MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-ACTA – it-tħejjija għall-proċedura ta’ approvazzjoni
17.11.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Niccolò Rinaldi, Marietje Schaake, Alexander Alvaro, Marielle De Sarnez, Renate Weber f’isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0617/2010
B7‑0619/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-ACTA – it-tħejjija għall-proċedura ta’ approvazzjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-test ikkonsolidat tal-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni tal-15 ta’ Novembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Merzu 2010 dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati dwar l-ACTA,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub 0012/2010 dwar in-nuqqas ta’ proċess trasparenti għall-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA),
– wara li kkunsidra d-Dibattitu fil-Plenarja tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni,
– – wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew dwar l-ilment 90/2009/(JD)OV dwar l-aċċess għal dokumenti tal-ACTA,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministru Svediż tal-Ġustizzja dwar l-ACTA tal-21 ta’ Ottubru 2010,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar in-negozjati attwali mill-Unjoni Ewropea għal Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni, u l-ittra mill-Grupp ta’ Ħidma għall-Protezzjoni tad-Data lill-Kummissjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku (2000/31/KE), id-Direttiva dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (2001/29/KE) u l-Komunkiazzjoni mill-Kummissjoni dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa,
– wara li kkunsidra r-rapport ‘Rethinking creative rights for the Internet age’ mill-Kumitat għall-Kultura, ix-Xjenza u l-Edukazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (Dok. 12101, 7 ta’ Jannar 2010),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-rieżami tal-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar l-Illeġiżlar Aħjar bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (2003/C 321/01),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (KPI),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003,
– wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (TRIPS),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika, adottata fl-14 ta’ Novembru 2001,
– wara li kkunsidra t-Tilwima DS409 tad-WTO, l-Unjoni Ewropea u Stat Membru – il-Konfiskazzjoni ta’ Drogi Ġeneriċi in Tranżitu,
– wara li kkunsidra t-Tilwima DS409 tad-WTO, Ċina – Miżuri li jaffettwaw il-Potezzjoni u l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali,
– wara li kkunsidra l-interventi tal-membri tad-WTO dwar l-ACTA u l-Kunsill tad-WTO dwar it-TRIPS tas-26 u s-27 ta’ Ottubru, 2010,
– wara li kkunsidra l-aħbar tad-WTO dwar il-Kunsill TRIPS tat-8 u d-9 ta’ Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tat-23 ta’ Mejju 1969,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi n-negozjaturi tal-ACTA enfasizzaw li l-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali huwa kritiku għas-sosteniment tat-tkabbir ekonomiku fl-industriji kollha u globalment; billi n-negozjaturi tal-ACTA ppubblikaw it-test konsolidat fis-6 ta’ Ottubru 2010 u wara din id-data, il-Kummissjoni għarrfet lill-Parlament u lill-kumitat responsabbli tiegħu; billi l-pakkett finali li jsolvi r-riservi li tqajmu wara Tokjo għat-test tal-ACTA fl-aħħar tar-rawnd ta’ Tokjo kien aċċettat mill-bqija tal-partijiet, u t-test kien ippublikat fil-15 ta’ Novembru 2010,
B. billi l-Kummissjoni affermat aktar min darba l-importanza li jiġi infurzat il-ħarsien tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ); billi kien miftiehem mill-partijiet li l-ACTA se tipprovdi għall-infurzar tal-IĠ fis-sezzjonijiet ġenerali, kif ukoll fis-sezzjonijiet dwar iċ-ċivil, id-dwana u l-qasam diġitali,
C. billi l-Kummissjoni rrikorriet għad-deċiżjoni tal-Ombudsman biex tiġġustifika li l-ACTA jiġi nnegozjat bħala ftehim kummerċjali u mhux bħala trattat ta’ infurzar; billi l-Ombudsman qies li “l-konklużjoni tal-ACTA tista’ ġġiegħel lill-UE tipproponi u tapprova leġiżlazzjoni. f’dan il-każ, l-ACTA jikkostitwixxi l-unika jew l-akbar kunsiderazzjoni li tirfed din il-leġiżlazzjoni, u ċ-ċittadini jkollhom interess ċar li jiġu mgħarrfa dwar l-ACTA”; billi xi gvernijiet iqisu li l-ACTA se teħtieġ bidliet fil-liġi nazzjonali li jżidu l-poteri tal-pulizija biex taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess biex tinforza d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,
D. billi l-Arranġamenti Istituzzjonali fl-ACTA jikkonferixxu lill-Kumitat tal-ACTA bl-awtorità relatata, inter alia, mal-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-Ftehim, l-emendar tal-Ftehim, il-parteċipazzjoni non-governattiva u d-deċiżjonijiet rigward ir-regoli u l-proċeduri tal-Kumitat; billi l-Artikolu 21 TFUE jiggwida l-Unjoni biex tfittex li tavvanza d-demokrazija;
E. billi l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tistabbilixxi l-importanza tal-ħidma ta’ tħejjija għall-għan tal-interpretazzjoni tat-trattat; billi d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar elementi tal-ACTA, b’mod partikolari dwar il-miżuri ta’ risposta gradwali (three strikes) jikkontradixxu l-ftit testi preparatorji li huma disponibbli pubblikament,
F. billi l-Kummissjoni ddikjarat fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Ottubru 2010 li l-Unjoni “trid taġixxi b’mod impekkabbli għal dak li jirrigwarda d-drittijiet fundamentali” u li l-Unjoni “trid tkun eżemplari f’dan ir-rigward”; billi l-Kummissjoni ddikjarat fil-Plenarja tal-20 ta’ Ottubru 2010 li l-ACTA “għadu ma ġiex inizjalat” u li “hija l-prerogattiva tal-Kummissjoni, bħala negozjatur, li tiddeċiedi l-punt meta n-negozjati jkunu teknikament iffinalizzati u meta l-ftehim jista’ jiġi inizjalat”,
G. billi d-Direttiva 2001/29/KE għandha l-għan li tipprovdi qafas legali armonizzat dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati; billi l-Artikolu 5 tad-Direttiva jippreżenta elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet possibbli u jillimita l-abilità tal-Istati Membri li jipprovdu eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ġodda, approċċ deskritt mill-Kunsill tal-Ewropa bħala “falliment”: billi l-ACTA ma jindirizzax il-possibilità ta’ espansjoni tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet eżistenti u jista’ jillimita d-diskrezzjoni tal-qrati nazzjonali biex jinterpretaw b’mod flessibbli l-eċċezzjonijiet eżistenti; billi l-avvanzi teknoloġiċi mmultiplikaw u ddiversifikaw il-mezzi għall-ħolqien, il-produzzjoni u l-isfruttament tax-xogħlijiet kreattivi, u bilanċ ġust tal-interessi bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti jirrikjedi approċċi ġodda għal aċċess iktar flessibbli għal dawn ix-xogħlijiet permezz tat-teknoloġiji diġitali; billi l-Kummissjoni qed tħejji proposta leġiżlattiva dwar ix-xogħlijiet fejn id-detentur tad-dritt tal-awtur mhux magħruf biex jiffaċilitaw id-diġitizzazzjoni u d-disseminazzjoni tax-xogħlijiet kulturali fl-Ewropa;
H. billi partijiet tal-ACTA qablu li l-kopertura tal-privattivi fis-sezzjoni tal-infurzar ċivili se tkun fakultattiva; billi n-negozjaturi tal-ACTA asserixxu li ‘l-ACTA mhuwiex se jfixkel it-tranżitu transkonfinali ta’ mediċini ġeneriċi leġittimi’; billi l-Parlament fir-riżoluzzjoni u d-dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu ddikjara li kwalunkwe miżura li jkollha l-għan li ssaħħaħ is-setgħat tal-ispezzjoni u l-qbid transkonfinali ta’ prodotti m’għandhiex taffettwa l-aċċess globali għal mediċini leġittimi, bi prezz li jlaħħaq miegħu kulħadd u sikuri, billi r-Regolament 1383/2003 tal-Kunsill tal-UE, li d-dispożizzjonijiet tiegħu qed jiġu diskussi f’każ ta’ tilwim fi ħdan id-WTO, jipprevedi miżuri ta’ infurzar fil-fruntieri għall-prodotti in tranżitu; billi n-negozji, il-manifatturi tal-mediċini ġeneriċi u dawk li jippromwovu s-saħħa globalment, ġibdu l-attenzjoni kontra l-inklużjoni tal-privattivi fl-ACTA u wissew dwar l-effetti potenzjalment ta’ ħsara fuq l-innovazzjoni teknoloġika, l-aċċess għall-mediċini u l-kompetizzjoni ġenerika,
I. billi l-Parlament fid-dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu esprima l-fehma li l-fornituri tas-servizzi tal-internet m’għandhomx ikunu responsabbli għad-data li jittrażmettu jew jospitaw permezz tas-servizzi tagħhom sal-punt li tkun meħtieġa sorveljanza jew filtrrazzjoni ta’ data bħal din; billi opinjoni tal-KEPD dwar l-ACTA twissi li l-fornituri tas-servizz internet (ISPs) jistgħu jdaħħlu “klawżoli fil-kuntratti tal-klijenti tagħhom biex jippermettu l-monitoraġġ tad-dejta tagħhom u l-qtugħ tal-abbonament tagħhom”,
J. billi l-Parlament fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 Marzu kien imħasseb ħafna li l-ebda bażi legali ma kienet stabbilita qabel il-bidu tan-negozjati tal-ACTA; billi t-taqsima dwar l-Infurzar Kriminali tal-ACTA tikkonċerna dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri kriminali, ir-responsabilità kriminali, ir-reati kriminali, l-infurzar kriminali u l-pieni; billi l-Presidenza tal-Kunsill innegozjat id-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar kriminali fl-ACTA; billi d-definizzjoni ta’ “skala kummerċjali” fil-miżuri kriminali tal-ACTA hija iktar mifruxa mill-interpretazzjoni tad-WTO fill-każ tal-infurzar taċ-Ċina,
K. billi l-partijiet għall-ACTA impenjaw ruħhom li jirrispettaw l-obbligi skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim TRIPS biex jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-innovazzjoni teknoloġika; billi l-politiki fundamentali tal-UE relatati mal-interoperabilità jiddependu fuq dispożizzjonijiet fl-acquis communautaire li f’xi każi jippermettu d-dekompilazzjoni (reverse engineering),
L. billi xi salvagwardji importanti kienu inseriti fl-aħħar verżjonijiet tal-ACTA kemm fil-preambolu u kemm fid-dispożizzjonijiet sostantivi tat-test; billi dispożizzjonijiet tal-ACTA xorta jistgħu jillimitaw l-użu ta’ eċċezzjonijiet statutorji taħt il-liġijiet nazzjonali, jeħtieġu bidliet fil-leġiżlazzjoni biex jikkonformaw ma’ iktar standards għad-danni u penali oħra jew jeskludu l-approċċi tal-ħolqien ta’ regola ta’ responsabbiltà biex jillimitaw ir-rimedji għall-ksur; billi l-Artikolu 1.2 tal-ftehim jiddikjara li “kull Parti għandha tkun ħielsa li tistabbilixxi l-metodu xieraq ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim fis-sistema u l-prattika legali tagħha”, billi m’hemmx dispożizzjonijiet ġenerali li jippermettu li Parti Kontraenti tinjora l-obbligi speċifiċi fl-ACTA;
M. billi l-għan tal-partijiet li qegħdin jinnegozjaw hu li jestendu l-ACTA għal sħab kummerċjali li huma pajjiżi li qed jiżviluppaw u pajjiżi emerġenti; billi sħab kummerċjali importanti affermaw fil-Kunsill tad-WTO dwar it-TRIPS li l-ACTA jista’ jkun f’kunflitt mal-Ftehim TRIPS u ftehimiet oħra tad-WTO, ikun ta’ riskju għal-liġi u l-proċess tad-WTO peress li jopera barra mill-qafas legali tad-WTO, idgħajjef il-bilanċ tal-jeddijiet, l-obbligi u l-flessibilitajiet li ġew innegozjati b’attenzjoni f’diversi ftehimiet tad-WTO, ixekkel il-kummerċ u joħloq ostakli kummerċjali, u jdgħajjef il-flessibilitajiet mibnija fit-TRIPS u d-dikjarazzjoni ta’ Doha dwar it-TRIPS u s-Saħħa Pubblika tal-2001, bħal dawk għas-saħħa pubblika u l-kummerċ tal-mediċini ġeneriċi,
1. Ifaħħar l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb it-trasparenza fin-negozjati tal-ACTA u l-impenji tagħha għall-ħarsien tal-innovazzjoni u l-kompetittività tal-UE; jirrikonoxxi li bilanċ delikat bejn l-interessi ta’ detenturi tad-drittijiet u tas-soċjetà in ġenerali huwa essenzjali biex ikun żgurat ir-rwol ewlieni tal-UE fl-ekonomija tal-għarfien; jilqa’ l-koperazzjoni kostruttiva tal-Kummissjoni u l-Parlament fl-ispirtu tal-ftehim ta’ qafas rivedut;
2. Jappoġġja l-ambizzjoni tal-Kummissjoni biex tiżgura l-infurzar sħiħ tal-acquis communautaire dwar l-IĠ imma jiddispjaċih li ma sarx titjib sinifikanti rigward l-infurzar tal-IĠ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem b’mod attiv biex tiżgura l-prosperità tal-prodotti Ewropej fl-ekonomija dinjija permezz ta’ prattiki effikaċi tal-infurzar tal-IĠ fl-ACTA u t-trattament indaqs tagħhom ma’ drittijiet ta’ oħra ta’ proprjetà intelletwali;
3. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Ombudsman u hu tal-opinjoni li ċ-ċittadini għandhom interess ċar li jinżammu informati u li jikkontrollaw jekk hux qed jinqeda l-interess pubbliku, b’mod partikulari jekk l-ACTA jeħtiġx leġiżlazzjoni; jirrikonoxxi l-kritika pubblika tas-segretezza tan-negozjati bħala sinjal ċar tal-insostenibilità politika tal-proċess ta’ negozjazzjoni adottat; ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 15 TFUE li tippromwovi l-governanza tajba u tiżgura l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u li twettaq ħidmitha b’mod kemm jista’ jkun miftuħ; jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tipprovdi għal opportunità biex tirċievi u tikkunsidra kif jixraq l-opinjonijiet taċ-ċittadini tal-UE dwar it-test tal-ftehim qabel ma tinizjalah;
4. Hu tal-fehma li l-Kumitat tal-ACTA għandu jaħdem b’mod miftuħ, inklużiv u trasparenti; jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex qabel l-inizjalar tal-Ftehim tipprovdi rakkomandazzjonijiet għat-tmexxija demokratika tal-Kumitat tal-ACTA, partikolarment rigward il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, u għat-tfassil tal-proċeduri speċifiċi li għandhom jiġu segwiti għall-emendar tal-Ftehim, inklużi l-proċessi li jiżguraw it-trasparenza, jippermettu kontribut pubbliku skont l-obbligi tal-UE taħt l-Artikolu 15 TFUE u jispeċifikaw ir-rwol tal-Parlament;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex tqiegħed għad-dispożizzjoni pubblika kull xogħol preparatorju rilevanti, għall-iskop li tippermetti deċiżjoni politika informata min-naħa tal-Parlament dwar it-tifsira tat-testi tal-Ftehim;
6. Jinsisti li l-Kummissjoni ma tinizjalax l-ACTA qabel ma tkun ikkonkludiet u għamlet pubblika evalwazzjoni tal-impatt tal-ACTA fuq id-drittijiet fundamentali skont il-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Ottubru 2010;
7. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi evidenza bil-miktub lill-Kumitati responsabbli fi żmien dovut qabel ma tinizjala l-Ftehim, li l-ACTA mhux se jillimita l-armonizzazzjoni tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati fl-UE; mhux se jirrestrinġi l-possibbiltà ta’ espansjoni futura ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet apparti dawk elenkati fid-Direttiva 2001/29/KE; mhux se jeskludi alternattivi politiki u azzjonijiet ġudizzjarji futuri għall-espansjoni tal-aċċess għax-xogħlijiet kreattivi minħabba avvanzi teknoloġiċi billi jintużaw l-eċċezzjonijiet; mhux se jillimita l-alternattivi leġiżlattivi li qiegħda tqis il-Kummissjoni f’dak li għandu x’jaqsam max-xogħlijiet fejn id-detentur tad-dritt tal-awtur mhux magħruf jew jipprevjeni lill-Istati Membri milli jintroduċu leġiżlazzjoni għall-espansjoni tal-aċċess għal tali xogħlijiet, li tillimita r-rimedji kontra l-ksur rigward tali xogħlijiet;
8. Josserva li l-privattivi bla dubju jibqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ diversi sezzjonijiet tal-ACTA; huwa mħasseb li l-applikazzjoni ta’ miżuri tal-infurzar ċivili tal-ACTA għall-privattivi tista’ serjament ixxekkel l-aċċess għal mediċini li jsalvaw il-ħajja tan-nies u li jista’ jħallas għalihom kulħadd, u jaġixxu bħala mezz għad-dewmien tad-dħul fis-suq ta’ mediċini ġeneriċi u jgħawġu l-kompetizzjoni; jafferma li żidiet sostanzjali fid-danni u pieni ħorox għal ksur possibbli tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali se jżidu l-inċertezza legali u jiskoraġġixxu manifatturi u partijiet terzi involuti fil-produzzjoni, bejgħ jew distribuzzjoni ta’ mediċini ġeneriċi bħal manifatturi ta’ ingredjenti farmaċewtiċi attivi, organizzazzjonijiet umanitarji, finanzjaturi ta’ programmi ta’ saħħa u awtoritajiet regolatorji tal-mediċini, partikolarment jekk dawn id-dispożizzjonijiet ikunu applikati għal prodotti in tranżitu;
9. Jinnota li l-konfrontazzjonijiet fi kwistjonijiet ta’ privattivi huma ta’ sikwit tilwim kummerċjali u huwa mħasseb li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-infurzar ċivili tal-ACTA għall-privattivi tista’ żżid ir-riskju għall-investiment, l-inċertezza fis-suq u thedded l-innovazzjoni teknoloġika, partikolarment f’setturi fejn huwa diffiċli li jkun determinat ksur, tnaqqas it-tixrid ta’ teknoloġija ekoloġika essenzjali għall-isforzi globali kontra t-tibdil fil-klima, thedded il-qsim effettiv tal-għarfien, l-iżvilupp tal-ekonomija tal-mediċini komuni u l-vitalità tad-dominju pubbliku, u ċċaqlaq il-bilanċ kontra l-interess pubbliku fir-rigward tal-infurzar tal-privattivi dwar affarijiet ħajjin, prodotti indiġeni u mediċini tradizzjonali; jitlob lill-Kummissjoni biex tindirizza, qabel l-inizjalar tal-Ftehim, it-tħassib ferm differenti elenkat f’din il-mozzjoni rigward l-għażla tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ċivili għall-privattivi u sussegwentement tippreżenta rapport lill-Parlament;
10. Jiddubita li l-ACTA se jrendi riżultati globali serji u pożittivi għall-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini, in-negozji u l-artisti tagħha;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament, qabel tinizjala l-Ftehim, analiżi legali tat-tifsira, il-legalità u l-infurzar tal-politiki mixtieqa mill-ACTA rigward il-kooperazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi u d-detenturi tad-drittijiet, partikolarment b’referenza għal kif l-isforzi kooperattivi fil-komunità tan-negozju mhumiex se jillimitaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, inkluż id-dritt għall-privatezza, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għal proċess xieraq; ifakkar lill-Kummissjoni li hija prekluża mill-Ftehim Interistituzzjonali tal-2003 milli tappoġġa mekkaniżmi awtoregolatorji u koregolatorji fejn id-drittijiet fundamentali, bħad-dritt tal-libertà tal-espressjoni, ikunu fil-periklu; jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa jekk globalment, l-ACTA jistax jibdel il-bilanċ kurrenti fil-liġi tal-UE bejn l-obbligi legali tal-fornituri tas-servizzi tal-internet sabiex tkun protetta d-data personali tal-utenti finali u li jiżvela din id-data lid-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji;
12. Itenni t-tħassib kbir tiegħu tal-10 ta’ Marzu dwar in-nuqqas ta’ bażi legali stabbilita; jinkariga lill-Kummissjoni biex tiċċara kif isir it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni rigward it-taqsima tal-Infurzar Kriminali tal-ACTA, inkluż f’dak li għandu x’jaqsam mal-inizjalar tiegħu; jinsisti li l-Parlament tingħatalu evidenza li l-bażi legali għan-negozjar tal-ACTA hi konformi għalkollox mat-Trattat ta’ Lisbona, qabel jiġi inizjalat il-Ftehim; jinkariga lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipprovdu evalwazzjoni legali qabel l-inizjalar tal-ftehim dwar jekk id-definizzjoni tal-ACTA ta’ “skala kummerċjali” hix konsistenti mad-deċiżjoni dwar iċ-Ċina tad-WTO, hix kompletament konformi mal-prinċipji tal-UE ta’ proporzjonalità u sussidjarjetà, u hix se tillimita l-użu mill-Istati Membri ta’ eċċezzjonijiet nazzjonali fir-rigward ta’ miżuri ta’ infurzar kriminali;
13. Jitlob lill-Kummissjoni tikkonferma espliċitament, fiż-żmien dovut qabel ma tinizjala l-Ftehim, li d-dispożizzjonijiet tal-ACTA jħallu mhux mittiefsa d-dispożizzjonijiet fl-acquis communautaire bħal dawk li jinsabu fid-Direttiva 91/250/KEE dwar is-softwer u d-Direttiva 2001/29/KE dwar is-soċjetà tal-informazzjoni u l-implimentazzjonijiet ta’ dawn mill-Istati Membri li, f’xi każi, jippermettu li ssir dekompilazzjoni (reverse engineering) ta’ programmi tal-kompjuter u li jiġu evitati t-Trusted Platform Modules (TPMs) sabiex jippermettu l-interoperabilità, biex b’hekk jippromwovu l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni;
14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkonferma b’mod espliċitu, fiż-żmien dovut qabel ma tibda l-proċedura ta’ approvazzjoni tal-Parlament, li l-ACTA se jħalli mhux mittiefsa l-liġi ta’ Parti Kontraenti li tadotta jew iżżomm sistema li tipprovdi għal-limitazzjoni ta’ responsabilità u għall-projbizzjoni tal-monitoraġġ tal-kontenut li għalih ingħata aċċess, li kien trasferit, maħżun u ospitat mill-fornituri tas-servizzi tal-internet f’isem l-utenti;
15. Jilqa’ dak it-titjib li sar fl-abbozz tat-test tal-ACTA li jipprovdi aktar salvagwardji għall-privatezza, is-saħħa pubblika u xi ħarsien li jinsab fil-Ftehim TRIPS; iqabbad lill-Kummissjoni tivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet dwar salvagwardji fl-ACTA humiex infurzabbli b’mod ugwali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi evidenza li l-ACTA mhux se żżomm lill-Istati Membri jew lill-Unjoni milli jagħmlu użu mill-flessibilitajiet skont il-Ftehim TRIPS li jiggarantixxu firxa sħiħa ta’ għażliet ta’ politika fil-ġejjieni; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovadi evalwazzjoni legali dwar jekk l-ACTA effettivament hux se jkun ftehim vinkolanti u jekk l-Artikolu 1.2 tiegħu jipprovdix flessibilità ġenerali għal kwalunkwe element li jista’ jikkontradixxi l-ACTA fil-liġijiet nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-mekkaniżmi li jippermettu flessibilità għall-Partijiet biex jadottaw eċċezzjonijiet leġittimi għall-obbligi tal-Ftehim, disponibbli fit-test tal-Ftehim jew fil-proċeduri tal-Kumitat ACTA;
16. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha ssostni li l-proċeduri u t-termini ta’ adeżjoni għall-ACTA jkunu flessibbli kif jixraq u jqisu l-livelli ta’ żvilupp, il-bżonnijiet u l-għanijiet tal-pajjiżi li jkunu se jaderixxu, f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Koerenza Politika għall-Iżvilupp; jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar l-impatt potenzjali tal-ACTA fuq il-politika barranija u tal-iżvilupp tal-UE b’referenza speċjali għar-rwol tagħha fid-WTO u fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali u d-dispożizzjonijiet TRIPS plus tal-ACTA;
17. Jirrepeti s-sejħa tiwgħu tal-10 ta’ Marzu lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni tal-impatt tal-implimentazzjoni tal-ACTA rigward id-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data, l-isforzi kontinwi tal-UE biex tarmonizza miżuri ta’ infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali, u l-kummerċ elettroniku, qabel ma tinizjala l-Ftehim; barra minn hekk jitlob valutazzjoni tal-ispejjeż potenzjali meta r-riżorsi tal-infurzar jiġu diretti lejn atti ta’ ksur ċivili permezz tal-qafas internazzjonali tal-ACTA, fid-dawl tal-għan primarju tal-ftehim li jiġġieled il-proliferazzjoni tal-falsifikazzjoni u l-piraterija;
18. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li l-approvazzjoni tal-Parlament għall-ACTA se tiddependi fuq il-kooperazzjoni sħiħa u ugwali mal-Parlament u l-approvazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni kollha kemm hi, partikolarment rigward l-inizjalar tal-Ftehim, u aġir li juri l-kunsiderazzjoni dovuta għall-opinjonijiet tal-Parlament;
19. Jenfasizza li l-UE mhix ser tikkonkludi l-proċess ta’ ratifika tagħha qabel ma partijiet oħra jirratifikaw il-ftehim;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-istati li huma partijiet fin-negozjati tal-ACTA.