MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku
3.11.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Helmut Scholz, Rui Tavares, Takis Hadjigeorgiou, Kyriacos Triantaphyllides, Patrick Le Hyaric f'isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑0610/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-bidu tas-seklu 21 esperjenza bidla lejn dinja multipolari li għandha bżonn ġestjoni kollettiva ta' problemi komuni f'livell internazzjonali, billi kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti jeħtieġu jadattaw ruħhom għal din is-sitwazzjoni billi jieħdu approċċ kooperattiv fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom,
B. billi jippersistu l-kunflitti u d-differenzi internazzjonali l-kbar fir-relazzjonijiet transatlaniċi, bħal:
- il-gwerra fl-Afganistan għadha tikkawża eluf ta' mwiet ċivili u destabbilizzazzjoni diżastruża tal-pajjiż u tar-reġjuni kollu kemm hu, billi l-ebda problema tal-pajjiż ma ssolviet permezz tal-politika predominantement militari tal-alleanza tan-NATO,
- sar biss progress limitat fit-tkomplija tal-proċess tal-kontroll tal-armi nukleari u tad-diżarm kif ukoll staġnar kostanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kwisjonijiet ta' diżarm l-oħra kollha,
- l-amministrazzjoni l-ġdida ma neħħietx is-sanzjonijiet kontra Kuba,
- id-deterjorament tar-relazzjonijiet mal-Iran jpoġġi fil-periklu l-paċi u jikkomplika ulterjorment is-soluzzjoni tal-kriżi dejjiema fir-reġjun tal-Lvant Nofsani,
- l-istrateġija tal-Istati Uniti biex tiġġieled kontra t-terroriżmu użat strumenti penetranti għall-monitoraġġ ta' data sensittiva relatata ma' ċittadini Ewropej, billi dawn l-azzjonijiet jikkompromettu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej,
- il-piena tal-mewt għadha teżisti fi 38 stat tal-Istati Uniti tal-Amerika u fil-livell federali,
C. billi r-relazzjonijiet transatlantiċi jibqgħu fattur importanti fil-politika internazzjonali, billi l-UE u l-Istati Uniti għandhom rwol importanti x'jiżvolġu biex isolvu l-kunflitti internazzjonali, partikolarment fil-Lvant Nofsani, l-Afganistan u l-Iraq kif ukoll jegħlbu l-faqar u jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima,
D. billi l-ekonomiji tal-UE u tal-Istati Uniti flimkien jirrappreżenta madwar nofs l-ekonomija tad-dinja kollha u billi ż-żewġ ekonomiji għaldaqstant għandhom responsabilità speċjali biex isolvu l-kriżi ekonomika u alimentari attwali, jikkumbattu l-volatilità u l-ispekulazzjoni u għalhekk jistabbilixxu regoli ġodda,
E. billi jeżisti staġnar fir-relazzjonijiet transatlantiċi b'differenzi li kulma jmur qegħdin jikbru fl-opinjoni dwar il-mod kif għandhom jissolvew il-problemi fil-politika internazzjonali dwar il-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-protezzjoni tad-data, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u kwistjonijiet oħra, billi d-djalogu parlamentari u relazzjonijiet imsaħħa tas-soċjetà ċivili jistgħu jikkontribwixxu għal fehim reċiproku, biex jingħelbu d-differenzi u jinstabu soluzzjonijiet reċiprokament aċċettabbli li jissodisfaw l-interessi tal-paritjiet kollha kkonċernati,
1. Jappella għal bidu kunċettwali ġdid fir-relazzjonijiet transatlantiċi fid-direzzjoni li ġejja:
(a) ikun hemm dibattitu dwar soluzzjonijiet sostenibbli biex jintemmu s-sitwazzjonijiet ta' kriżi fid-dinja li jissostitwixxu l-kunċetti ta' superpotenza militari;
(b) tiġi ttrattata l-ħtieġa urġenti ta' riforma politika radikali biex jiġu indirizzati l-kawżi sistemiċi tal-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji u sabiex jittieħdu, immedjatament, passi sodi lejn regoli għal 'ordni ekonomiku ġdid',
