MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA)
17.11.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Kader Arif u Véronique De Keyser f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0617/2010
B7‑0620/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 207 u 218 TFUE,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-konklużjoni tal-aħħar rawnd ta' negozjati, fit-2 ta' Ottubru 2010, tal-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni pubblika tat-Test finali tal-ACTA, fil-15 ta' Novembru 2010,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar "l-impatt tal-iffalsifikar fuq il-kummerċ internazzjonali" (2008/2133(INI)),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Merzu 2010 dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati dwar il-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub 0012/2010 dwar in-nuqqas ta' proċess trasparenti għall-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA),
– war li kkunsidra d-Dibattiti Plenarji tat-8 ta' Settembru u l-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-reviżjoni tal-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar l-Illeġiżlar Aħjar bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (2003/C 321/01),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew dwar l-ilment 90/2009/(JD)OV rigward l-aċċess għal dokumenti tal-ACTA,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar in-negozjati attwali mill-Unjoni Ewropea għal Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni, u l-ittra mill-Grupp ta' Ħidma għall-Protezzjoni tad-Data lill-Kummissjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-prattika bl-isem 'Friends of the Presidency' li għandha l-għan li tiddiskuti 'kwalunkwe aspett tal-liġi kriminali tal-ftehim li jista' jinqala'',
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn socjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (TRIPS),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (KPI),
– wara li kkunsidra t-Tilwima DS409 tad-WTO, l-Unjoni Ewropea u Stat Membru – il-Qbid ta' Drogi Ġeneriċi in Tranżitu,
– wara li kkunsidra l-komunikat għall-istampa tad-WTO dwar il-Kunsill TRIPS tat-8 u d-9 ta' Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
Trattat ta' Lisbona
A. billi l-UE għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-Politika Kummerċjali Komuni (PKK); billi, bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament se jkollu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għat-test tal-ACTA, qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu fl-UE,
Is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati u n-negozjaturi
B. billi fl-2008 l-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħrajn tal-OECD fetħu negozjati dwar ftehim plurilaterali ġdid intiż biex isaħħaħ l-infurzar tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (DPI) u jiġġieled kontra l-falsifikazzjoni (Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni – ACTA),
C. billi l-11-il rawnd, u l-aktar reċenti, tan-negozjati għall-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA) ġie konkluż f'Tokjo, il-Ġappun, fit-2 ta' Ottubru 2010,
D. billi n-negozjaturi tal-ACTA ppubblikaw it-test konsolidat fis-6 ta' Ottubru 2010 u wara din id-data, il-Kummissjoni għarrfet lill-Parlament; billi l-Kummissjoni xandret pubblikament it-Test finali tal-ACTA fil-15 ta' Novembru 2010; billi se ssir laqgħa teknika f'Sydney (bejn it-30 ta' Novembru u t-3 ta' Diċembru (jew jekk ikun meħtieġ l-4 ta' Diċembru) 2010) biex il-ftehim jgħaddi mill-għarbiel legali finali,
E. billi rappreżentanti tal-Kunsill attendew għar-rawnds ta' negozjati dwar l-ACTA flimkien ma' rappreżentanti tal-Kummissjoni,
F. billi 11-il pajjiż biss (jekk l-UE titqies bħala pajjiż wieħed) u fosthom żewġ pajjiżi biss li qed jiżviluppaw (il-Marokk u l-Messiku) ħadu sehem fin-negozjati,
G. billi l-għan tal-partijiet li qegħdin jinnegozjaw hu li l-ACTA jiġi estiż għal pajjiżi li qed jiżviluppaw u pajjiżi emerġenti; billi sħab kummerċjali importanti bħall-Indja, il-Brażil u ċ-Ċina stqarrew fil-Kunsill TRIPS tad-WTO li l-ACTA jista' ma jkunx kompatibbli mal-Ftehim TRIPS u ma' ftehimiet oħrajn tad-WTO,
H. billi d-definizzjoni ta' x'inhu falz fil-Ftehim TRIPS hi marbuta biss mal-ksur intenzjonat rigward it-trademarks fuq skala kummerċjali (TRIPS, Parti III, Taqsima 4, Artikolu 51)[1],
Acquis communautaire
I. billi l-Kummissjoni bħala gwardjana tat-Trattati hija obbligata ssostni l-acquis communautaire meta tinnegozja ftehimiet internazzjonali li jeffettwaw il-leġiżlazzjoni fl-UE,
J. billi l-Kummissjoni rrikorriet għad-deċiżjoni tal-Ombudsman biex tiġġustifika li l-ACTA jiġi nnegozjat bħala ftehim kummerċjali u mhux bħala trattat ta' infurzar; billi l-Ombudsman qies li 'l-konklużjoni tal-ACTA tista' ġġiegħel lill-UE tipproponi u tapprova leġiżlazzjoni; f'dan il-każ, l-ACTA jikkostitwixxi l-unika jew l-akbar kunsiderazzjoni li tirfed din il-leġiżlazzjoni, u ċ-ċittadini jkollhom interess ċar li jiġu mgħarrfa dwar l-ACTA',
Drittijiet Fundamentali
K. billi kwalunkwe ftehim milħuq mill-Unjoni Ewropea dwar l-ACTA għandu jikkonforma mal-obbligi legali imposti fuq l-UE fir-rigward tal-liġi dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, kif notevolment stipulat fid-Direttiva 95/46/KE, fid-Direttiva 2002/58/KE (kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009), fid-Direttiva 2009/136/KE u d-Direttiva 2009/140/KE dwar networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja,
L. billi l-Kummissjoni ddikjarat fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta' Ottubru 2010 li 'wieħed m'għandu jsib xejn xi jgħid fl-azzjoni tal-Unjoni fejn jidħlu d-drittijiet fundamentali' u li 'l-Unjoni għandha tkun ta' eżempju f'dan ir-rigward'; billi l-Kummissjoni ddikjarat fil-Plenarja tal-20 ta' Ottubru 2010 li l-ACTA 'għadu ma ġiex inizjalat' u li 'hija l-prerogattiva tal-Kummissjoni, bħala negozjatur, li tiddeċiedi l-punt meta n-negozjati jkunu teknikament iffinalizzati u meta l-ftehim jista' jiġi inizjalat',
M. billi l-ebda dispożizzjoni fil-Ftehim ACTA ma għandha tiġi interpretata li toħloq preċedent jew li tippermetti xi deroga issa jew għall-ġejjieni, jew li timmodifika l-acquis b'mod li jista' jwassal biex jiddgħajjef il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali skont il-liġi tal-UE, u billi l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jiddikjaraw b'mod espliċitu li jaqblu ma' dan il-prinċipju,
Indikazzjonijiet ġeografiċi
N. billi l-Kummissjoni affermat aktar min darba l-importanza li jiġi infurzat il-ħarsien tal-indikazzjonijiet ġeografiċi; billi ntlaħaq qbil bejn il-partijiet li l-ACTA se jipprovdi għall-infurzar tal-kategoriji kollha ta' proprjetà intellettwali rikonoxxuti skont it-II Parti tal-Ftehim TRIPS, fosthom l-indikazzjonijiet ġeografiċi,
L-infurzar u s-sanzjonijiet kriminali
O. billi fl-2007, il-Kummissjoni nediet kwestjonarju indirizzat lill-Istati Membri biex isir studju u jiġi vverifikat jekk is-sanzjonijiet kriminali humiex essenzjali biex jiżguraw l-implimentazzjoni effikaċi tal-liġi Komunitarja fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, kif meħtieġ mill-Artikolu 83(2) TFUE,
