Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0617/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0617/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni (ACTA)

16.11.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Carl Schlyter, Eva Lichtenberger, Sandrine Bélier, Malika Benarab‑Attou, Judith Sargentini, Franziska Keller, Jan Philip Albrecht, Michail Tremopoulos, Christian Engström, Margrete Auken f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0617/2010

Proċedura : 2010/2935(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0617/2010
Testi mressqa :
B7-0617/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0617/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni (ACTA)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Test Konsolidat tal-Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-15 ta' Novembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija għal implimentazzjoni effikaċi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali min-naħa tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-ACTA,

–   wara li kkunsidra d-Dikajrazzjoni bil-Miktub 0012/2010 dwar in-nuqqas ta' proċess trasparenti għall-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA),

–   wara li kkunsidra d-Dibattitu fil-plenarja tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew dwar l-ilment 90/2009/(JD)OV dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-ACTA,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Ministru Svediż tal-Ġustizzja dwar l-ACTA tal-21 ta' Ottubru 2010,

–   wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar in-negozjati attwali mmexxija mill-Unjoni Ewropea dwar il-Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-ittra tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data lill-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku, id-Direttiva 2001/29/KE dwar is-soċjetà tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa,

–   wara li kkunsidra r-rapport dwar ir-Riformulazzjoni tad-drittijiet kreattivi fl-era tal-Internet tal-Kumitat għall-Kultura, ix-Xjenza u l-Edukazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (Dok. 12101 tas-7 ta' Jannar 2010),

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-reviżjoni tal-ftehim ta' qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali "Regolamentazzjoni Aħjar" bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (2003/C 321/01),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPS),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar it-TRIPS u s-Saħħa Pubblika, adottata fl-14 ta' Novembru 2001 mid-WTO,

–   wara li kkunsidra l-kontroversja tad-WTO DS409, Unjoni Ewropea u Stat Membru – Qbid ta' Mediċini Ġeneriċi fi Transitu,

–   wara li kkunsidra l-kontroverjsa tad-WTO DS362, Ċina – Miżuri relatati mal-Protezzjoni u l-Infurzar tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali,

–   wara li kkunsidra l-interventi tal-membri tad-WTO dwar l-ACTA fil-Kunsill TRIPS tad-WTO tas-26-27 ta' Ottubru 2010,

–   wara li kkunsidra l-aħbar tad-WTO tal-Kunsill TRIPS tat-8-9 ta' Ġunju 2010;

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar id-Dritt tat-Trattati konkluża fi Vjenna fit-23 ta' Mejju 1969,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi n-negozjaturi ACTA enfasizzaw li l-infurzar effikaċi tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali hija fattur essenzjali għas-sostenn tat-tkabbir ekonomiku fis-setturi industrijali kollha u fuq skala dinjija; billi n-negozjaturi ACTA għamlu pubbliku t-test definittiv fil-biċċa l-kbira tiegħu tas-6 ta' Ottubru u sussegwentement l-Kummissjoni informat b'dan lill-Parlament u lill-Kumitat kompetenti; billi l-pakkett finali bis-soluzzjoni tar-riservi ta' wara Tokjo fit-test tal-ACTA fi tmiem ir-rawnd ta' Tokjo ġie aċċettat mill-partijiet li fadal u għalhekk it-test sar pubbliku fil-15 ta' Novembru 2010,

B.  billi l-Kummissjoni bosta drabi affermat l-importanza li tiġi infurzata l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ); billi l-partijiet qablu li l-ACTA se jipprevedi l-infurzar tal-IĠ fit-taqsimiet ġenerali kif ukoll fit-taqsimiet ċivili, doganali u diġitali,

C.  billi l-Kummissjoni għamlet riferiment għad-deċiżjoni tal-Ombudsman biex tiġġustifika l-fatt li l-ACTA huwa nnegozjat bħala ftehim kummerċjali u mhux bħala trattat ta' infurzar; billi l-Ombudsman qabel "li l-konklużjoni tal-ACTA tista' tabilħaqq teħtieġ lill-UE tipproponi u tadotta leġiżlazzjoni. F'dan il-każ, l-ACTA jkun jikkostitwixxi l-unika u l-akbar kunsiderazzjoni li fuqu tissejjes din il-leġiżlazzjoni, u ċ-ċittadini jkollhom interess ċar li jkunu informati dwar l-ACTA"; billi xi gvernijiet iqisu li l-ACTA jkun jeħtieġ modifiki tal-leġiżlazzjoni nazzjonali biex iżidu s-setgħat tal-pulizija biex taġixxi fuq inizjattiva tagħha biex tinforza d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali,

D.  billi l-Arranġamenti Istituzzjonali fl-ACTA jikkonferixxu lill-Kumitat ACTA l-awtorità fil-qasam, fost oħrajn, tal-implimentazzjoni u tal-funzjonament tal-Ftehim, l-emendar tal-Ftehim, il-parteċipazzjoni mhux governattiva u d-deċiżjonijiet fir-rigward tar-regoli u l-proċeduri tal-Kumitat; billi l-Artikolu 21 TUE jipprevedi li l-Unjoni tfittex li tippromwovi d-demokrazija,

E.  billi l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar id-Dritt tat-Trattati tistabbilixxi l-importanza tax-xogħlijiet preparatorji għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-trattati; billi d-dikjarazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni dwar elementi tal-ACTA, partikolarment dwar il-miżuri ta' rispons gradwat ta' "tliet atti illegali" huma f'kontradizzjoni mal-ftit testi preparatorji disponibbli għall-pubbliku,

F.  billi fil-Komunikazzjoni tad-19 ta' Ottubru 2010 l-Kummissjoni ddikjarat li l-"Unjoni trid taġixxi b'mod impekkabbli għal dak li jirrigwarda d-drittijiet fundamentali" u li l-"Unjoni trid tkun eżemplari f'dan ir-rigward"; billi fis-seduta plenarja tal-20 ta' Ottubru l-Kummissjoni ddikjarat li l-ACTA għadu mhuwiex inizjalat u li hija prerogattiva tal-Kummissjoni, bħal n-negozjatur, li tiddetermina l-punt li fih in-negozjati jkunu teknikament finalizzati u li fih huwa possibbli li l-ftehim jiġi inizjalat,

G.  billi d-Direttiva 2001/29/KE għandha l-għan li tipprovdi qafas ġuridiku armonizzat fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati; billi l-Artikolu 5 tad-Direttiva tippreżenta lista eżawrjenti tal-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet possibbli u tirrestrinġi l-kapaċità tal-Istati Membri li jipprevedu eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ġodda, approċċ iddefinit bħala "fallimentari" mill-Kunsill tal-Ewropa; billi l-ACTA ma jinkludix il-possibilità li jiġu estiżi l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet attwali u jista' jirrestrinġi d-diskrezzjonalità tal-qrati nazzjonali fl-interpretazzjoni b'mod flessibbli tal-eċċezzjonijiet fis-seħħ; billi l-progress teknoloġiku tkattar u ddiversifika l-vetturi ta' ħolqien, produzzjoni u sfruttament tal-xogħlijiet kreattivi u bilanċ ekwu bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet u l-utenti jeżiġi approċċi ġodda biex l-aċċess għal dawn ix-xogħlijiet permezz tat-teknoloġiji diġitali jsir iktar flessibbli; billi l-Kummissjoni qiegħda tħejji proposta leġiżlattiva dwar ix-xogħlijiet orfni biex tiffaċilita d-diġitalizzazzjoni u t-tixrid tal-xogħlijiet kulturali fl-Ewropa,

H.  billi l-partijiet tal-ACTA qablu li l-kopertura tal-privattivi fit-taqsima tal-infurzar ċivili se tkun fakultattiva; billi n-negozjaturi tal-ACTA ddikjaraw li l-ACTA mhuwiex se jostakola l-iskambji transkonfinali ta' mediċini ġeneriċi leġittimi; billi fir-riżoluzzjoni u d-dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu l-Parlament iddikjara li kwalunkwe miżura li għan tagħha jkun it-tisħiħ tas-segħat għall-iżvolġiment ta' ispezzjonijiet transkonfinali u l-qbid ta' merkanzija ma għandhiex tikkomprometti l-aċċess globali għal mediċini leġittimi, sikuri u bi prezz raġonevoli; billi r-Regolament tal-Kunsill UE 1383/2003, li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma suġġetti għal taħdidiet f'kontroversja tad-WTO, jipprevedi miżuri ta' infurzar transkonfinali għall-merkanzija fi transitu; billi l-impriżi, il-manifatturi ta' mediċini ġeneriċi u dawk kollha li jsostnu l-mediċina għal kulħadd avżaw kontra r-riskji tal-inklużjoni tal-privattivi fl-ACTA u wissew dwar l-effetti potenzjalment ta' ħsara għall-innovazzjoni teknoloġika, l-aċċess għall-mediċini u l-kompetizzjoni ġenerika,

I.   billi l-Parlament fid-dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu adotta l-pożizzjoni li l-fornituri tas-servizz tal-internet ma għandhomx ikunu responsabbli għad-data li jittrasmettu jew li jospitaw fis-servizzi tagħhom fis-sens li jiġu imposti viġilanza jew selezzjoni minn qabel tat-tali data; billi l-opinjoni tal-KEPD dwar l-ACTA tavża li l-fornituri tas-servizz tal-internet (ISPs) jistgħu jdaħħlu "klawżoli fil-kuntratti tal-klijenti tagħhom biex jippermettu l-monitoraġġ tad-dejta tagħhom u l-qtugħ tal-abbonament tagħhom",

J.   billi l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu, esprima it-tħassib serju tiegħu għall- fatt li fil-bidu tan-negozjati tal-ACTA kienet għadha ma ġietx stabbilita l-bażi ġuridika; billi t-taqsima tal-ACTA dwar l-infurzar kriminali fiha dispożizzjonijiet li jirreferu għall-proċeduri krimanli, għar-responsabilità kriminali, għar-reati, għall-infurzar kriminali u għall-pieni; billi l-Presidenza tal-Kunsill innegozjat id-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar kriminali fl-ACTA; billi d-definizzjoni ta' "skala kummerċjali" fil-miżuri kriminali tal-ACTA hija usa' mill-interpretazzjoni tad-WTO fl-każ tal-infurzar fuq iċ-Ċina,

K.  billi l-partijiet tal-ACTA impenjaw ruħhom li jsostnu l-obbligi skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim TRIPS biex jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-innovazzjoni teknoloġika; billi l-politiki fundamentali tal-UE marbuta mal-interoperabilità jagħmlu riferiment għall-acquis Komunitarju li jsostnu d-dekumpilazzjoni,

L.  billi xi salvagwardji importanti ddaħħlu fl-aħħar verżjoni tal-ACTA kemm fil-preambolu kif ukoll fid-dispożizzjonijiet sostanzjali tat-test; billi d-dispożizzjonijiet tal-ACTA għadhom jistgħu jirrestrinġu r-rikors għall-eċċezzjonijiet statutorji skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jeżiġu modifiki leġiżlattivi biex jikkonformaw mal-ogħla standards fil-qasam tal-kumpensi għad-danni u sanzjonijiet oħra jew jeskludu l-ħolqien ta' approċċi dwar regoli fil-qasam tar-responsabilità biex jillimitaw ir-rimedji għall-ksur; billi l-Artikolu 1.2 tal-ftehim jisstabbilixxi li "[K]ull Parti hija ħielsa li tiddetermina l-modi xierqa ta' implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim fi ħdan is-sistema ġuridika u l-proċeduri tagħha."; billi ma jeżistux dispożizzjonijiet ġenerali li jippermettu lil Parti tinjora l-obbligi speċifiċi fl-ACTA,

M.  billi l-iskop tal-partijiet fin-negozjati huwa li jestendu l-ACTA għas-sħab kummerċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u f'dawk emerġenti; billi s-sħab kummerċjali importanti ddikjaraw fil-Kunsill TRIPS tad-WTO li l-ACTA jista' jkun f'kunflitt mal-Ftehim TRIPS u ma' ftehimiet oħrajn tad-WTO, joħloq riskju għan-normi u l-proċeduri tad-WTO billi jopera barra mill-qafas ġuridiku tad-WTO, jippreġudika l-bilanċ tad-drittijiet, tal-obbligi u tal-flessibilitajiet innegozjat bir-reqqa fid-diversi ftehimiet tad-WTO, jgħawweġ il-kummerċ u joħloq ostakli kummerċjali u jikkomprometti l-flessibilitajiet li jinsabu fit-TRIPS u fid-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar it-TRIPS u s-Saħħa Pubblika bħas-saħħa pubblika u l-kummerċ ta' mediċini ġeneriċi,

1.  Ifaħħar lill-Kummissjoni għall-isforzi tagħha intiżi biex itejbu t-trasparenza tan-negozjati tal-ACTA u għall-impenn immirat tagħha biex tipproteġi l-innovazzjoni u l-kompetittività fl-UE; Jirrikonoxxi li bilanċ attent bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet u s-soċjetà in ġenerali huwa essenzjali biex jiżgura r-rwol mexxej tal-UE fl-ekonomija tal-għarfien; jilqa' favorevolment il-kooperazzjoni kostruttiva tal-Kummissjoni u tal-Parlament fl-ispirtu tal-ftehim ta' qafas rivedut;

2.  Jappoġġa l-proġetti ambizzjużi tal-Kummissjoni biex jiżguraw l-infurzar sħiħ tal-acquis Komunitarju dwar l-IĠ, jiddeplora iżda n-nuqqas ta' titjib sinifikanti fir-rigward tal-infurzar tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem attivament biex tiżgura l-prosperità tal-prodotti Ewropej fl-ekonomija dinjija permezz ta' infurzar effikaċi tal-IĠ fl-ACTA u tat-trattament ugwali tagħhom ma' drittijiet oħrajn ta' proprjetà intellettwali;

3.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Ombudsman u tal-opinjoni tiegħu skont liema ċ-ċittadini għandhom interess ċar li jkunu informati u li jivverifikaw jekk qegħdin jitħarsu l-interessi pubbliċi, b'mod partikolari fil-leġiżlazzjoni imposta mill-ACTA; jirrikonoxxi li l-kritika pubblika tas-segretezza tan-negozjati hija sinjal ċar tal-insostenibilità politika tal-proċess adottat għan-negozjar; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha skont it-Trattat FUE, fl-Artikolu 15, li "tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili" u li twettaq xogħolha "b'mod kemm jista' jkun miftuħ"; jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tipprovdi opportunità biex tilqa' u tikkunsidra debitament il-kontribut taċ-ċittadini tal-UE fit-test tal-ftehim qabel ma dan jiġi inizjalat;

4.  Huwa tal-fehma li l-Kumitat ACTA għandu jopera b'mod miftuħ, inklussiv u trasparenti; jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi, qabel ma jiġi inizjalat il-Ftehim, rakkomandazzjonijiet dwar il-governanza demokratika tal-Kumitat ACTA, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mar-rispett tal-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, u biex tistudja proċeduri speċifiċi li għandhom jiġu osservati fl-emendar tal-ftehim, inklużi l-proċeduri biex jiżguraw t-trasparenza, tippermetti l-kontribut tal-pubbliku konformi mal-obbligi tal-UE skont l-Artikolu 15 tat-TFUE u tispeċifika r-rwol tal-Parlament;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel disponibbli għall-pubbliku x-xogħlijiet preparatorji rilevanti kollha bil-għan li l-Parlament jitħalla jieħdu deċiżjoni politika informata dwar ir-rilevanza tat-testi tal-Ftehim;

6.  Jinsisti li l-Kummissjoni ma għandhiex tinizjala l-ACTA qabel ma tkun ikkonkludiet u għamlet pubbliku valutazzjoni tal-impatt tal-ACTA fuq id-drittijiet fundamentali b'konformità mal-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta' Ottubru 2010;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi provi bil-miktub lill-Kumitati kompetenti fi żmien xieraq qabel ma tinizjala l-Ftehim, li l-ACTA mhuwiex se jikkundizzjona l-armonizzazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limiti fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fl-UE; mhux biħsiebu jirrestrinġi l-possibilità ta' espansjoni futura tal-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet lil hinn minn dawk elenkati fid-Direttiva 2001/29/KE; mhux biħsiebu jeskludi għażliet politiċi u azzjonijiet ġudizzjarji biex jestendi l-aċċess għax-xogħlijiet kreattivi bir-rikors għall-eċċezzjonijiet u fid-dawl tal-progress teknoloġiku; mhux biħsiebu jirrestrinġi l-għażliet politiċi eżaminati mill-Kummissjoni dwar ix-xogħlijiet orfni u lanqas jimpedixxi lill-Istati Membri milli jintroduċu leġiżlazzjoni intiża li testendi l-aċċess għax-xogħlijiet orfni bi drittijiet tal-awtur li tillimita r-rimedji f'każ ta' ksur tat-tali xogħlijiet;

8.  Josserva li l-privattivi bla dubju se jibqgħu fi ħdan l-ambitu ta' applikazzjoni tad-diversi taqsimiet tal-ACTA; josserva li l-applikazzjoni fl-ACTA ta' miżuri ta' infurzar ċivili għall-privattivi aktarx tostakola serjament l-aċċess għal mediċini li jsalvaw il-ħajja u li jkunu legali, bi prezz raġonevoli u li jaġixxu ta' mezz biex jittardjaw it-tqegħid fis-suq ta' mediċini ġeneriċi u tgħawweġ il-kompetizzjoni; isostni li żidiet qawwija fil-kumpensi għad-danni u sanzjonijiet ħorox għal ksur eventwali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jżidu l-inċertezza ġuridika u jiskoraġixxu lill-manifatturi u lill-terzi involuti fil-produzzjoni, bejgħ jew distribuzzjoni ta' mediċini ġeneriċi bħall-manifatturi ta' sustanzi farmakoloġiċi attivi, l-organizzazzjonijiet umanitarji, il-finanzjaturi ta' programmi tas-saħħa u l-awtoritajiet tar-regolamentazzjoni tal-mediċini, speċjalment jekk dawn id-dispozizzjonijiet ikunu applikati għall-oġġetti fi transitu;

9.  Josserva li r-rikużi ta' privattivi spiss huma kontroversji kummerċjali u jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar ċivili tal-ACTA għall-privattivi tista' żżid ir-riskju tal-investimenti, l-inċertezzi fis-swieq u thedded l-innovazzjoni teknoloġika, partikolarment f'setturi li fihom il-ksur huwa diffiċli li jiġi aċċertat, tbaxxi r-ritmu ta' tixrid tat-teknoloġiji ħodor essenzjali fl-isforzi globali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, tippreġudika l-kondiviżjoni effettiva tal-għarfien, l-iżvilupp tal-ekonomija pubblika u l-vitalità tas-settur pubbliku u fl-aħħar nett ixxaqleb il-bilanċ kontra l-interess pubbliku fir-rigward tal-infurzar ta' privattivi fuq materja ħajja, il-prodotti indiġeni u l-mediċini tradizzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tittratta, qabel ma tinizjala l-Ftehim, il-firxa wiesgħa ta' riservi elenkati f'din il-mozzjoni fir-rigward tal-għażla ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-materja ċivili għall-privattivi u tippreżenta sussegwentement rapport lill-Parlament;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament, qabel ma tinizjala l-Ftehim, analiżi ġuridika tar-rilevanza, tal-legalità u dwar l-eżegwibilità tal-politiki awspikati fl-ACTA għal dak li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi u d-detenturi tad-drittijiet, partikolarment fir-rigward tal-kwistjoni ta' kif l-isforzi ta' kooperazzjoni fi ħdan l-industrija mhumiex se jillimitaw drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, inkluż id-dritt għall-privatezza, id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u d-dritt għal proċess ġust; ifakkar fil-preklużjoni għall-Kummissjoni, skont il-Ftehim Interistituzzjonali tal-2003, tal-possibilità li ssostni mekkaniżmi ta' regolamentazzjoni awtonoma jew konġunta jekk ikunu f'riskju d-drittijiet fundamentali bħad-dritt għal-libertà ta' espressjoni; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk kumplessivament l-ACTA jista' jbiddel il-bilanċ attwali fil-leġiżlazzjoni tal-UE bejn l-obbligi legali tal-fornituri tas-servizz tal-internet li jipproteġu d-data personali tal-utenti finali u li jfornu din id-data lid-detenturi ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali jew lil awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji;

11. Itenni t-tħassib serju tiegħu espress fl-10 ta' Marzu dwar in-nuqqas ta' bażi ġuridika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni għal dak li għandu x'jaqsam mat-taqsima dwar l-Infurzar Kriminali tal-ACTA, anki fir-rigward tal-inizjalar tiegħu; jinsisti li għandhom ippreżentati l-provi lill-Parlament li juru li l-bażi ġuridika għan-negozjati tal-ACTA hija totalment konformi mat-Trattat ta' Lisbona qabel ma jiġi inizjalat il-Ftehim; Jagħti istruzzjonijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipprovdu, qabel ma jiġi inizjalat il-Ftehim, valutazzjoni ġuridika tal-modi li bihom id-definizjoni tal-ACTA ta' "skala kummerċjali" hija koerenti mad-deċiżjoni tad-WTO dwar iċ-Ċina u konformi għalkollox mal-prinċipji tal-UE ta' proporzjonalità u sussidjarjetà u mhijiex se tillimita r-rikors min-naħa tal-Istati Membri għall-eċċezzjonijiet nazzjonali fis-settur tal-miżuri ta' infurzar kriminali;

12. Jitlob lill-Kummissjoni tikkonferma espliċitament, fi żmien xieraq qabel ma jiġi inizjalat il-Ftehim, li d-dispożizzjonijiet tal-ACTA ma jippreġudikawx dawk tal-acquis Komunitarju, pereżempju dawk tad-Direttiva dwar is-software 91/250/KE u dwar is-soċjetà tal-informazzjoni 2001/29/KE u l-implimentazzjoni tagħhom min-naħa tal-Istati Membri li f'ċerti każijiet tippermetti d-dekumpilazzjoni tal-programmi għall-kompjuters u l-ħelsien mill-moduli għal pjattaforma fdata (trusted platform modules - TPMs) biex titħalla l-interoperabilità u b'hekk tiġi promossa l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni;

13. Jilqa' favorevolment dawk il-provvedimenti ta' titjib fl-abbozz tat-test tal-ACTA li jfornu salvagwardji aħjar fil-qasam tal-privatezza, is-saħħa pubblika u wħud mill-miżuri ta' ħarsien tal-Ftehim TRIPS; iħeġġeġ il-Kummissjoni tivvaluta l-modi li bihom id-dispożizzjonijiet ta' salvagwardja fl-ACTA jiġu infurzati anki fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' infurzar; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi provi li juru li l-ACTA mhuwiex se jimpedixxi lill-Istati Membri jew lill-Unjoni milli jinqdew mill-flessibilitajiet tal-Ftehim TRIPS biex jiggarantixxu firxa kompluta ta' għażliet politiċi futuri; jitlob lill-Kummissjoni tippovdi valutazzjoni ġuridika tal-modi li bihom l-ACTA se jkun effettivament ftehim vinkolanti u kif l-Artikolu 1.2 jistabbilixxi flessibilità ġenerali fir-rigward ta' kull element li jista' jkun kontradizzjoni mal-ACTA fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; jitlob lill-Kummmissjoni tippreżenta l-mekkaniżmi li jippermettu l-flessibilità lill-Partijiet biex jadottaw eċċezzjonijiet leġittimi għall-obbligi tal-Ftehim, disponibbli fit-test tal-Ftehim jew fil-proċedura tal-Kumitat tal-ACTA;

14. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tkun favur il-fatt li proċeduri u t-termini ta' aċċess għall-ACTA jkunu biżżejjed flessibbli u jqisu l-livelli, l-eżiġenzi u l-objettivi ta' żvilupp tal-pajjiżi aderenti, konkormement mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp; jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar l-impatt potenzjali tal-ACTA fuq il-politika tal-UE esterna u ta' żvilupp, b'riferiment partikolari għar-rwol tagħha fid-WTO u fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali u fit-TRIPS kif ukoll dispożizzjonijiet tal-ACTA;

15. Itenni l-appell tal-10 ta' Marzu lill-Kummissjoni biex, qabel ma jiġi inizjalat il-Ftehim, twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-implimentazzjoni tal-ACTA fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u tal-protezzjoni tad-data, tal-isforzi tal-UE biex tarmonizza l-miżuri ta' infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u tal-kummerċ elettroniku; jitlob barra minn hekk valutazzjoni tal-ispejjeż potenzjali li joħorġu mill-fatt li riżorsi tal-infurzar jiġu orjentati lejn atti ta' ksur f'materja ċivili permezz tal-qafas internazzjonali tal-ACTA, fid-dawl tal-objettiv primarju tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-falsifikazzjoni u tal-piraterija;

16. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li l-approvazzjoni tal-ACTA min-naħa tal-Parlament se tiddependi minn kooperazzjoni sħiħa u paritarja mal-Parlament u mill-osservanza totali ta' din ir-riżoluzzjoni, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mal-inizjalar tal-Ftehim, kif ukoll mir-rispett tal-opinjonijiet espressi mill-Parlament;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-istati li huma partijiet fin-negozjati tal-ACTA.