(c) sabiex jinsisti li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax titwettaq bi ksur tad-dritt internazzjonali u a skapitu tal-valuri bażiċi u komuni stabbiliti, bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt u l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra rilevanti;
(d) ikun hemm diskussjoni mas-sħab tal-Istati Uniti dwar il-mod kif jinqiegħed fil-prattika l-impenn taż-żewġ naħat fir-rigward tal-multilateraliżmu u b'mod partikolari l-kooperazzjoni internazzjonali fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti;
2. Huwa tal-fehma li, għal dan il-għan, tista' tkun neċessarja l-intensifikazzjoni tad-djalogu politiku parlamentari bejn l-UE u l-Istati Uniti; jinsisti li dan id-djalogu jsir aktar miftuħ u trasparenti; jistieden lill-UE u lill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti kif ukoll lill-parlamenti jagħtu aktar attenzjoni lir-relazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jiffukaw inqas fuq id-djalogu kummerċjali;
3. Jesprimi l-preokkupazzjoni profonda tiegħu dwar l-iżbilanċi fid-djalogu leġiżlattiv mal-Istati Uniti u l-impatt tagħhom fuq il-leġiżlazzjoni Ewropea; jemmen li l-ħidma fil-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (TEC) għandha tkun trasparenti u b'responsabilità diretta;
Kwistjonijiet internazzjonali
4. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu valutati b'mod onest kemm l-istrateġija militari attwali kif ukoll l-istrateġija għar-rikostruzzjoni ċivili fl-Afganistan; jasal għall-konklużjoni li jeħtieġ li jkun hemm ċaqliq kbir fl-istrateġija għaliex il-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp jistgħu jiddominaw biss jekk jieqaf l-ispirall tal-vjolenza, jekk is-soluzzjoni militari li qed tiddomina tiġi sostitwita minn sforzi ta' rikostruzzjoni ċivili msaħħa u jekk, bħala riżultat, il-poplu Afgan jerġa' jikseb il-fiduċja; jitlob l-irtirar tat-truppi tan-NATO mill-pajjiż;
5. Jinnota li, minkejja l-isforzi ġodda tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti, il-proċess tal-Lvant Nofsani huma mblukkat; jinsisti li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet tas-sħab transatlantiċi mal-Iżrael se jkunu bbażati sew fuq il-kundizzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, tat-tmiem tal-kriżi f'Gaża u t-Territorji Okkupati Palestinjani u tal-impenji reali rigward soluzzjoni komprensiva ta' paċi;
6. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-destin u s-sikurezza tal-1.5 miljun Palestinjan maqbuda f'Gaża mingħajr ebda possibilità li jitilqu mill-Istrixxa; jistieden lis-sħab transatlantiċi jinsistu fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Iżreali u lill-awtoritajiet Iżraeljani jneħħu l-imblokk; jistieden lis-sħab transatlantiċi jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex iwaqqfu t-traġedja twila ta' iktar minn 4.3 miljun rifuġjat Palestinjan irreġistrat man-NU f'konformità mar-riżoluzzjoni tan-NU nru 194;
7. Jappella għal approċċ ġdid lejn l-Iran billi l-politika tas-sanzjonijiet u ta' iżolament ta' dan il-pajjiż falliet; jitlob li jitkomplew in-negozjati mal-Iran biex tinstab soluzzjoni negozjata komprensiva u ekwa għall-kwistjoni nukleari Iranjana fuq il-bażi tar-rikonoxximent tad-dritt tal-Iran għal attivitajiet nukleari paċifiċi u tal-assigurazzjonijiet verifikabbli mill-Iran dwar in-natura paċifika tal-programm nukleari tiegħu; jinsab konvint sew li d-djalogu u d-diplomazija jistgħu jwasslu għal soluzzjoni realistika u fuq perjodu ta' żmien twil għall-kwistjoni Iranjana, f'qafas multilaterali taħt is-superviżjoni tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) ta' Vjenna;
8. Jappoġġa bil-qawwa l-istqarrija fid-dikjarazzjoni finali tas-Samit UE-Amerika Latina li sar f'Madrid f'Mejju 2010, li fiha l-mexxejja Ewropej u Latino-Amerikani ma laqgħux b'mod sod il-miżuri ta' koerċizzjoni kollha ta' natura unilaterali b'effett ekstraterritorjali bħala kuntrarji għad-dritt internazzjonali u r-regoli komunement aċċettati ta' kummerċ ħieles u qablu li dan it-tip ta' prattika toħoloq theddid gravi għall-multilateraliżmu; ifakkar li l-embargo fuq il-kummerċ kontra Kuba, ibbażat fuq il-liġijiet ekstraterritorjali 'Helms-Burton', ġie kundannat b'mod kontinwu mill-Assemblea Ġenerali tan-NU; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jqajmu l-kwistjoni matul is-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti u biex jaħdmu għat-tħassir ta' dawk id-dispożizzjonijiet, jekk ikun il-każ jaffrontaw lill-Istati Uniti fid-WTO;
9. Ifakkar lill-partijiet kkonċernati kollga li l-problema Ċiprijotta hija problema internazzjonali u għandha tissolva abbażi tar-Riżoluzzjonijiet tan-NU u tad-Dritt Internazzjonali, b'hekk tiġi żgurata r-riunifikazzjoni tal-gżira fuq il-bażi ta' federazzjoni biżonali u bikomunitarja, demilitarizzata bl-ebda garanti u interventi, pont ta' paċi fir-reġjun tal-Mediterran tal-Lvant;
10. Jilqa' favorevolment l-approċċ il-ġdid tal-President Obama lejn diżarm nukleari u l-iffirmar tat-Trattat START il-ġdid f'April 2010; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex ifittxu li jiżguraw it-tkomplija tal-kontroll innegozjat tal-armi u d-diżarm fuq livell multilaterali fi ħdan is-sistema tan-NU; itenni l-appell tiegħu sabiex l-Istati Uniti:
- ma jorbtux id-diżarm nukleari mal-proġett bla bżonn tal-Stati Uniti/NATO ta' difiża missilistika għall-Ewropa
- ma jikkompensawx il-miżuri ta' diżarm nukleari b'armi konvenzjonali,
- iwaqqfu l-iżvilupp ta' ġenerazzjonijiet ġodda ta' armi nukleari għall-użu f'battalji;
- tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni tat-Testijiet Nukleari;
- jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Ottawa dwar il-projbizzjoni tal-użu, il-kumulazzjoni, il-produzzjoni u t-trasferiment ta' mini kontra l-persunal u fuq id-distruzzjoni tagħhom;
- jirratifikaw l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-tip Cluster,
- jieqfu tirreżisti l-Protokoll dwar il-Konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Armi Tossiċi u Bijoloġiċi;
- jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-reġim tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni (NPT) billi jiġu implimentati rigorożament l-obbligi kollha tal-NPT, partikolarment l-Artikolu 2 tiegħu;
- jagħtu spinta ġdida rigward l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u t-tisħiħ tal-organizzazzjoni tagħha;
Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali
11. Jesprimi t-tħassib gravi tiegħu dwar il-ksur tal-protezzjoni tad-data ta' ċittadini Ewropej minn ftehimiet internazzjonali konklużi mal-Istati Uniti; itenni r-rifjut tiegħu tal-iskambju ta' ammonti kbar ta' data f'daqqa mal-Istati Uniti u mal-pajjiżi terzi kollha inġenerali fl-hekk imsejħa ġlieda kontra t-terroriżmu;
12. Jenfasizza l-importanza tan-negozjati imminenti għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-protezzjoni ta' data personali;
13. Jenfasizza li t-tali ftehim ta' qafas mal-Istati Uniti għandu jservi bħala ftehim ta' standards minimi applikabbli għall-ftehimiet kollha tal-futur u, wara perjodu ta' tranżizzjoni predeterminat, għal dawk kollha eżistenti fil-qasam tat-trasferiment u pproċessar ta' data bejn l-UE jew l-Istati Membri u l-Istati Uniti għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, u għandu jkun konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mad-Direttiva 95/46/KE;
14. Jenfasizza l-bżonn li jkun totalment informat dwar l-iżviluppi kollha fil-qasam tal-iskambju internazzjonali tad-data; iħeġġeġ għaldaqstant lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiċċaraw bis-sħiħ il-qagħda attwali fir-rigward tal-ftehimiet u tal-Memoranda ta' Ftehim bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti dwar l-iskambju ta' data dwar l-infurzar tal-liġi u dwar il-parteċipazzjoni fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża tal-Istati Uniti, kif ukoll il-Programm ta' Kontroll Uniku ta' Sigurtà (One-Stop Security);
15. Jinsab maħsud bir-rivelazzjonijiet dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem matul il-gwerra fl-Iraq ippubblikati minn Wikileaks; jistieden lill-Istati Uniti jressqu lil dawk responsabbli mir-reati quddiem il-ġustizzja;
16. Jappella għal investigazzjoni internazzjonali taħt l-awspiċji tan-NU tar-reati kollha kommessi matul il-gwerra fl-Iraq; jistieden lill-Istati Membri tan-NATO jirtiraw immedjatament it-truppi tagħhom mill-Iraq;
17. Itenni l-appell ripetut tal-Unjoni Ewropea lejn dawk il-pajjiżi li mhumiex partijiet biex jikkunsidraw il-possibilità ta' ratifika tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) jew ta' adeżjoni miegħu, skont kif japplika;
18. Jiddispjaċih li l-President Obama ma żammx kelmtu biex jagħlaq ċ-ċentru ta' detenzjoni ta' Guantánamo fi tmiem l-2009 u jinsisti fuq l-għeluq immedjat tiegħu; jistieden lill-Istati Uniti jabbandunaw il-kummissjonijiet militari u jipproċessaw lil dawk id-detenuti ta' Guantánamo li bisħiebhom iħarrku f'qorti federali ċivili ordinarja, f'konformità mal-istandards internazzjonali ta' proċess ġust; jinsisti li d-detenuti li mhumiex bisħiebhom iħarrku jiġu liberati minnufih; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jappoġġaw id-deċiżjoni tal-President Obama billi jikkonċedu asil għall-ex detenuti ta' Guantánamo;
19. Jistieden lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex twaqqaf kull prattika ta' arresti u konsenji straordinarji; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jindirizzaw, waqt il-konsultazzjonijiet tagħhom mal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti, is-sitwazzjoni li hemm fiċ-ċentri ta' detenzjoni fl-Afganistan (Bagram) amministrati mill-Istati Uniti, u biex jinsistu sabiex dawn jingħalqu;
20. Jitlob għal darb'oħra li l-Istati Uniti tabolixxi l-piena tal-mewt fil-livelli federali u statali;
Kwistjonijiet ekonomiċi
21. Itenni li la Sħubija Ekonomika Transatlantika ġdida u lanqas żona ta' kummerċ ħieles mal-Istati Uniti ma jistgħu jkunu objettiv għall-UE fir-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Uniti; huwa tal-fehma li l-UE u l-Istati Membri jeħtieġu jżommu l-politiki soċjali tagħhom dawk fi kwistjonijiet bħas-saħħa pubblika u l-ambjent, u jsaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi tagħhom ma' reġjuni oħra tad-dinja;
22. Iqis li l-Istati Uniti u l-UE, inkwantu r-reġjuni bl-aktar ċentri finanzarji importanti tad-dinja, għandhom bżonn approċċ responsabbli biex jittrattaw il-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi; jisħaq fuq il-bżonn urġenti li r-regolaturi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku jingħataw setgħat akbar biex jiġġestixxu l-falliment tal-istituzzjonijiet finanzjarja, jiggarantixxu li l-azzjonijiet u l-kredituri tal-banke - u mhux il-kontribwenti - iħallsu l-ispejjeż tal-fallimenti tal-banek;
23. Huwa tal-fehma li s-settur finanzjarju għandu jerġa' jmur lura għall-funjoni inizjali tiegħu u jopera l-ewwel u qabel kollow fl-interess pubbliku, jaċċetta redditi iktar baxxi u sistemi ta' ħlas ta' bonus maħsuba biex jiġu evitati r-riskji u b'objettivi fit-tul minflok bi profitti fuq terminu ta' żmien qasir; jirrimarka li l-industrija finanzjarja fil-pajjiżi industrijalizzati u speċjalment fl-Istati Uniti u fi wħud mill-Istati Membri tal-UE hi kbira wisq għall-ġid tas-soċjetajiet u għandha tiċċekken għal daqs aktar benefiku;
24. Iqis li l-istrutturi ta' regolamentazzjoni eżistenti qabel l-kriżi ekonomika u monetarja fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Uniti kienu jonqsu mill-koerenza u kienu prinċipalment ibbażati fuq analiżijiet makroekonomiċi sparpaljati u li, fl-assenza ta' koerenza ta' dawn l-istrutturi ta' regolamentazzjoni fuq livell globali, l-istati aġixxew fuq bażi individwali; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti jenfasizzaw l-importanza ta' sistema ta' sorveljanza u regolamentazzjoni biex, fost affarijiet oħra, ir-reġistrazzjoni tat-transazzjonijiet issir obbligatorja; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jippromwovu l-introduzzjoni ta' Imposta fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji;
25. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti jieħdu l-passi neċessarji biex irażżnu l-gwerra tal-valuti li għaddejja bħalissa; huwa tal-fehma li din "tellieqa sal-qiegħ" fl-Asja ġiet ikkawżata mill-politika monetarja laxka tal-Istati Uniti li qiegħda tiżvaluta d-dollaru Amerikan kontra l-euro u l-valuti l-kbar l-oħra kollha; josserva li l-ekonomija tal-UE aktarx tibqa' l-vittma ewlenija tal-gwerra tal-valuti;
26. Jisħaq fuq il-fatt li l-iżbilanċi ekonomiċi globali li ttaffew temporanjament mill-kriżi finanzjarja qed jerġgħu jitfaċċjaw u qed jheddu l-irkupru ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi; huwa tal-fehma li hemm bżonn li l-bilanċi favorevoli kbar fl-esportazzjoni jkunu bbażati fuq aktar domanda interna;
27. Jikkunsidra li, meta wieħed iqis l-intensifikazzjoni tal-iskambji kummerċjali, l-UE għandha tiżgura li ma jkunx hemm dumping soċjali, minħabba l-livell baxx ta' drittijiet soċjali fl-Istati Uniti u l-qagħda diżastruża tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali tagħha, pereżempju;
28. Jikkunsidra li l-konsolidament tar-rabtiet kummerċjali mal-Istati Uniti, bħal ma jiġri għal kwalunkwe pajjiż terz, għandhom ikunu kkundizzjonati mir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, ir-rispett għal proċessi ġusti għall-priġunieri, il-projbizzjoni ta' kull forma ta' tortura, ir-ratifika tal-Konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin u r-rispett għalihom;
29. Jinnota l-impenn b'saħħtu tal-Kummissjoni Ewropea biex tkompli teżamina l-kwistjonijiet ta' Miżuri Mhux Tariffarji fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti; jindika li, skont l-istudju tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Miżuri Mhux Tariffarji fil-Kummerċ u l-Investiment UE-Stati Uniti, l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tal-Miżuri Mhux Tariffarji jiġġeneraw aktar dħul għall-UE; jinsisti bil-qawwa li, meta jiġu ttrattati l-kwistjonijiet ta' regolamentazzjoni relatati mal-Miżuri Mhux Tariffarji, dan ma jkunx a skapitu tal-protezzjoni tal-konsumatur fl-oqsma tas-saħħa, il-finanzi, il-kwalità tal-ħajja u l-ħarsien tal-ambjent;
30. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiddiskutu mas-sħab transatlantiċi tagħhom dwar kif jista' jsir progress dwar il-kwistjoni tal-aċċess għall-mediċini tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jitlobhom jopponu bil-qawwa l-inizjattiva tal-Istati Uniti li tinkludi klawżoli fil-ftehimiet bilaterali kollha nnegozjati mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fejn dawn il-pajjiżi jirrinunzjaw għall-użu tad-dispożizzjoni tal-Ftehim ta' Doha fit-TRIPS li tippermettilhom jipproduċu jew jimportaw mediċini ġeneriċi meħtieġa biex jaffrontaw problemi pubbliċi kbar ta' saħħa (AIDS, tuberkolożi, eċċ.);
31. Jikkunsidra li, peress li s-segretarjat tad-WTO fil-laqgħa tiegħu tad-29 ta' Settembru 2010, reġa' enfasizza l-effett negattiv tal-"Farm Bill 2008" tal-Istati Uniti għall-produtturi minn pajjiżi terzi, din il-kwistjoni għandha titqajjem min-naħa tal-UE waqt is-Samit UE-Stati Uniti.
32. Jikkunsidra li d-dritt għall-ikel u l-ambjent sikuri huwa l-bażi ta' diversi kunflitti kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, bħal ma huma dawk dwar il-laħam trattat bl-ormoni u l-prodotti b'organiżmi ġenetikament modifikati, u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jaġixxu b'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE u jiddefenduha;
Tibdil fil-klima
33. Huwa tal-fehma li t-tibdil fil-klima, il-produzzjoni tal-enerġija alternattiva u l-effiċjenza tal-enerġija għandhom isiru prijoritajiet fuq l-aġenda tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku; iħeġġeġ f'dan il-kuntest lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku jikkoopera fuq miżuri għall-konservazzjoni tal-enerġija li jittieħdu biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima; jappella għal kooperazzjoni regolatorja aktar mill-qrib fil-qasam tal-istandards tal-effiċjenza tal-enerġija għall-prodotti;
34. Jistieden lill-Istati Uniti u lill-UE, bħal ma jistieden lis-sħab internazzjonali kollha, biex fil-Konferenza ta' Cancún dwar it-Tibdil fil-Klima, joħorġu b'impenji aktar ambizzjużi favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet li jkunu bbażati fuq il-prinċipju "responsabilità komuni iżda differenzjata", sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-objettiv ta' 2°C u biex ma jqisux prematurament li limitu fit-temperatura ta' 1.5°C ikollu probabilità għolja li tiġi ssalvagwardata s-sopravivenza tan-nazzjonijiet, tal-popli u tal-ekosistemi kollha;
35. Huwa tal-fehma li ftehim internazzjonali għandu jiżgura li tnaqqis kollettiv tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra fil-pajjiżi żviluppati fil-parti l-għolja tal-firxa ta' bejn il-25 u l-40 % għall-2020 tal-Grupp ta' Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima meta mqabbla mal-livelli tal-1990, peress li d-data xjentifika reċenti tindika li, bi probabilità ta' 50% biss, biex jintlaħaq il-limitu ta' temperatura ta' 2°C, hemm bżonn ta' tnaqqis ta' mill-inqas 40% fl-emissjonijiet; jinsisti li dan it-tnaqqis għandu jkun nazzjonali, meta wieħed iqis li objettiv ta' tnaqqis fit-tul xieraq ta' mill-inqas 80-95 % sal-2050 għandu jiġi stabbilit għall-UE, l-Istati Uniti u l-pajjiżi żviluppati l-oħra, meta mqabbel mal-livelli tal-1990;
36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-President u lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika.