehim ta' Basel II, u r-reviżjoni li jmiss tiegħu, intenzjonat li jkun standard globali u jħeġġeġ lill-Istati Uniti biex jimplimentawh malajr; huwa għalhekk imħasseb bil-bosta dwar il-possibilità li l-limitazzjonijiet stabbiliti f’varji liġijiet nazzjonali adottati b’risposta għall-kriżi (b’mod partikolari l-liġi Amerikana ta’ riforma ta’ Wall Street u ta’ ħarsien tal-konsumaturi, li tillimita r-rikonoxximent tal-klassikazzjonijiet esterni) iwasslu għal frammentazzjoni gravi tal-applikazzjoni ta' dan l-istandard globali; jinnota wkoll li regoli tal-kontabilità globali konsistenti huma essenzjali għal kundizzjonijiet indaqs u jistieden lill-Istati Uniti biex tadotta l-Standards Internazzjonali ta' Rapportar Finanzjarju (IFRS);

26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika d-djalogu Trans-Atlantiku f’dak li għandu x’jaqsam mar-regolamentazzjoni finanzjarji mal-Istati Uniti u jinnota li l-kriżi kienet l-agħar reċessjoni globali minn żmien id-Depressjoni l-Kbira, u li b’reazzjoni l-gvernijiet minn madwar id-dinja, speċjalment tal-UE u l-Istati Uniti, ikkooperaw b’mod li qatt ma deher qabel biex jirriformaw is-swieq u l-istituzzjonijiet finanzjarji;

27. Iqis li l-istrutturi ta' governanza ekonomika u finanzjarja li kienu fis-seħħ fil-bidu tal-kriżi, kemm jekk fuq livell globali, fl-Istati Uniti jew fi ħdan l-UE, ma għaddewx biżżejjed stabilità lis-sistema finanzjarja globali; jemmen li, b'interdipendenza dejjem ikbar tas-suq ekonomika u finanzjarju, il-kooperazzjoni dwar il-politiki makroekonomiċi u s-sorveljanza tal-ekonomiji ewlenin jeħtieġ li tissaħħaħ; barra minn hekk, jirrikonoxxi li l-UE għandha tindirizza l-kwistjoni tar- rappreżentanza tagħha fil-Fond Monetarju Internazzjonali;

28. Jistieden lill-UE u l-Istati Uniti biex jaħdmu maċ-Ċina biex tissolva l-kontroversja globali dwar ir-rati tal-kambju barranin mingħajr applikazzjoni ta' miżuri protezzjonisti jew ta’ ritaljazzjoni; iqis li l-Istati Membri tal-UE huma suġġetti għal pressjonijiet tas-suq differenti meta mqabbla mal-Istati Uniti, speċjalment fir-rigward ta' bonds sovrani u l-eżistenza ta' unjoni monetarja;

29. Jinnota li kemm il-Frank-Dodd Bill u l-programm ta' riforma regolatorja fl-UE isegwi l-inizjattivi tal-G-20, u jqis li huwa importanti li din il-kooperazzjoni titkompla matul il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni; jinnota li dan huwa partikolarment evidenti fil-leġiżlazzjoni dwar is-swieq tal-prodotti derivati OTC; jenfasizza li ħafna mid-diverġenzi huma kkawżati minn differenzi fin-natura tal-leġiżlaturi u r-rwol tas-sorveljanti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet;

L-enerġija, l-ambjent, it-trasport, l-industrija, ir-riċerka u x-xjenza

30. Jilqa’ l-ħolqien tal-Kunsill tal-Enerġija UE-SU biex jipprovdi qafas ġdid għall-approfondiment tad-djalogu Trans-Atlantiku dwar kwistjonijiet strateġiċi marbuta mal-enerġija bħas-sigurtà tal-provvista jew tal-politiki biex nersqu lejn sorsi ta' enerġija b'livell baxx ta' karbonju filwaqt li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni xjentifika kostanti dwar teknoloġiji tal-enerġija; jilqa' l-bidu ta' Ftehim ġdid tal-Energy Star bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-koordinazzjoni ta’ programmi ta’ tikkettar tal-effiċjenza enerġetika għat-tagħmir tal-uffiċċju, u l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-enerġija bħall-idroġenu jew il-proġett ITER għall-fużjoni nukleari;

31. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jiżviluppa kooperazzjoni lejn strateġija komuni dwar l-enerġija esterna u l-materja prima li tappoġġa d-diversifikazzjoni ta' sorsi, ir-rotot ta’ provvista u l-infrastruttura u tippromwovi ekonomija effiċjenti fl-użu tal-enerġija, sabiex tiżdied is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u jħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jgħin ifittex kriterji ta' sostenibilità konverġenti għat-taħlita tal-enerġija, u tiżdied ir-riċerka u l-iżvilupp, inkluż il-bijokarburanti;

32. Jinnota li t-tibdil fil-klima huwa sfida globali li għaliha ma hemmx soluzzjoni politika u teknoloġika unika, iżda li l-ġabra flimkien tal-opportunitajiet eżistenti u ż-żieda sostanzjali fl-effiċjenza fl-oqsma kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà fil-pajjiżi żviluppati u f'dawk li qed jiżviluppaw tikkontribwixxi għas-sejba ta' soluzzjoni għall-problema tar-riżorsi u t-tqassim, u tħejji t-triq għat-tielet rivoluzzjoni industrijali;

33. Iħeġġeġ lill-Presidenza tal-UE biex tfittex impenn ambizzjuż min-naħa tal-Istati Uniti matul is-Samit ta’ Cancun li jmiss u kooperazzjoni min-naħa tal-Istati Uniti fil-promozzjoni ta’ rabtiet bejn is-Sistema għall-Kummerċ tal-Emissjonijiet (ETS) tal-UE u l-iskemi ta’ kummerċ reġjonali jew federali fl-Istati Uniti; jinnota f’dan ir-rigward l-importanza li jiġu żgurati standards u livelli ta’ referenza komuni fis-swieq tal-ETS emerġenti kollha sabiex ostakoli regolatorji mhux meħtieġa f’dan is-suq emerġenti jkunu evitati;

34. Jistieden lill-Istati Uniti biex tippermetti l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-ftehima fl-ewwel stadju dwar l-avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti u tal-ftehima dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti; ifakkar kemm lill-Kummissjoni u kemm lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti li jekk ma jirnexxilhomx jikkonkludu t-tieni stadju tal-ftehima, dan jista’ jwassal biex xi Stati Membri jikkanċellaw il-ftehima fl-ewwel stadju;

35. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jistimula l-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka biex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tal-Ftehim tax-Xjenza u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti li ġie estiż reċentement, primarjament bl-estensjoni tal-approċċ ta' sejħiet koordinati għal proposti fl-oqsma ta' interess strateġiku reċiproku u bl-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni fir-riċerka tal-enerġija bħas-Sħubija Internazzjonali għall-Ekonomija tal-Idroġenu (IPHE), il-Forum tat-Tmexxija fis-Sekwestrar tal-Karbonju (CSLF) u l-Koalizzjoni ta' Johannesburg għall-Enerġija Rinnovabbli (JREC);

Il-proprjetà intellettwali u l-protezzjoni tal-konsumatur

36. Jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni Trans-Atlantika mill-qrib fir-rigward tal-aġenda diġitali bħas-suq diġitali, il-libertà tal-Internet fid-dinja, in-newtralità, l-istandards komuni, it-trasparenza u l-istat tad-dritt fir-rigward tal-ACTA;

37. Iqis li huwa essenzjali li tiġi żviluppata strateġija ta’ azzjoni konġunta UE-Stati Uniti għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bil-għan li tiġi miġġielda ż-żieda fil-kummerċ globali ta’ prodotti foloz u kkuppjati; jitlob għall-ħolqien ta’ task force Trans-Atlantiku biex jiġġieled l-iffalsifikar bħala sinjal bżonnjuż ta’ determinazzjoni politika li tiġġieled l-attivitajiet illegali li jfarrku l-kompetittività tal-industriji innovattivi u kreattivi filwaqt li jiġu rrispettati l-libertajiet ċivili, il-libertà tal-espressjoni, tal-privatezza u tal-ipproċessar kif dovut;

Koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, il-politika dwar il-viża

38. Jinsisti li l-UE trid tinnegozja bħala entità waħdanija għall-ammissjoni għall-programm għall-eżenzjoni mill-viża, biex tiżgura li erba’ Stati Membri – il-Bulgarija, Ċipru, il-Polonja u r-Rumanija – li jinsabu barra mill-programm għall-eżenzjoni mill-viża ma jikkonkludux ftehimiet bilaterali mal-Istati Uniti biex jakkwistaw l-istatus għall-eżenzjoni mill-viża; itenni li l-Kummissjoni trid tkompli tkabbar mal-Istati Uniti fil-livell politiku u tekniku l-importanza mogħtija mill-UE għall-ammissjoni tal-erba’ Stati Membri li fadal għall-programm għall-eżenzjoni mill-viża kemm jista’ jkun malajr;

39. Jisħaq fuq l-ispirtu ta’ koperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu globali, iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Uniti biex ikomplu jaħdmu f’koperazzjoni sabiex jiġġieldu aktar kontra t-theddida mġedda tat-terroriżmu u jfakkar fid-determinazzjoni tiegħu f’dan il-qasam u fit-twemmin sod tiegħu għall-bżonn li miżuri tas-sigurtà ma jheddux il-protezzjoni tal-libertajiet ċivili u d-drittijiet fundamentali u l-akbar rispett għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta; itenni li n-neċessità u l-proporzjonalità huma prinċipji ewlenin mingħajr liema l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax tkun effettiva;

40. Jilqa' r-riflessjoni fil-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar it-Trasferimenti ta’ Dejta Bankarja tar-rieda tal-Istati Uniti li jirrispondu pożittivament għat-talbiet marbuta mal-protezzjoni tad-dejta mressqa mill-Parlament Ewropew dwar ir-rapport SWIFT;

41. Jistieden lill-Kunsill biex jinstab qbil malajr dwar il-mandat ta' negozjar għall-ftehim tal-protezzjoni tad-dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti u mbagħad jagħmel progress urġenti fin-negozjati u jittrasponi l-eżitu tagħhom fil-leġiżlazzjoni mill-aktar fis possibbli;

42. Jistieden kemm lill-Istati Uniti u l-UE biex jillimitaw il-ġbir tad-dejta u l-ipproċessar għall-minimu assolut ġenwinament meħtieġ għall-għanijiet ta' sigurtà, sabiex jitnaqqas it-theddid għal-libertà u l-libertajiet ċivili, u jħeġġeġ li t-talbiet ta’ trasferiment tad-dejta kif ukoll arranġamenti oħra tal-ġustizzja u l-intern jiġu ġeneralment ittrattati fil-qafas multilaterali bejn l-UE u l-Istati Uniti iktar milli b'mod bilaterali ma' Stat Membru individwali;

43. Jenfasizza t-tħassib serju tiegħu dwar l-hekk imsejjaħ Att ta’ Promozzjoni tal-Ivjaġġar u l-effett diskriminatorju tiegħu peress li japplika biss għal vjaġġaturi taħt il-programm għall-eżenzjoni mill-viża, kif ukoll imħasseb dwar il-protezzjoni tad-dejta peress li l-ħlasijiet jistgħu jsiru biss ma' waħda mill-erba' karti ta' kreditu kbar, li kumpaniji tagħhom huma kollha bbażati fl-Istati Uniti jitlob li kwistjoni tal-miżata ESTA titqajjem fil-laqgħa ministerjali tal-ĠAI li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti f'Diċembru;

44. Fid-dawl ta' żviluppi reċenti fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku li joħolqu sfidi għal soċjetajiet armonjużi u diversi, jitlob għal djalogu miftuħ bejn il-gvernijiet tagħna u s-soċjetajiet dwar kif nistgħu nistinkaw kollha kemm aħna sabiex niksbu tolleranza akbar u rispett għad-diversità fil-komunitajiet rispettivi fil-kuntest tar-rispett minn kulħadd għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

45. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kungress tal-Istati Uniti, lill-kopresidenti tad-Djalogu bejn il-Leġiżlaturi Transatlantiċi u lill-kopresidenti u s-segretarjat tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku.