Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0609/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0609/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku

3.11.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Adrian Severin, Hannes Swoboda f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0608/2010

Proċedura : 2010/2898(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0609/2010
Testi mressqa :
B7-0609/2010
Testi adottati :

B7‑0609/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar relazzjonijiet trans-Atlantiċi, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Marzu 2009 dwar l-istat tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi wara l-elezzjonijiet tal-Istati Uniti u tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar is-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar ir-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex jawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu dejta minn messaġġi ta' ħlasijiet finanzjarji għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu, u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim (SWIFT),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-trasparenza u l-istat attwali tan-negozjati ACTA,

–   wara li kkunsidra l-abbozz tal-protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika, id-dibattiti li saru dwar l-ipproċessar u t-trasferiment minn trasportaturi bl-ajru fl-Istati Uniti tal-Amerika, ta' dejta marbuta mar-Rekords tal-Ismijiet tal-Passiġġieri PNR, u dwar il-prezzijiet ta' titjiriet fl-Istati Uniti fit-22 ta' Settembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-laqgħa Plenarja ta' Livell Għoli tan-NU, dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tal-20-22 ta' Settembru 2010 u l-konklużjonijiet tagħha,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar is-Samit tal-G-20 tal-11-12 ta’ Novembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-relazzjonijiet trans-Atlantiċi għandhom ikunu bbażati fuq valuri ewlenin kondiviżi bħad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-multilateraliżmu,

B.  billi l-Unjoni Ewropea tilqa' bi ħgarha l-attitudni ta' kooperazzjoni min-naħa tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti fil-qasam internazzjonali u l-impenn imġedded lejn ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika u l-multilateraliżmu,

C. billi fil-fażi ta' wara Lisbona, l-UE hija parteċipant ewlieni globali fix-xena internazzjonali b'għodda ta' politika ġodda,

D. billi l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika, filwaqt li se jibqgħu l-aktar żewġ ekonomiji prosperużi fid-dinja, qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' sfidi li jirriżultaw mill-kriżi finanzjarja u ma' kompetizzjoni aktar iebsa minn ekonomiji BRIC li qegħdin jiżviluppaw,

E.  billi l-ħidma mwettqa mill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (TEC) huwa mmirat lejn suq trans-Atlantiku integrat li jiffaċilita t-tkabbir tal-ekonomija, l-iżvilupp sostenibbli u l-ġustizzja soċjali,

F.  billi ż-żewġ sħab jikkondividu r-responsabbiltà li jipprovaw isolvu żbilanċji globali bħall- kriżi finanzjarja u d-dimensjoni soċjali tagħha, il-qgħad, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija, it-terroriżmu u l-proliferazzjoni nukleari,

G. billi kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti tal-Amerika jimpenjaw ruħhom biex jiksbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u biex il-faqar estrem jitnaqqas bin-nofs sal-2015, li dan l-aħħar ġie affermat mill-ġdid matul is-samit ta' livell għoli tan-NU, li seħħ f'New York,

Il-kooperazzjoni internazzjonali

1.  Jistieden liż-żewġ sħab biex jikkonfrontaw l-isfidi fuq il-bażi tal-liġi internazzjonali u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet multilaterali u biex isir progress lejn Aġenda ta' Riforma tan-NU, inkluża r-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

2.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti tal-Amerika biex jippromwovu r-rispett għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja bħala element prinċipali tal-politika tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni intensiva fid-diplomazija kontra u matul il-kriżijiet; jistieden lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex tirratifika u timxi mal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jirrepeti l-appell tiegħu favur it-tneħħija universali tal-piena tal-mewt;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa għal tmexxija intraprendenti miż-żewġ naħat sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u biex il-faqar estrem jitnaqqas bin-nofs sal-2015, b'mod partikolari billi jitpoġġew fil-mira l-aktar Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju li żvijjaw inkluża l-mortalità tan-nisa li jwelldu u tat-tfal speċjalment fil-lokalitajiet tal-Afrika sub-Saħarjana; jistieden għal darba oħra liż-żewġ sħab biex iwettqu l-impenn tagħhom li jallokaw 0.7% tal-IGN lil ODA;;

4.  Jistieden liż-żewġ naħat biex iwettqu l-impenji li għamlu matul is-samit tal-G20 li seħħ f'Toronto, biex il-foqra jkollhom aċċess aħjar għal servizzi finanzjarji u biex jiżdied il-finanzjament għal SMEs f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

5.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Uniti tal-Amerika biex jaħdmu aktar fil-qrib mal-Partit ta' Ħidma dwar l-Effikaċjatal-Għajnuna bl-għan li jkunu jistgħu jinkisbu riżultati ta' suċċess matul ir-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, Seoul 2011, li se jiffoka fuq koordinazzjoni aħjar bejn l-partijiet;

6.  Jilqa’ d-deċiżjoni ta’ Jannar 2010 tal-Gvern tal-Istati Uniti li jaħtar Mibgħut Speċjali dwar it-Trattat dwar il-Forzi Armati Konvenzjonali fl-Ewropa (CFE) u d-dikjarazzjoni magħmula mill-President Obama u l-President Medvedev f’Ġunju 2010 dwar il-futur tal-kontroll tal-armi konvenzjonali u tat-Trattat CFE; jilqa’ l-ftehim bejn l-Istati Uniti u r-Russja dwar Trattat START ġdid u jinsab fiduċjuż li dan se jiġi approvat mis-Senat tal-Istati Uniti; Jikkunsidra li l-iżviluppi rilevanti fi ħdan din l-istruttura usa’ tas-sigurtà għandhom jiġu indirizzati fi djalogu mar-Russja, l-Istati Uniti u l-Istati Membri tal-OSKE li ma jagħmlux parti mill-UE, sabiex jiġġedded il-kunsens trans-Atlantiku dwar is-sigurtà;

7.  Ifakkar fid-Dikjarazzjonijiet ta’ Strasburgu ta’ April 2009 mill-Alleanza tan-NATO; u b'hekk, jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti u lill-Istati Membri tal-UE biex jieħdu fi ħdan l-Alleanza, impenn espliċitu li se jaħdmu biex xi darba d-dinja tkun ħielsa minn armamenti nukleari; iħeġġeġ lill-Istati Uniti biex tneħħi l-armamenti nukleari tattiċi li tippossjedi mill-Ewropa li juru appoġġ qawwi għar-reġim NPT, tmur kontra l-proliferazzjoni tal-armamenti nukleari u tagħti l-opportunità lill-Allenaza biex talloka r-riżorsi skarsi li għandha biex tindirizza l-ħtiġijiet ta' sigurtà tal-lum il-ġurnata;

8.  Jilqa’ l-eżitu tas-Samit dwar is-Sigurtà Nukleari ta’April 2010 li jenfasizza l-importanza globali li jiġi evitat it-terroriżmu nukleari u li f’erba’ snin jitqiegħed fiż-żgur il-materjal nukleari vulnerabbli kollu u li jintlaħaq qbil dwar Pjan ta’ Ħidma biex il-ftehimiet u l-programmi eżistenti dwar is-sigurtà nukleari jittejbu u jiġu universalizzati; isostni l-inizjattivi li ttieħdu minn pajjiżi individwali biex titjieb s-sigurtà nazzjonali u jħeġġeġ lil stati oħra biex jingħaqdu magħhom; isostni l-inizjattiva għat-tneħħija tal-armamenti nukleari fil-Lvant Nofsani;

L-ambitu reġjonali

9.  Jitlob għal kooperazzjoni mtejba bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-Afganistan u l-Pakistan bl-għan li jsir kontribut għall-paċi, għall-istabbiltà, għad-demokrazija, għad-drittijiet tal-bniedem u għall-iżvilupp fir-reġjun; jenfasizza l-importanza li pajjiżi tal-viċinat u atturi ewlenija oħra fir-reġjun jipparteċipaw f'dan il-proċess, li jista' jikkontribwixxi b'mod konsiderevoli għall-istabbilizzazzjoni reġjonali; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp u tal-ħtieġa li ssir enfasi akbar fuq iċ-ċittadin fejn tidħol politika marbuta mal-Afganistan; japprova l-isforzi li saru fil-missjoni ta' EUPOL fl-Afganistan u jitlob għal koordinazzjoni aħjar bejn l-atturi internazzjonali involuti fit-taħriġ tal-pulizija fil-pajjiż; jitlob li jsir investiment distint fir-riforma u t-taħriġ tal-ġudikatura;

10. Jistieden lis-sħab biex permezz ta’ sforzi kkoordinati jkomplu jaħdmu mal-gvern tal-Iraq u man-Nazzjonijiet Uniti sabiex itejbu l-għaqda, id-demokrazija u l-istabbiltà fl-Iraq; jenfasizza l-importanza, f'kuntest reġjonali wkoll, tas-sigurtà u l-iżvilupp fil-pajjiż u jitlob għall-involviment tal-komponenti kollha tas-soċjetà tal-Iraq f'arranġamenti u proġetti istituzzjonali relatati;

11. Jesprimi d-diżappunt tiegħu fil-konfront tar-rifjut persistenti min-naħa tal-Iraq li jikkoopera bis-sħiħ mal-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Nukleari (IAEA) meta jkun qiegħed jostakola l-ħidma tagħha; jilqa' l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-UNSC 1929 (2010) li timponi r-raba' ronda ta' sanzjonijiet fuq l-Iran minħabba l-programm nukleari tiegħu u l-adozzjoni tal-Kunsill ta' sett ta' miżuri restrittivi li għandhom jiġu imponuti fuq l-Iran; isostni fl-istess ħin l-għan li tinstab soluzzjoni negozjata għall-Iran li tkun konsistenti ma' strateġija li tinvolvi djalogu u sanzjonijiet;

12. Jilqa', f'dawn ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Istati Uniti li timponi sanzjonijiet immirati fuq uffiċjali mill-Iran maħsuba li kienu responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran jew li kienu kompliċi fihom, minn meta saret l-elezzjoni presidenzjali ta' Ġunju 2009; jistieden lill-Kunsill biex jadotta miżuri simili;

13. Jenfasizza l-importanza ta' diskussjonijiet diretti dwar il-paċi bejn l-Iżrael u l-Palestinjani, li għandhom iwasslu għall-ftehim li jtemm il-ħakma li bdiet fl-1967 u li r-riżultat tagħhom ikun Stat tal-Palestina vijabbli, demokratiku, indipendenti u kontigwu li jgħix biswit fil-paċi u s-sigurtà mal-Iżrael u l-pajjiżi ġirien l-oħra tiegħu, u jitlob għat-tkomplija ta' dawn in-negozjati; jilqa' l-isforzi li saru mill-President Obama u mill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti f'dan il-qasam; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex ikollha rwol politiku aktar attiv f'dan il-proċess, anke fil-qafas tal-Kwartett;

14. Jenfasizza għal darba oħra li l-partijiet kollha fuq iż-żewġ naħat għandhom joqogħdu lura milli jieħdu xi pass unilaterali speċjalment fir-rigward tal-bini ta' rħula żgħar Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent u fil-Lvant ta' Ġerusalemm li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-prospetti ta' paċi ġusta u li sservi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani kif ukoll li l-ebda tibdil unilaterali fil-fruntieri li tfasslu qabel l-1967, li jinkludu dawk fir-rigward tal-Ġerusalemm, ma għandu jkun rikonnoxxut;

Kooperazzjoni bilaterali - dejta

15. Jilqa' l-iffirmar, f'Ġunju tal-2010, tat-tieni stadju "Open Skies" tal-ftehim ta' avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti bħala sisien ta' kooperazzjoni effikaċi, u l-konklużjoni tal-ftehim ICAO l-aktar riċenti tat-8 ta' Ottubru 2010 bħala pass 'il quddiem importanti fir-rigward tas-suq tal-ajru trans-Atlantiku; jistieden madanakollu, lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u lill-Kummssjoni, biex jaħdmu għal aktar libertà fl-investiment u s-sjieda ta' trasportaturi tal-ajru li jaqsmu minn fuq l-Atlantiku mingħajr ħsara għaċ-ċittadinanza barranija, u għall-inklużjoni ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fis-settur tal-avjazzjoni fl-Iskema għan-Negozju tal-Emissjonijiet (ETS);

16. Jistieden għal darba oħra lis-Senat tal-Istati Uniti u lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex jevitaw miżuri li jmorru kontra dawn l-għanijiet, bħal dawk dwar l-istazzjonijiet barranin ta’ tiswija, l-eżenzjonijiet tal-monopolju u ċ-ċittadinanza tat-trasport bl-ajru msemmija fil-House Resolution 915; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtorità tal-Istati Uniti biex jiddefendu l-kunċett ta' "one-stop security" u biex jirrivedu l-effiċjenza tal-miżuri addizzjonali ta' sigurtà li ġew adottati mill-2001 sabiex jitneħħew irkib u dgħufijiet fil-katina tas-sigurtà;

17. Ifakkar fl-importanza ta' ftehim ta' qafas legali fis-sod bejn l-UE u l-Istati Uniti fir-rigward tal-iskambju ta' dejta PNR u l-protezzjoni tad-dejta, ifakkar fil-prijoritajiet tiegħu f'dan ir-rigward kif iddikjarat fir-riżoluzzjonijiet u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu nota tal-pożizzjoni tiegħu filwaqt li jkunu qegħdin jadottaw d-direttivi ta' negozjar, filwaqt li jfakkar fid-dritt li għandu li jkun infurmat bis-sħiħ u fil-pront matul il-proċess kollu;