P. billi t-taqsima dwar l-Infurzar Kriminali fl-ACTA tikkonċerna provvedimenti dwar il-proċeduri kriminali, ir-responsabilità kriminali, ir-reati kriminali, kif ukoll l-infurzar u l-pieni kriminali; billi l-Presidenza tal-Kunsill innegozjat id-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar kriminali fl-ACTA,
Q. billi d-Dikjarazzjoni bil-Miktub 12/2010 enfasizzat li r-riskji ekonomiċi u u tal-innovazzjoni għandhom jiġu evalwati qabel jittieħdu sanzjonijiet kriminali fejn diġà jeżistu miżuri ċivili,
R. billi l-Artikolu 2.14.1 tal-ACTA fih definizzjoni ta' skala kummerċjali: 'Għall-finijiet ta' din it-taqsima, atti mwettqa fuq skala kummerċjali jinkludu għallinqas dawk imwettqa bħala attivitajiet kummerċjali għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett',
S. billi n-nota 9 ta' qiegħ il-paġna tal-ACTA tgħid: 'Kull Parti għandha tittratta l-importazzjoni jew l-esportazzjoni volontarja ta' oġġetti bi trademark falza jew oġġetti bid-dritt tal-awtur foloz fuq skala kummerċjali bħala attivitajiet illegali suġġetti għal pieni kriminali skont dan l-Artikolu. Parti tista' taqdi l-obbligu tagħha dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' oġġetti bid-dritt tal-awtur foloz jew bi trademark falza billi tipprovdi għad-distribuzzjoni, il-bejgħ jew l-offerta għall-bejgħ ta' oġġetti bi trademark falza jew bid-dritt tal-awtur foloz fuq skala kummerċjali bħala attivitajiet illegali suġġetti għal pieni kriminali',
T. billi t-test tal-Artikolu 2.5.1 u 2.5.1a jagħti lok għal tħassib kbir u jiftaħ il-bibien għal miżuri li jheddu d-drittijiet tal-ħarsien tal-privatezza u tad-data taċ-ċittadini,
Aċċess għall-mediċini
U. billi l-Kummissarju għall-Kummerċ stieden lill-Parlament, waqt il-Plenarja tal-20 ta' Ottubru 2010, biex jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar il-kwistjoni pendenti ta' jekk il-privattivi għandhomx jiġu inklużi fit-taqsimiet dwar l-Infurzar Ċivili; billi n-negozjaturi tal-ACTA stqarrew li 'l-ACTA mhuwiex se jfixkel it-tranżitu transkonfinali ta' mediċini ġeneriċi leġittimi'; billi l-Parlament fir-riżoluzzjoni u d-dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu ddikjara li kwalunkwe miżura li jkollha l-għan li ssaħħaħ is-setgħat tal-ispezzjoni u l-qbid transkonfinali ta' oġġetti m'għandhiex tipperikola l-aċċess globali għal mediċini legali, sikuri u bi prezzijiet raġonevoli,
Id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali fl-ambjent diġitali
V. billi d-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku hi tal-fehma li l-fornituri tas-servizzi tal-internet m'għandhomx ikunu responsabbli għad-data li jittrażmettu jew jospitaw permezz tas-servizzi tagħhom sal-punt li tkun meħtieġa sorveljanza jew filtrazzjoni ta' data bħal din; billi l-opinjoni tal-KEPD dwar l-ACTA twissi li l-fornituri tas-servizzi tal-internet jistgħu jdaħħlu 'klawsoli fil-kuntratti tal-klijenti tagħhom li jippermettu l-monitoraġġ tad-data tagħhom u l-qtugħ tal-abbonamenti tagħhom',
W. billi l-partijiet tal-ACTA impenjaw ruħhom li jimxu mal-obbligi skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim TRIPS biex jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-innovazzjoni teknika; billi l-politiki fundamentali tal-UE marbuta mal-interoperabilità jistrieħu fuq dispożizzjonijiet fl-acquis communautaire (b'mod partikolari fid-Direttiva 91/250/KEE) li jappoġġaw ir-reverse engineering u ċ-ċirkonvenzjoni,
X. billi għadd ta' salvagwardji importanti huma inklużi fit-Test tal-ACTA kemm fil-preambolu kif ukoll fid-dispożizzjonijiet sostantivi tat-test; billi l-Artikolu 1.2 tal-ftehim jiddikjara li 'kull Parti għandha tkun ħielsa li tistabbilixxi l-metodu xieraq ta' implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim fis-sistema u l-prattika legali tagħha',
Y. billi skont il-liġijiet internazzjonali u domestiċi attwali, id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jippermettu lid-detentur tad-drittijiet li jipprevjeni ċerti atti bħal riproduzzjonijiet, twaħħil, adattamenti, id-distribuzzjoni ta' kopji u l-komunikazzjoni lill-pubbliku (inkluż li xogħol isir disponibbli għall-pubbliku b'mod interattiv); l-ebda wieħed minn dawn l-atti m'għandu jiġi mfixkel mad-dritt ta' prevenzjoni tal-użu (pereżempju, qari, wiri) ta' xogħol; kull tentattiv biex jiġi estiż id-dritt tal-awtur sabiex ikopri l-'użu' iħawwad id-distinzjoni bejn il-proprjetà intellettwali u l-aċċess ikkundizzjonat; il-Kummissjoni ma tistax issegwi approċċ li bih il-kontroll tal-aċċess għas-servizzi jitħallat mal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,
Z. billi l-Viċi President Kroes dan l-aħħar iddikjarat f'Avignon: 'Jista' jkun komdu għal xi interessi personali li ma jsirx dibattitu, jew li d-dibattitu jkun ristrett għad-dritt tal-awtur f'termini moralistiċi li sempliċement jiddemonizzaw miljuni ta' ċittadini; iżda dak mhuwiex approċċ sostenibbli; [...] Minflok sistema li ma tiffunzjonax ibbażata fuq sensiela ta' ħitan ta' Berlin kulturali, irrid li nerġgħu lura għar-raġuni; sistema fejn hemm ambjent biex jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-artisti u l-kreaturi, u mudelli ta' negozju ġodda li jixirqu aħjar lill-era diġitali', filwaqt li l-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron ħabbar modifiki sostanzjali fil-leġiżlazzjoni Britannika dwar il-proprjetà intellettwali, inter alia bl-importazzjoni tal-kunċett tal-'użu ġust',
Il-Kumitat tal-ACTA
AA. billi l-Arranġamenti Istituzzjonali fl-ACTA jikkonferixxu lill-Kumitat tal-ACTA bl-awtorità relatata, inter alia, mal-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-Ftehim, l-emendar tal-Ftehim, il-parteċipazzjoni non-governattiva u d-deċiżjonijiet rigward ir-regoli u l-proċeduri tal-Kumitat; billi l-Artikolu 21 TFUE jiggwida l-Unjoni biex tfittex it-tifrix tad-demokrazija;
1. Jieħu nota tal-isforzi tal-Kummissjoni biex titjieb it-trasparenza u l-impenn tagħha għall-ħarsien tal-innovazzjoni u l-kompetittività tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fl-ispirtu tal-ftehim qafas rivedut, tqis bis-sħiħ l-opinjoni tal-Parlament Ewropew qabel tinizjala l-Ftehim;
Acquis communautaire
2. Jappoġġa l-ambizzjoni tal-Kummissjoni biex jiġi żgurat l-infurzar sħiħ tal-acquis communautaire;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tikkonferma b'mod espliċitu, fi żmien xieraq qabel ma tibda l-proċedura ta' approvazzjoni tal-Parlament, li d-dispożizzjonijiet tal-ACTA ma jaffettwawx l-acquis communautaire, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva 95/46 (il-'Protezzjoni tad-Data'), fid-Direttiva 91/250/KEE ( id-'Direttiva dwar is-Softwer'), fid-Direttiva 2001/29/KE (id-'Direttiva dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni'), fid-Direttiva 2000/31/KE dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, b'mod partikolari l-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku), fid-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 u fid-Direttiva 2004/48/KE dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
4. Jitlob lill-Kummissjoni tikkonferma b'mod espliċitu li mhijiex se tipproponi, issa jew fil-ġejjieni, li jinbidel l-acquis sabiex jallinja ruħu ma' xi dispożizzjonijiet non-mandatorji tal-Ftehim ACTA bi kwalunkwe mod li jista' jwassal biex jonqos il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fl-UE;
Bażi legali
5. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, is-setgħat tal-PE ġew estiżi sew fil-PKK, u b'mod partikolari għall-fatt li l-PE irid jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehimiet kummerċjali kollha konklużi mill-UE;
6. Jitlob lill-Kummissjoni tikkjarifika kif jinqasmu l-kompetenzi bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni rigward it-taqsima tal-Infurzar Kriminali tal-ACTA, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mal-inizjalar tiegħu; jinsisti li l-Parlament tingħatalu evidenza li l-bażi legali għan-negozjar tal-ACTA hi konformi għalkollox mat-Trattat ta' Lisbona, qabel jiġi inizjalat il-Ftehim;
7. Jitlob, għalhekk, li jsir jaf dwar liema argumenti legali l-Kunsill u l-Kummissjoni ma jaqblux rigward il-format tal-Ftehim u li jsir jaf bil-mandat li ngħata lin-negozjatur;
Miżuri Konfinali
8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ambitu tal-Ftehim ikun limitat għas-sistema Ewropea ta' infurzar tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali kontra l-falsifikazzjoni; il-frażi 'b'mod mhux ġustifikabbli' għandha għalhekk titħalla barra mill-Artikolu 2.X;
9. Huwa mħasseb bil-kontenut tal-Artikolu 2.X ta' Taqsima 3, li jsemmi l-fatt li l-bagalji personali tal-vjaġġaturi, ukoll meta l-oġġetti li jkun fihom ikunu ta' natura mhux kummerċjali, huma koperti mill-ftehim sakemm il-partijiet ma jiddeċidux li jeskluduhom; iqis li dan l-artikolu jikkostitwixxi inċitament biex il-partijiet jadottaw regoli aktar stretti rigward il-kontrolli tal-bagalji personali tal-vjaġġaturi fil-fruntieri, filwaqt li bil-maqlub, il-Kummissjoni kellha tiddefendi l-fatt li d-drittijiet fundamentali tal-persuni ħaqqhom aktar ħarsien f'livell internazzjonali, b'mod partikolari d-dritt għall-privatezza;
L-infurzar kriminali u s-sanzjonijiet
10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika t-tweġibiet għall-kwestjonarju mniedi fl-2007 biex jiġi vverifikat jekk is-sanzjonijiet kriminali humiex essenzjali biex jiżguraw l-implimentazzjoni effikaċi tal-liġi Komunitarja fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, flimkien mal-istudju li għamlet, u biex tqis it-tweġibiet għall-kwestjonarju qabel tinizjala l-Ftehim;
11. Josserva li l-ACTA jippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji li joħorġu ordni (jiġifieri, twissija b'awtorità fl-Artikolu 2.X) kontra waħda mill-partijiet, jew parti terza; jinnota li din is-setgħa ta' twissija tmur lilhinn mid-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, li tippermetti twissija biss 'biex tipprevjeni kwalunkwe ksur imminenti'; barra minn hekk, partijiet terzi, skont din id-Direttiva, iridu jkunu involuti fil-ksur biex potenzjalment ikunu suġġetti għal ordni ta' awtorità ġudizzjarja;
12. Josserva li d-definizzjoni ta' skala kummerċjali fl-ACTA (artikolu 2.14.1) tmur lilhinn mid-definizzjoni adottata fil-25 ta' April 2007 fil-voti tiegħu rigward il-proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri kriminali bil-għan li jiżguraw li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkunu mħarsa – 2005/0127 (COD);
13. Josserva li d-definizzjoni ta' skala kummerċjali fl-Artikolu 2.14.1 ma tissodisfax il-prinċipju ta' proporzjonalità;
14. Hu tal-fehma li mhux xieraq li r-responsabilità kriminali tiġi estiża f'nota f'qiegħ il-paġna, kif sar fin-nota 9 f'qiegħ il-paġna;
15. Iħeġġeġ lin-negozjaturi tal-UE jiddefendu l-kelma 'tista'' fl-Artikolu 2.14.3 ('Kull parti tista' tipprovdi proċeduri u pieni kriminali ...');
16. Jitlob lill-Kummissjoni tinsisti biex 'għandha' tinbidel b''tista'' u, għal raġunijiet ta' ċarezza, biex jinbidel (ukoll) il-kliem 'milli jseħħ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali' bi 'milli sseħħ falsifikazzjoni';
17. Jitlob lill-Kummissjoni tispjega b'mod konvinċenti u tikkonferma li kull miżura kriminali fl-ACTA se tkun limitata għal attivitajiet kbar fuq skala kummerċjali u li l-utenti individwali li ma jkunux impenjati f'attivitajiet bħal dawn ma jistgħux u m'għandhomx jiġu suġġetti għal prosekuzzjoni kriminali permezz tal-ACTA;
18. Jenfasizza li fin-nuqqas ta' valutazzjoni tal-impatt sinifikanti u ta' salvagwardji ad hoc li jiżguraw il-proporzjonalità tagħhom fit-test tal-ACTA, il-miżuri kriminali għandhom jibqgħu fi ħdan l-ambitu pprovdut kemm mit-TRIPS kif ukoll mill-acquis communautaire;
19. Jitlob lill-KEPD jippreżenta Opinjoni dwar it-test tal-ACTA l-aktar reċenti;
Indikazzjonijiet ġeografiċi
20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem b'mod attiv biex tiġi żgurata l-prosperità tal-prodotti Ewropej fl-ekonomija dinjija permezz ta' prattiki effikaċi tal-infurzar fl-ACTA;
21. Jiddispjaċih li l-Ftehim ma jiddefinixxix 'indikazzjonijiet ġeografiċi foloz' fl-Artikolu 1.X tiegħu, billi din l-ommissjoni tista' toħloq taħwid jew, talinqas, tikkomplika l-kompiti tal-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji fl-interpretazzzjoni u fl-infurzar tal-ACTA;
22. Ma jaqbilx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li għamlet titjib importanti ħafna rigward il-ħarsien tal-indikazzjonijiet ġeografiċi; iqis li, billi l-indikazzjonijiet ġeografiċi se jibqgħu bla ħarsien fil-pajjiżi kollha li ma jirrikonoxxuhomx fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-progress f'dan il-qasam mhuwiex sodisfaċenti;
Drittijiet Fundamentali
23. Jenfasizza li l-ħarsien tal-privatezza u tad-data huma valuri bażiċi tal-Unjoni Ewropea, rikonoxxuti fl-Artikolu 8 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li jeħtieġ jiġu rispettati fil-politiki u r-regoli kollha adottati mill-UE skont l-Artikolu 16 TFUE;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament, qabel tinizjala l-Ftehim, analiżi ġuridika tat-tifsira, il-legalità u l-infurzar tal-politiki mixtieqa tal-ACTA rigward il-koperazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi u d-detenturi tad-drittijiet, partikolarment b'referenza għal kif l-isforzi koperattivi fil-komunità tan-negozju mhumiex se jillimitaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, inkluż id-dritt għall-privatezza, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għal proċess xieraq; ifakkar lill-Kummissjoni li hija prekluża mill-Ftehim Interistituzzjonali tal-2003 milli tappoġġa mekkaniżmi awtoregolatorji u koregolatorji fejn id-drittijiet fundamentali, bħad-dritt tal-libertà tal-espressjoni, ikunu fil-periklu;
25. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt, fi żmien xieraq qabel ma tibda l-proċedura ta' approvazzjoni tal-Parlament, dwar l-implimentazzjoni tal-ACTA rigward id-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data, dwar l-isforzi tal-UE li għaddejjin bħalissa biex jiġu armonizzati miżuri ta' infurzar tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, u dwar il-Kummerċ Elettroniku; tikkonkludi li l-Kummissjoni għandha tikkonsulta fil-waqt mal-Parlament dwar ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni u jekk ikun meħtieġ terġa' lura għall-mejda tan-negozjati jekk ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt ikunu jeħtieġu li jsir hekk;
Aċċess għall-mediċini
26. Jilqa' l-fatt li fit-taqsima tal-infurzar ċivili tal-ACTA, il-privattivi jistgħu jiġu esklużi, billi dan seta' jfixkel l-aċċess għal mediċini legali, bi prezzijiet raġonevoli u li jistgħu jsalvaw il-ħajjiet; jafferma li żidiet sostanzjali fid-danni u f'rimedji oħrajn għal ksur possibbli tad-dritt tal-proprjetà intellettwali se jiskoraġġixxu l-kompetizzjoni ġenerika u l-partijiet terzi involuti fil-produzzjoni, fil-bejgħ jew fid-distribuzzjoni ta' mediċini ġeneriċi bi prezz raġonevoli, partikolarment jekk dawn id-dispożizzjonijiet jiġu applikati għal prodotti in tranżitu; huwa mħasseb li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-infurzar ċivili għall-privattivi fl-ACTA tista' tkun kontra l-interess pubbliku billi jiġu infurzati privattivi fuq affarijiet ħajjin, prodotti indiġeni u mediċini tradizzjonali u din tista' tkabbar ir-riskji għall-investiment, l-inċertezza fis-suq u thedded l-innovazzjoni teknoloġika, partikolarment f'setturi fejn il-ksur ikun diffiċli li jiġi stabbilit; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tneħħi l-privattivi mit-taqsima dwar l-infurzar ċivili;
27. Jilqa' t-titjib li sar fl-abbozz tat-test tal-ACTA li jipprovdi aktar salvagwardji għall-privatezza, is-saħħa pubblika u xi mezzi ta' protezzjoni li jinsabu fil-Ftehim TRIPS; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet ta' salvagwardji fl-ACTA humiex infurzabbli b'mod ugwali rigward id-dispożizzjonijiet tal-infurzar; jitlob lill-Kummissjoni tagħti evidenza li l-ACTA mhux se jipprevjeni Stati Membri milli jintroduċu leġiżlazzjoni li tillimita r-rimedji għall-ksur, bħal dawk biex jitwessa' l-aċċess għal xogħlijiet bi dritt ta' awtur mhux magħruf u biex wieħed japprofitta ruħu mill-flessibilitajiet skont il-Ftehim TRIPS għall-garanzija ta' firxa sħiħa ta' għażliet ta' politika futuri; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni dwar jekk l-ACTA effettivament hux se jkun ftehim vinkolanti u jekk l-Artikolu 1.2 tiegħu jipprovdix flessibbiltà ġenerali għal kwalunkwe element li jista' jikkontradixxi l-ACTA fil-liġijiet nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-mekkaniżmi li jippermettu l-flessibiltà għall-Partijiet biex jadottaw eċċezzjonijiet leġittimi għall-obbligi tal-Ftehim, li jkunu konsistenti mal-objettivi u l-prinċipji tal-Ftehim TRIPS u mad-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar it-TRIPS u s-saħħa pubblika tal-2001;
28. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi salvagwardji dwar is-saħħa fit-test tal-Ftehim u mhux fil-preambolu biss;
Id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali fl-ambjent diġitali
29. Hu tal-fehma li l-'koperazzjoni' bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-intermedjarji biex jingħeleb il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandha titneħħa mill-ACTA, minħabba li twassal lill-intermedjarji biex iwaqqfu sistemi ta' monitoraġġ u soluzzjonijiet mhux ġudizzjarji, li jispiċċaw jheddu d-drittijiet tal-utenti finali għall-privatezza, għall-protezzjoni tad-data u għal proċess ġudizzjarju xieraq;
30. Hu mħasseb li definizzjoni wiesgħa ħafna ta' atti fuq 'skala kummerċjali' (Artikolu 2.14.1) flimkien mal-obbligu li jiġu żgurati sanzjonijiet għall-infurzar kriminali fil-każ ta' ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-ambjent diġitali (Artikolu 2.18.1) fosthom għall-'għajnuna f'xi attività kriminali' (Artikolu 2.14.4), tista' tinkoraġġixxi l-partijiet kontraenti ta' ftehim biex jadottaw leġiżlazzjoni li fil-prattika twassal għall-kriminalizzazzjoni ta' utenti privati u intermedjarji;
31. Jinnota li l-Ftehim (Artikolu 2.18.3) jagħti mandat għal forma ta' koperazzjoni, bħala riżultat ta' obbligu (jiġifieri, 'għandha') lill-Partijiet biex 'effettivament jindirizzaw' każijiet ta' ksur;
32. Hu mħasseb profondament dwar l-iżvelar ta' informazzjoni lil detenturi tad-drittijiet (Artikolu 2.18.4) minn awtoritajiet mhux neċessarjament ġudizzjarji ('awtoritajiet kompetenti');
33. Iħeġġeġ lin-negozjaturi tal-UE biex jerġgħu jinkludu fit-test tal-ACTA d-dispożizzjoni 2.18.9, li tgħid hekk: 'Il-proċeduri deskritti fid-dispożizzjonijiet 1-8 għandhom ikunu implimentati mingħajr preġudizzju għal-liġi ta' Parti li tadotta jew iżżomm sistema li tipprovdi għal-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi tal-internet u għall-projbizzjoni ta' obbligu ġenerali ta' kontenut ospitat u maħżun mill-fornituri tas-servizzi tal-internet b'talba tal-utenti';
34. Hu mħasseb dwar in-nuqqas ta' effikaċja globali tal-caveat imdaħħal fin-nota 14 ta' qiegħ il-paġna, li tgħid hekk: 'Mingħajr preġudizzju għall-ambitu tad-dritt tal-awtur jew ta' drittijiet relatati li jinsabu fil-liġi ta' Parti...', u dwar in-Nota tan-Negozjatur miżjuda man-nota 15 ta' qiegħ il-paġna, li tiddikjara li m'hemm l-ebda obbligu għal Parti li tagħti mandat ta' interoperabilità, li jidher li tikkontradixxi l-messaġġ indikat fl-Aġenda Diġitali adottata dan l-aħħar;
Il-Kumitat tal-ACTA
35. Hu tal-fehma li l-Kumitat tal-ACTA għandu jaħdem b'mod miftuħ, inklużiv u trasparenti; jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tippreżenta fi żmien xieraq qabel ma l-Parlament ikollu jqis l-opinjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni, ir-rakkomandazzjonijiet għat-tmexxija tal-Kumitat tal-ACTA, partikolarment rigward il-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-proċess tal-emendar tal-Ftehim;
36. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha ssostni li l-proċeduri u t-termini ta' adeżjoni għall-ACTA jkunu flessibbli kif jixraq u għandha tqis il-livelli ta' żvilupp, il-bżonnijiet u l-għanijiet tal-pajjiżi li jkunu se jaderixxu, f'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Koerenza Politika għall-Iżvilupp;
37. Jenfasizza li kull bidla f'dan il-ftehim trid tgħaddi minn skrutinju pubbliku min-naħa tal-partijiet kollha interessati u għandu jkollha l-approvazzjoni tal-Parlament; jitlob lill-Kummissjoni tikkonsulta l-Kunsill u l-Parlament Ewropew qabel ma taċċetta jew tipproponi emendi għat-test attwali fil-Kumitat tal-ACTA, fi proċess li jiżgura t-trasparenza, l-iskrutinju parlamentari u l-parteċipazzjoni pubblika;
Plurilateraliżmu kontra multilateraliżmu
38. Jiddispjaċih li l-impatt globali ta' dan il-ftehim min-natura tiegħu hu limitat bil-fatt li l-pajjiżi li huma s-sors ewlieni tal-falsifikazzjoni mhumiex parti fil-ftehim;
39. Jiddispjaċih li dawn in-negozjati u l-Ftehim qegħdin jimminaw il-fora multilaterali (pereżempju, l-WIPO u d-WTO); jenfasizza li l-Kumitat tal-ACTA m'għandux isir istituzzjoni internazzjonali ġdida;
40. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiċċara n-natura vinkolanti jew volontarja tat-test;
Il-Kundizzjonijiet tal-PE għall-approvazzjoni
41. Ifakkar li l-Ftehim ACTA jeħtieġ l-approvazzjoni tal-PE biex jidħol fis-seħħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ma jipproponux xi applikazzjoni proviżorja tal-ftehim qabel ma l-PE ikun ta l-approvazzjoni tiegħu; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li l-Parlament jirriżerva d-dritt tiegħu li ma jagħtix l-approvazzjoni għall-ACTA; jagħmilha kundizzjoni li kwalunkwe approvazzjoni għall-Ftehim ACTA trid issir bil-koperazzjoni sħiħa ta' din ir-riżoluzzjoni;
42. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-istati li huma partijiet fin-negozjati tal-ACTA.