Proċedura : 2010/2968(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0624/2010

Testi mressqa :

B7-0624/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2010 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0439

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 138kWORD 82k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0624/2010
22.11.2010
PE450.459v01-00
 
B7-0624/2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar l-istqarrija mill-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà


Edit Bauer, Philippe Juvin, Lena Kolarska-Bobińska, Eduard Kukan, Elisabeth Jeggle, Elisabeth Morin-Chartier, Mariya Nedelcheva, Eleni Theocharous f’isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà  
B7‑0624/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u r-Riżoluzzjoni 1888 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati, li jenfasizzaw ir-responsabilità tal-istati kollha biex itemmu l-impunità u biex jieħdu azzjoni legali kontra dawk responsabbli għal delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra, inklużi dawk relatati ma’ vjolenza sesswali u vjolenza oħra fuq in-nisa u l-bniet,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp li għandu jiżgura l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħidma kollha tal-UE mal-pajjiżi sħab fil-livelli kollha,

–   wara li kkunsidra l-ħatra f’Marzu 2010 ta’ Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Vjolenza Sesswali f'kunflitti armati,

–   wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunsill bit-titolu “Approċċ Komprensiv għall-Implimentazzjoni mill-UE tal-UNSCR 1325 u 1820” u d-dokument ta' ħidma dwar l-Implimentazzjoni tal-UNSCR 1325, imsaħħa mill-UNSCR 1820 fil-kuntest tal-PESD, adottati t-tnejn f'Diċembru 2008, u d-dokument tal-Kunsill dwar l-Integrazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-PESD ta’ Settembru 2006,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar in-nuqqasijiet fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–   wara li kkunsidra l-Entità dwar il-Ġeneru l-ġdida tan-Nazzjonijiet Uniti (Nisa Nazzjonijiet Uniti),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi din is-sena jaħbat l-10 anniversarju mir-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li kienet l-ewwel riżoluzzjoni li indirizzat l-impatt sproporzjonat u uniku tal-kunflitti armati fuq in-nisa u li għamlet rabta bejn l-esperjenzi tan-nisa tal-kunflitti u ż-żamma ta’ paċi u sigurtà internazzjonali, u li kopriet l-oqsma tematiċi interkonnessi tal-parteċipazzjoni, protezzjoni, prevenzjoni, għajnuna u rkupru,

B.  billi l-Jum Internazzjonali kontra l-vjolenza fuq in-nisa jitfakkar nhar il-25 ta’ Novembru,

C. billi r-riżoluzzjonijiet 1820, 1888 u 1889 tal-Kunsill tas-Sigurtà isaħħu u jikkumplimentaw ir-riżoluzzjoni 1325 u l-erbgħa li huma jridu jitqiesu bħala s-sett ta’ impenji dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà,

D. billi l-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji hija preokkupazzjoni u responsabilità komuni ta’ kull Stat Membru tan-Nazzjonijiet Uniti, kemm jekk ikun milqut minn kunflitt, kif ukoll jekk ikun donatur jew xorta oħra; jenfasizza f’dan ir-rigward l-adozzjoni f’Diċembru 2008 tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-Linji Gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontriehom, li hija sinjal politiku b’saħħtu li dawn huma prijoritajiet għall-Unjoni,

E.  billi l-Parlament Ewropew għandu josserva l-implimentazzjoni tal-approċċ wiesa’ u tal-Pjan ta’ Azzjoni prospettiv dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u u t-Tisħiħ tar-Rwol tan-Nisa fl-Azzjoni Esterna tal-UE, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar il-vjolenza fuq in-nisa u t-tfal,

F.  billi l-UE għandha tagħmilha possibbli li n-nisa jipparteċipaw fil-prevenzjoni tal-kunflitti, fl-immaniġġjar tal-kriżijiet, fit-taħditiet dwar il-paċi u fil-fażijiet ta’ wara l-kunflitti, bħall-ippjanar tar-rikostruzzjoni wara t-tiġrif tal-gwerra,

G. billi l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tikkunsidra l-istupru u l-iskjavitù sesswali, meta dawn jiffurmaw parti minn prattika sistematika u ġenerali, bħala delitti kontra l-umanità u bħala delitti tal-gwerra; billi l-istupru issa huwa rikonoxxut ukoll bħala element tar-reat ta’ ġenoċidju meta jitwettaq bil-ħsieb li jeqred, kompletament jew parzjalment, grupp partikulari; billi l-UE għandha tappoġġja sforzi maħsuba biex tintemm l-impunità għal dawk li wettqu vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal,

H. billi l-istabbiliment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ulterjuri tar-riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-KSNU fir-rigward kemm tal-istruttura interna tiegħu kif ukoll tal-azzjonijiet u l-politiki esterni tiegħu,

I.   billi l-UE adottat għadd ta' dokumenti importanti dwar kif għandhom jiġu implimentati r-riżoluzzjonijiet 1820 u 1325 tal-UNSCR,

J.   billi 2010 hija wkoll is-sena tar-reviżjoni tal-MDG plus 10,

K. billi minoranza żgħira biss tal-Istati Membri tal-UE abbozzaw pjan ta' azzjoni bl-iskop li jimplimentaw ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1325,

1.  Jenfasizza li l-10 anniversarju tar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà għandu jindika l-bidu ta' aġenda msaħħa għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 li ma tistax tagħmel progress jekk ma jkunx hemm tmexxija politika fl-ogħla livelli u riżorsi addizzjonali; jirrakkomanda bil-qawwa li din il-kwistjoni tiġi indirizzata kif dovut fl-eżami li qed isir tal-politika għad-drittijiet tal-bniedem tal-UE meta din tasal għall-elaborazzjoni ta' Strateġija komprensiva għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-Pajjiżi u għall-evalwazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, il-linji gwida tal UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati, u l-ġlieda kontra kull għamla ta' diskriminazzjoni kontrihom;

2.  Jappella għall-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji, umani u organizzattivi speċifiċi fir-rigward tal-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà; jappella sabiex jintbagħtu aktar nisa fil-missjonijiet tal-pulizija, militari, ġudizzjarji u favur l-istat tad-dritt, u f’operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa b’mod attiv fir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali ma’ stati u organizzazzjonijiet barra l-UE;

3.  Iqis it-twaqqif ta' Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bħala opportunità unika għat-tisħiħ tar-rwol tal-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1820 u 1325;

4.  Iħeġġeġ lir-RGħ/VP u lill-Istati Membri sabiex jinkludu dejjem referenza għall-UNSCR 1820 u 1325 f'kull Deċiżjoni tal-Kunsill tal-PSDK u kull mandat ta' missjoni u sabiex jiżguraw dejjem li l-missjonijiet kollha tal-PSDK jkollhom tal-anqas Konsulent għall-Ġeneru wieħed u Pjan ta' Azzjoni dwar kif jiġu implimentati aspetti rigward nisa, paċi u sigurtà; iħeġġeġ lir-RGħ/VP, lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kapijiet ta' Missjonijiet sabiex jagħmlu l-kooperazzjoni u l-konsultazzjoni ma' organizzazzjonijiet lokali tan-nisa element standard ta' kull missjoni;

5.  Jitlob li jitwaqqfu proċeduri pubbliċi ta' lment adegwati li b'mod partikolari jiffavorixxu li tiġi rrappurtata l-vjolenza bbażata fuq is-sess u l-ġeneru; jistieden lir-RGħ/VP sabiex tinkludi rappurtaġġ dettaljat dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà fl-evalwazzjoni ta' kull sitt xhur tal-missjonijiet tal-PSDK;

6.  Ifakkar fl-istupri tal-massa minn gruppi li seħħew mit-30 ta' Lulju sal-4 ta' Awwissu fid-distrett tal-minjieri fil-Lvant tal-Kongo, li tal-anqas 8 300 stupru ġew irrappurtati s-sena li għaddiet fil-Lvant tal-Kongo u li tal-anqas 1 244 mara rrapurtaw li ġew stuprati fl-ewwel tliet xhur tal-2010, li hija medja ta' 14-il stupru kuljum; iħeġġeġ liż-żewġ missjonijiet tal-UE fir-RD tal-Kongo, il-EUPOL RD Kongo u l-EUSEC RD Kongo, sabiex jagħmlu l-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali u l-parteċipazzjoni tan-nisa l-prijorità prinċipali tal-isforzi għar-riforma tas-Settur ta' Sigurtà Kongoliż;

7.  Jenfasizza l-importanza li l-UE għandha taħtar numru akbar ta’ persunal feminili bħala pulizija u suldati fil-missjonijiet tal-PSDK; il-kontinġent ta' pulizija nisa fil-forza għaż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Liberja jista' jservi bħala mudell;

8.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi stabbilit kodiċi ta' kondotta għall-persunal tal-UE li jservi f'missjonijiet militari u ċivili li jiddeskrivi l-esplojtazzjoni sesswali bħala mġiba mhux ġustifikabbli u kriminali;

9.  Jitlob l-implimentazzjoni tal-UNSCR 1325 u 1820 fid-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiżi tal-UE u sabiex jiġi mobilizzat aktar appoġġ finanzjajrju għall-parteċipazzjoni ta' nisa minn pajjiżi milquta mill-kunflitti fi proċessi Ewropej; jistieden lill-RGħ/VP, lill-Kummissarji għall-Iżviupp, it-Tkabbir u l-Għajnuna Umanitarja sabiex jagħmlu mill-aspetti li jirrigwardaw in-nisa, il-paċi u s-sigurtà parti integrali tal-ippjanar u l-programmazzjoni tal-istrumenti finanzjarji esterni bħall-EIDHR, l-ICI, l-IPA, imma speċjalment id-DCI u l-IfS;

10. Jenfasizza li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiffaċilita l-aċċess tal-NGOs żgħar għas-sussidji tal-Istrument Ewropew dwar id-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR); ifakkar li attwalment bosta organizzazzjonijiet żgħar tan-nisa jfallu minħabba l-ostakoli burokratiċi tal-applikazzjoni.

11. Jistieden lill-Kummissarju għall-Iżvilupp sabiex jappoġġa x-xogħol minn organizzazzjonijiet tan-nisa f'żoni milquta minn kunflitti; iħeġġeġ lir-RGħ/VP biex tuża l-komponent għal terminu twil ta' żmien tal-Istrument għall-Istabilità (IfS) għall-allokazzjoni ta' finanzjament ta' appoġġ għall-parteċipazzjoni tan-nisa fi proċessi relatati mal-paċi, is-sigurtà u r-rikonċiljazzjoni u sabiex tiddetermina allokazzjonijiet għan-nisa, il-paċi u s-sigurtà fil-miżuri kollha għal terminu qasir ta' żmien iffinanzjati skont l-Artikolu 3 tal-Istrument għall-Istabilità;

12. Huwa tal-fehma li d-Delegazzjonijiet tal-UE għandhom jinfurmaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħalma huma organizzazzjonijiet lokali tan-nisa, dwar l-involviment tagħhom f'reġjuni f'kunflitti u jikkonsultaw organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-ippjanar ta' politiki;

13. Jitlob żieda immedjata fil-parteċipazzjoni tan-nisa fl-inizjattivi kollha mmirati biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti, inkluż bħala medjaturi, negozjaturi u fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' soluzzjoni għall-kunflitti;

14. Jistieden lir-RGħ/VP biex tagħti bidu għal ġimgħa annwali li fiha mexxejja nisa jiġu kkonsultati u li tista' tkun kumplimentari għall-Jum Miftuħ Globali tan-Nazzjonijiet Uniti għan-Nisa u l-Paċi u li tkun segwita b'rapporti u attivitajiet ta' segwitu mid-Delegazzjonijiet tal-UE;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-vjolenza sesswali f'kunflitti armati u lill-Kap tal-Entità tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġeneru (Nisa Nazzjonijiet Uniti) li għadha kemm inħatret.

Avviż legali - Politika tal-privatezza