18. Jistieden għal darba oħra lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u lill-Kummissjoni biex jintensifikaw aktar in-negozjati tagħhom biex jinstabu soluzzjonijiet ibbilanċjati għal, inter alia, ħtiġijiet ta' siġurtà fl-ajru u l-protezzjoni ta' dejta fil-qasam tar-rekords bl-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) u r-reviżjoni tal-kontrolli ta' sigurtà fl-ajruporti li jinkludu l-użu ta' skanners ta' sigurtà;

19. Jilqa' u jsostni bil-qawwi r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex jawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għall-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-protezzjoni ta' dejta personali u jilqa' l-approċċ tal-Kummissjoni li tali qafas ta' ftehim japplika għall-ftehimiet kollha eżistenti u tal-futur li l-UE jew l-Istati Membri għandhom mal-Istati Uniti dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta personali, fil-qafas ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija;

20. Jikkundanna l-introduzzjoni ta' "promozzjoni biex tivvjaġġa" u miżati amministrattivi għall-għoti ta' Sistema Elettronika għall-Awtorizzazzjoni biex Tivvjaġġa (ESTA) lil ċittadini tal-UE li qegħdin jivvjaggjaw lejn l-Istati Uniti bħala pass kontra l-progress, li jirriżulta fl-introduzzjoni mill-ġdid tar-rekwiżit għal viża kif ukoll tal-esklużjoni tar-Rumanija, il-Polonja, il-Bulgarija u ċ-Ċipru mill-Programm għat-Tneħħija tal-Viżas li jwassal għal trattament diskriminatorju fost iċ-ċittadini tal-UE, u jitlob għal darba oħra lill-Kummissjoni biex tittratta l-kwestjoni bħala prijorità urġenti, li tinkludi l-għażla li l-istess trattament ikun reċiprokat;

21. Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti biex jadottaw approċċ komprensiv u bbilanċjat fir-rigward tal-migrazzjoni, li jinkludi t-tisħiħ tad-djalogu internazzjonali dwar il-migrazzjoni u ħidma għall-prevenzjoni tal-manifestazzjoni tar-razziżmu, il-ksenofobija, id-diskriminazzjoni u forom oħra ta' intolleranza; iħeġġeġ l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni li tindirizza d-diskriminazzjoni fl-impjieg, u l-ħidma mas-settur privat biex jadotta inizjattivi ta' prevenzjoni bħal programmi li jiffaċilitaw id-dħul ta' gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol u tiġġieled kontra prattiki diskriminatorji fuq il-post tax-xogħol;

22. Jemmen li soċjetà infurmata hija pilastru kruċjali taż-żona ekonomika trans-Atlantika bbażata fuq l-aċċess għall-għarfien u fuq il-protezzjoni tal-kontenut diġitali b'mod ibbilanċjat; jitlob li tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-innovazzjoni, il-kreattività u l-ICT biex tinbena kultura ta' negozju ġdida; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u jenfasizza l-importanza li jkunu faċilitati t-trasferiment tal-istudenti u r-rikonoxximent tal-kwalifiki;

23. Jesprimi tħassib dwar rivelazzjonijiet riċenti fir-rapport ta' Human Rights Watch 2010 li juri li kumpaniji multinazzjonali Ewropej iwettqu kampanji aggressivi biex iżommu ħaddiema fl-Istati Uniti milli jorganizzaw u jinnegozjaw, u b'dan il-mod imorru kontra l-istandards internazzjonali u, ta' spiss, kontra l-liġijiet tal-Istati Uniti dwar l-impjieg ; jitlob lill-UE u lill-Istati Uniti biex jikkooperaw flimkien u jiżguraw li kumpaniji Ewropej ikunu konformi ma' standards internazzjonali; isostni l-approvazzjoni tal-Att dwar l-Għażla Ħielsa tal-Impjegat bħala progress lejn tfassil aktar b'saħħtu tal-istandards u ta' normi ewlenin aktar b'saħħithom fil-konvenzjonijiet tal-ILO; iħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki u ta' informazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar leġiżlazzjoni parellela relatata mal-ġlieda kontra d-distakk fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa u bejn gruppi etniċi differenti;

L-istabbiltà finanzjarja u l-arbitraġġ regolatorju internazzjonali

24. Jirrikonoxxi l-adozzjoni min-naħa tal-Istati Uniti tal-pakkett komprensiv riċenti tiegħu għar-riforma finanzjarja, l-Att tal-Istati Uniti dwar ir-Riforma ta' Wall Street u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, bħala pass deċiżiv lejn regolament u superviżjoni aktar b'saħħithom fir-rigward tal-prodotti finanzjarji, tas-swieq u tal-atturi; isostni bil-qawwi l-isforzi li saru fl-Istati Uniti biex ikun implimentat fis-sod il-qafas il-ġdid u jitlob biex id-diversi organizzazzjonijiet regolatorji involuti (FDIC, CFTC, SEC, ir-Riżerva Federali, u l-FOI li għadu kif ġie stabbilit) jiżguraw konverġenza xierqa fl-Atlantiku sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati kwistjonijiet komuni attwali;

25. Jenfasizza l-importanza ta’ approċċ ikkoordinat għad-definizzjoni, ir-regolament u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji ‘li huma kbar wisq biex ifallu’ bejn il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u l-Kumitat għas-Sorveljanza Finanzjarja; ifakkar li minkejja d-differnezi fl-istruttura bejn s-swieq finanzjarji, il-qasam tal-finanzi huwa globalizzat sal-punt li dawk li jfasslu l-politika fix-xena dinjija ma jistgħux jinjorawh aktar; huwa tal-opinjoni li l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-UE u l-Istati Uniti f'dan il-qasam għandha tkun eżemplari;

26. Isostni għal darba oħra, l-impenn tal-G20 biex tiżdied il-kwalità u l-kwantità tal-kapital, biex jiġu introdotti standards tal-ġestjoni tal-likwidità, tiġi indirizzata l-proċikliċità u jitjiebu l-istandards prudenzjali globali bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintensifika d-djalogu trans-Atlantiku tagħha mal-Istati Uniti f’dak li għandu x’jaqsam mar-regolamentazzjoni finanzjarja;

27. Ifakkar li standard globali dwar l-applikazzjoni ta' rekwiżiti ta' kapital ta' livell u kwalità suffiċjenti, kif miftiehem mal-Kumitat ta' Basel, huwa essenzjali biex tkun evitata kriżi finanzjarja fil-futur; huwa preokkupat li limitazzjonijiet kwantitattivi u/jew applikazzjoni mhux universali f'ċerti ġurisdizzjonijiet jistgħu jkunu ta' ħsara għall-effikaċja ta' dan l-istandard globali;

28. Iħeġġeġ li ssir valutazzjoni ġenerali dwar l-impatt tar-regoli l-ġodda Basel III qabel ma jiġu implimentati, fir-rigward tal-effett potenzjali tagħhom fuq id-diversità fis-settur tas-servizzi bankarji u fuq il-finanzjament tal-SMEs, iżda wkoll b'rabta ma' rekwiżiti ta' kapital addizzjonali li jistgħu jintalbu minn istituzzjonijiet finanzjarji sistematiċi importanti (SIFIs);

29. Jinnota li r-riskju ta' arbitraġġ regolatorju huwa b'mod partikolari rilevanti wara diskussjonijiet attwali dwar tneħħija derivattiva OTC, ir-regolament tas-CRAs, fondi ta' investiment alternattivi, short selling (il-bejgħ ta' assi mislufa bil-ħsieb li jinxtraw l-istess tip ta' assi, aktar tard, biex jingħataw lura lis-sellief) CDS; jenfasizza li dawn l-inizjattivi regolatorji kollha ttieħdu biex jitnaqqas r-riskju sistematiku, biex tissaħħaħ l-istabbiltà u biex is-swieq finanzjarji jsiru aktar sikuri għall-investituri u jappellawlhom aktar u jekk dawn l-inizjattivi ma jkunux ikkoordinati se jkun hemm riskju, minn tal-inqas bejn l-UE u l-Istati Uniti;

30. Jitlob lid-Djalogu Regolatorju dwar is-Swieq Finanzjarji bejn l-UE u l-Istati Uniti, fir-rwol tiegħu li jikkoordina l-istrateġiji bejn r-regolaturi, biex jidentifika distakki u jaħdem biex titjieb il-konverġenza; jinnota l-assenza ta' kanali formali li permezz tagħhom jista' jsir djalogu kontinwu bejn dawk li jfasslu l-liġi fl-Ewropa u fl-Istati Uniti li jista' jwassal għal aktar armonizzazzjoni bejn l-approċċi regolatorji, b'mod partikolari fis-servizzi finanzjarji; jilqa' l-siforzi min-naħa ta' atturi mhux istituzzjonali biex jiżdied id-djalogu informali bejn dawk li jfasslu l-liġi u l-persunal tagħhom fl-Ewropa u fl-Istati Uniti; iħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-liġi biex jikkunsidraw l-implikazzjonijiet internazzjonali ta' azzjonijiet politiċi u l-impenji tal-G20 biex tiġi armonizzata l-politika meta dan huwa possibbli; jitlob għal strateġija konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-kontroll tax-xtut;

31. Jistieden liż-żewġ sħab biex imexxu flimkien l-isforzi multilaterali billi jagħtu bidu għal koordinazzjoni internazzjonali dwar il-politika ekonomika li tiżgura ħruġ mill-kriżi ordinat, kooperattiv u li jsaħħaħ b'mod reċiproku, u li tmur lil hinn minn dan l-għan fuq medda ta' żmien qasira sa medja, biex jinħoloq djalogu permanenti u ta' veru fost il-parteċipanti internazzjonali; jitlob għal ħruġ addattat mill-miżuri ta' rkupru li jiddependi fuq il-fażi ta' rkupru li kull sieħeb jinstab fiha, b'mod li ma jikkastigax il-partijiet l-aktar vulnerabbli tas-soċjetajiet tagħna u minflok taċċelera t-tkattir u l-ħolqien tal-impjiegi;

32. Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ responsabbli miż-żewġ sħab biex isostnu d-djalogu internazzjonali dwar il-bilanċ bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-valutazzjoni ġusta tal-muniti, li jevita imġiba " beggar thy neighbour " (politika fejn xi pajjiżi jistgħu jmorru minn taħt biex pajjiż ieħor jikseb xi benefiċċji) u konflitti dwar il-muniti;

Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku

33. Jenfasizza li sħubija trans-Atlantika aktar mill-qrib fil-kuntest tat-tlestija ta’ suq trans-Atlantiku sal-2015, li tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq soċjali, hija strument biex tissawwar il-globalizzazzjoni u biex jiġu ttrattati l-kriżijiet ekonomiċi u soċjali globali; jitlob għal impenn fl-livell għoli min-naħa taż-żewġ sħab fl-Isħubija għal Azzjoni dwar Innovazzjoni;

34. Itenni mill-ġdid it-talba tiegħu lill-mexxeja tal-UE u tal-Istati Uniti, kif ukoll lill-Kopresidenti tal-KET, biex iqisu l-irwol kruċjali tal-leġiżlaturi għas-suċċess tal-KET iħeġġiġhom biex jinvolvu lir-rappreżentanti tad-Djalogu tal-Leġiżlaturi trans-Atlantiċi (TLD) b’mod sħiħ u dirett fil-KET, peress li l-leġiżlaturi jaqsmu ir-responsabilità għall-applikazzjoni u s-sorveljanza ta’ ħafna deċiżjonijiet tat-KET mal-fergħat eżekuttivi rispettivi tagħhom;

35. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-KET jingħata pariri mingħand għadd ta’ persuni interessati, inklużi rappreżentanti tan-negozji, u jappella mill-ġdid li jingħata rwol simili lir-rappreżentanti tal-moviment tat-trejdjunjins fuq kull naħa tal-Atlantiku sabiex id-dimensjoni soċjali tiġi inkluża bis-sħiħ; jitlob li l-kapijiet tad-Djalogu Trans-Atlantiku dwar ix-Xogħol, u tad-Djalogu Trans-Atlantiku għall-Enerġija għall-ġejjieni jiġu inklużi fil-Grupp ta' Konsulenti;

36. Jitlob li l-aġenda tal-laqgħat tal-KET issir usa' u aktar starteġika sabiex tinkludi l-elementi ta' tħassib tal-partijiet interessati kollha; itenni s-sejħa tiegħu għal distribuzzjoni f'waqtha tal-iskedi tal-laqgħat, tal-aġendi, tal-pjanijiet dettaljati u tar-rapporti dwar il-progress tal-KET li għandhom ikunu disponibbli għall-partijiet interessati sewwa sew qabel ma jsiru l-laqgħat u li mbagħad għandhom isiru pubbliċi, sabiex tiżdied it-trasparenza;

37. Jemmen li Sħubija ta' Azzjoni dwar l-Innovazzjoni għandha tmur lil hinn minn rinfurzar IP u għandha tindirizza djalogu strateġiku dwar il-politika tal-kompetizzjoni, l-istandards miftuħa, it-trasferiment tat-teknoloġija u l-konverġenza tal-istandards;

38. Jemmen li ftehim bħal ACTA ma għandux jaffettwa d-dritt għall-privatezza, għal-libertà tal-kelma jew id-dritt għal proċess xieraq; jikkunsidra li l-KET jista' jkollu rwol fit-titjib tal-protezzjoni għal privatezza tal-konsumatur, speċjalment f'dak relatat ma' cloud computing (proċessar ta' dejta fuq l-internet), e-health (prattika għall-kura tas-saħħa permezz ta' proċessi elettroniċi) u smart grid (distribuzzjoni tal-elettriku permezz tat-teknoloġija diġitali)

Kwistjonijiet settorjali

39. Jinnota li l-UE u l-Istati Uniti, bħala l-akbar produtturi, esportaturi u importaturi ta' prodotti agrikoli fid-dinja, jaffaċċjaw sfidi simili u għandhom ir-rwol importanti li jiżguraw is-sigurtà tal-ikel fid-dinja; jemmen li huwa ta' benefiċċju jekk ikun hemm skambju u koordinament dwar il-Politika ta' Agrikoltura Komuni u l-Farm Bill tal-Istati Uniti, tal-futur; jitlob għal aktar kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kungress tal-Istati Uniti dwar il-proċess ta' riforma parallel tal-politiki dwar l-agrikoltura rispettivi tagħhom;

40. Jemmen li kwistjonijiet li qeghħin jagħmlu pressjoni, bħat-tnaqqis tal-ispekulazzjoni fuq swieq tal-prodotti tal-konsumatur, li wasslet għal volatilità esaġerata fil-prezzijiet tal-ikel, jistgħu jiġu indizzati aħjar permezz ta' djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti; ifakkar f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jkun evitat l-arbitraġġ regolatorju ta' spekulaturi, li ma għandux ikollhom l-opportunità li joqogħdu jiffittaw bejn diversi sistemi regolatorji u jkomplu joħolqu instabbiltà permezz ta' movimenti spekulattivi kbar fis-swieq tal-kumditajiet; jilqa' leġiżlazzjoni riċenti miż-żewġ naħat immirata biex toħloq aktar trasparenza u biex trażżan imġiba ta' spekulazzjoni;

41. Jinnota l-iżviluppi li saru dan l-aħħar dwar kwistjonijiet sensittivi, bħal ċanga mmodifkata permezz ta' ormoni, tiġieġ li fih il-klorur, u l-awtorizzazzjoni ta' xi prodotti MĠ; huwa fiduċjuż li permezz ta' djalogu kontinwu u bikri, il-kwistjonijiet li jolqtu l-kummerċ reċiproku fil-prodotti agrikoli jistgħu jiġu trattati b'mod effikaċi, qabel ma jaslu quddiem l-entitajiet għas-soluzzjoni tat-tilwim fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);

42. Juri dispjaċir għall-ħruġ tal-Istati Uniti mill-Ftehim tal-1992 li kien jirregola s-sostenn tal-gvern għal ajruplani ċivili kbar u għat-tilwima li damet għaddejja żmien bejn Airbus-Boeing u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); huwa konvint li soluzzjoni li hija aċċettata b'mod reċiproku tista' tinstab permezz ta' kooperazzjoni billi jinżamm l-ispirtu ta' sħubija trans-Atlantika bejn l-UE u l-Istati Uniti;

43. Jieħu nota tal-elementi ta' tħassib ta' sigurtà min-naħa tal-Istati Uniti dwar il-katini ta' provvediment u huwa impenjat bis-sħiħ li jimplimenta miżuri li jsaħħu s-sigurtà bi qbil mal-istandards internazzjonali miftiehma; itenni f'dan ir-rigward li l-introduzzjoni unilaterali tar-rekwiżit ta' skanning 100% fir-rigward ta' merkanzija marittima esportata lejn l-Istati Uniti, li għandu jiġi introdott sal-1 ta' Lulju 2012, ma jissodisfax dan ir-rekwiżit; għalhekk jitlob lill-Istati Uniti u lill-UE biex jiżviluppaw approċċ dwar il-ġestjoni tar-riskju fuq diversi saffi li jinkludi rikonoxximent reċiproku tal-programmi ta' sħubija ta' kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti;

44. Jitlob għal kooperazzjoni mrawma fuq kull kwistjoni li taffettwa l-ambjent regolatorju tal-industriji fl-UE u fl-Istati Uniti; jitlob lill-KET biex jieħu eżempju mill-approċċ tal-"Att dwar in-Nogozji Żgħar" tal-UE, li jfisser li fil-bidu wieħed għandu jaħseb fiż-żgħir, meta titqies leġiżlazzjoni b'impatt trans-Atlantiku, sabiex jiġu appoġġjati l-attivitajiet tal-SMEs;

45. Iħeġġeġ kooperazzjoni aktar fil-fond fil-qasam tal-enerġija bl-għan li ssir ħidma lejn Strateġija tal-Enerġija Komuni, li ssostni d-diversifikazzjoni tal-għejun ta' enerġija kif ukoll tforni rotot u tippromwovi ekonomija ekoeffiċjenti, sabiex tiżdied is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; iħeġġeġ lill-KET biex jaħdem b'mod konġunt lejn konverġenza massima fl-implimentazzjoni ta' kriterji sostenibbli fir-rigward tal-bijofjuwils;

46. Jenfasizza li l-materja prima, u b'mod partikulari l-aċċess għall-materja prima kritika, hija essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli u l-avvanz teknoloġiku tal-ekonomiji tal-Istati Uniti u tal-UE; jappella li tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-UE fil-kamp tal-ġenerazzjoni u tal-iskambju ta’ informazzjoni, kif ukoll tar-riċerka u l-iżvilupp dwar l-estrazzjoni, l-ipproċessar, l-użu, l-irkupru, ir-riċiklaġġ u s-sostituzzjoni ta’ materja prima li għandha kritikalità reċiprokament rikonoxxuta, b’mod partikulari l-elementi rari; jitlob liċ-Ċina biex ma tistabbilixxix miżuri unilaterali bħall-embargos fuq l-esportazzjoni tal-minerali minn elementi rari;

47. Jenfasizza l-potenzjal importanti tal-gass tax-shale fl-Ewropa u l-Istati Uniti bħala sors indiġenu ta' enerġija, waqt li l-Istati Uniti diġà hi ħafna aktar avvanzata fir-rigward tal-isfruttament tiegħu; jissuġġerixxi li dan is-suġġett jiġi indirizzat fil-Kunsill tal-Enerġija UE-Stati Uniti bl-għan li jinsiltu tagħlimiet mill-esperjenza tal-Istati Uniti fir-rigward tas-sigurtà ambjentali tiegħu u l-ħtieġa li l-qafas regolatorju jiġi adattat biex isir progress fuq l-isfruttament tiegħu li ma jkunx ta' periklu għall-ambjent;

48. Jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku jaħdem lejn ftehim internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima fil-Konferenza ta' Cancún f'Diċembru, li għandha tiffoka fuq l-iffinanzjar, it-trasferiment tat-teknoloġija, id-deforestazzjoni, l-adattament u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-Monitoraġġ, ir-Rappurtar u l-Verifika, kif ukoll tagħti spinta biex jintlaħaq l-objettiv aħħari ta' impenji globali vinkolanti biex is-CO2 jitnaqqas b'mod konformi mal-objetti ta' 2°C; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi salvagwardji tal-bijodiversità fil-politiki dwar il-klima, u għalhekk jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku jgħaqqad l-isforzi tiegħu biex isaħħaħ is-sinerġiji u r-rabtiet bejn il-politiki dwar il-bijodiversità u dwar il-klima; jinkoraġġixxi f'dan il-kuntest lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku jikkoopera fuq miżuri għall-konservazzjoni tal-enerġija li jittieħdu biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni regolatorja aktar mill-qrib fil-qasam tal-istandards tal-effiċjenza tal-enerġija għall-prodotti speċjalment permezz tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku;

49. Jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku jieħu nota tal-opinjoni tal-PE li ġiet adottata b'maġġoranza kbira f'Lulju 2010, li tiddikjara li l-ikel mill-annimali klonati u d-dixxendenti tagħhom m'għandux jiġi regolat taħt ir-Regolament dwar l-Ikel Ġdid, u li għandu jiġi pprojbit sa meta l-Kummissjoni tkun tista' tagħmel proposta li tqis l-impatt etiku u l-impatt fuq is-sikurezza ta' dan l-ikel, kif ukoll l-implikazzjonijiet għall-benessri tal-annimali ta' dan it-tip ta' teknoloġija;

50. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti jilħqu ftehim dwar il-qsim ta' informazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti; jittama li tittejjeb il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi dwar l-istandards regolatorji u ta' manifattura u l-infurzar tagħhom;

51. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-President u lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika.