MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà
22.11.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Norica Nicolai, Marielle De Sarnez f’isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0624/2010
B7‑0626/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u r-Riżoluzzjoni 1888 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati, li tenfasizza r-responsabilità tal-istati kollha li jtemmu l-impunità u li jieħdu azzjoni legali kontra dawk responsabbli ta’ delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra, inklużi dawk relatati ma’ vjolenza sesswali u vjolenza oħra fuq in-nisa u l-bniet,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp li għandu jiżgura l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħidma kollha tal-UE ma’ pajjiżi sħab fil-livelli kollha,
– wara li kkunsidra l-ħatra f’Marzu 2010 ta’ Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Vjolenza Sesswali f'kunflitti armati,
– wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunsill bit-titolu “Approċċ Komprensiv għall-Implimentazzjoni mill-UE tal-UNSCR 1325 u 1820” u d-dokument operazzjonali dwar l-Implimentazzjoni tal-UNSCR 1325 kif imsaħħa mill-UNSCR 1820 fil-kuntest tal-PESD, it-tnejn adottati f'Diċembru 2008, u d-dokument tal-Kunsill dwar l-Integrazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-PESD ta’ Settembru 2006,
– wara li kkunsidra l-linja gwida tal-UE dwar il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet u l-linji gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2009 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet barranin tal-UE u fil-konsolidazzjoni tal-paċi u tal-istrutturi tal-Istat,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2006 dwar in-nisa f'kunflitti armati u dwar ir-rwol tagħhom fir-rikostruzzjoni wara l-kunflitt,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2006 dwar in-nisa fil-politika,
– wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, tas-sottokumitat SEDE tal-PE, tal-2007,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar in-nuqqasijiet fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,
– wara li kkunsidra l-Entità dwar il-Ġeneru l-ġdida tan-NU (Nisa Nazzjonijiet Uniti),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-2010 jaħbat l-10 anniversarju mir-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li hi l-ewwel riżoluzzjoni li indirizzat l-impatt sproporzjonat u uniku tal-kunflitti armati fuq in-nisa u li rabtet l-esperjenzi tan-nisa tal-kunflitti maż-żamma tal- paċi u s-sigurtà internazzjonali filwaqt li kopriet l-oqsma tematiċi interkonnessi tal-parteċipazzjoni, protezzjoni, prevenzjoni, għajnuna u rkupru,
B. billi l-25 ta’ Novembru hu l-Jum Internazzjonali kontra l-vjolenza fuq in-nisa,
C. billi r-riżoluzzjonijiet 1820, 1888 u 1889 tal-Kunsill tas-Sigurtà jsaħħu u jikkumplementaw ir-riżoluzzjoni 1325 u billi l-erbgħa li huma jridu jitqiesu bħala l-ġabra tal-impenji dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà,
D. billi l-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji hija problema u responsabilità komuni ta’ kull Stat Membru tan-NU; jenfasizza f’dan ir-rigward l-adozzjoni f’Diċembru 2008 tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-Linji Gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontriehom, li hija sinjal politiku b’saħħtu li dawn huma prijoritajiet għall-Unjoni,
E. billi l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet 1820 u 1325 tal-UNSC għandhom ikunu prijorità fl-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE u jipprovdu appoġġ xieraq lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f’kunflitti armati u f’pajjiżi u reġjuni milquta minn kunflitti,
F. billi l-Parlament Ewropew għandu josserva l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti ta’ Setgħa lin-Nisa fl-Azzjoni Esterna tal-UE kif ukoll l-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal,
G. billi persepttiva tal-ġeneri f’missjonijiet ċivili jew militari żżid ħafna l-effikaċja operazzjonali, li fiha l-UE tista’ tipprovdi valur miżjud bħala attur pożittiv fir-reazzjoni għan-nisa u l-kunflitti armati,
H. billi l-UE għandha tagħmilha possibbli li jkun hemm sehem indaqs tan-nisa fil-prevenzjoni tal-kunflitti, fl-immaniġġjar tal-kriżijiet, fit-taħditiet dwar il-paċi u fil-fażijiet ta’ wara l-kunflitti bħalma huma l-ippjanar tar-rikostruzzjoni ta' wara gwerra,
I. billi l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tikkunsidra l-istupru u l-iskjavitù sesswali, meta dawn jiffurmaw parti minn prattika sistematika u ġenerali, bħala delitti kontra l-umanità u bħala delitti tal-gwerra; billi l-istupru issa huwa rikonoxxut ukoll bħala element ta’ reat ta’ ġenoċidju meta jitwettaq bil-ħsieb li jeqred, kompletament jew parzjalment, grupp partikulari; billi l-UE għandha tappoġġja sforzi maħsuba biex tintemm l-impunità għal dawk li wettqu vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal,
J. billi l-istabbiliment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-implimentazzjoni ulterjuri tar-riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fir-rigward kemm tal-istruttura interna tiegħu, kif ukoll tal-azzjonijiet u l-politiki esterni tiegħu,
K. billi l-UE adottat serje ta’ dokumenti importanti dwar kif timplimenta r-riżoluzzjonijiet UNSCR 1820 u 1325, iżda ftit li xejn uriet interess biex tpoġġi dawn il-linji gwida fil-prattika b’mod sistematiku u koerenti,
L. billi minoranza żgħira biss tal-Istati Membri tal-UE abbozzaw pjan ta' azzjoni bl-iskop li jimplimentaw ir-riżoluzzjoni UNSC 1325; billi l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit adottaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali,
1. Jenfasizza li l-10 anniversarju tar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għandu jikkaratterizza l-bidu ta' aġenda msaħħa għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 li ma tistax tagħmel progress jekk ma jkunx hemm tmexxija politika fl-ogħla livell u aktar riżorsi; jirrakkomanda bil-qawwa li din il-kwistjoni tiġi indirizzata kif dovut fl-eżami li qed isir tal-politika għad-drittijiet tal-bniedem tal-UE meta din tasal għall-elaborazzjoni ta' Strateġija komprensiva għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-Pajjiżi u għall-evalwazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, il-linji gwida tal UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati, u l-ġlieda kontra kull għamla ta' diskriminazzjoni kontrihom;
2. Jappella għall-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji, umani u organizzazzjonali speċifiċi u sinifikanti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-inklużjoni tal-perspettiva tas-sess fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà; jitlob li jintlaħqu l-miri ta’ ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi fil-missjonijiet tal-pulizija, militari, ġudizzjarji u favur l-istat tad-dritt u f'operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa b’mod attiv fir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali ma’ stati u organizzazzjonijiet barra l-UE;
3. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-RGħ/VP sabiex issaħħaħ ukoll il-Grupp ta' Ħidma tal-UE dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà u li għandu jagħmel reviżjoni minn pari tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar l-UNSCR 1325 u 1820, iwettaq analiżi tal-ġeneri systematika tal-missjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) u jimmoniterja u jagħti pariri lid-Delegazzjonijiet tal-UE li jinsabu f'pajjiżi u reġjuni milquta minn kunflitti;
4. Iqis it-twaqqif ta' Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bħala opportunità unika għat-tisħiħ tar-rwol tal-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1820 u 1325;
5. Iħeġġeġ għalhekk lir-RGħ/VP sabiex tmur lil hinn mill-prattika tal-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi u tagħmel impenji sostanzjali u viżibbli ħafna fir-rigward tal-persunal, tar-riżorsi finanzjarji u u tal-ġerarkija organizzattiva;
6. Jilqa' bi pjaċir is-serje ta' eventi bħal jiem miftuħa, riċevimenti u forom oħra ta' eventi pubbliċi implimentati minn tal-anqas tliet missjonijiet tal-PSDK; il-EUPM, il-EULEX u l-EUMM, sabiex jiċċelebraw l-10 anniversarju tal-UNSCR 1325; jilqa' l-ispinta mogħtija mis-CPCC (Civilian Planning and Conduct Capability) tal-UE f'dan ir-rigward; ifakkar li missjonijiet tal-PSDK huma fost l-aktar għodda importanti tal-EU sabiex juru l-impenn favur l-objettivi tal-UNSCR 1820 u 1325 f'pajjiżi u reġjuni milquta minn kriżijiet;
7. Iħeġġeġ lir-RGħ/VP u lill-Istati Membri tal-UE sabiex jinkludu referenzi għar-riżoluzzjonijiet UNSCR 1325 u 1820 fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill u fil-mandati ta' missjonijiet li jirrigwardaw il-PSDK u sabiex jiżguraw li l-missjonijiet kollha tal-PSDK jkollhom tal-anqas Konsulent wieħed dwar il-Ġeneru u Pjan ta' Azzjoni dwar kif għandhom jiġu implimentati l-objettivi tar-riżoluzzjonijiet 1325 u 1820; iħeġġeġ lir-RGħ/VP, lill-Istati Membri u l-Kapijiet ta' Missjonijiet tal-EU sabiex jagħmlu l-kooperazzjoni u l-konsultazzjoni ma' organizzazzjonijiet lokali tan-nisa element standard ta' kull missjoni;
8. Jitlob li jitwaqqfu proċeduri pubbliċi ta' lment adegwati li b'mod partikolari jiffavorixxu li tiġi rrappurtata l-vjolenza bbażata fuq is-sess u l-ġeneru; jistieden lir-RGħ/VP sabiex tinkludi rappurtaġġ dettaljat dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà fl-evalwazzjoni ta' kull sitt xhur tal-missjonijiet tal-PSDK;
9. Ifakkar fl-istupri tal-massa minn gruppi li seħħew mit-30 ta' Lulju sal-4 ta' Awwissu fid-distrett tal-minjieri fil-Lvant tal-Kongo, li s-sena li għaddiet fil-Lvant tal-Kongo ġew irrappurtati tal-anqas 8 300 stupru u li tal-anqas 1 244 mara rrapurtat li ġiet stuprata fl-ewwel tliet xhur tal-2010, li hija medja ta' 14-il stupru kuljum; iħeġġeġ liż-żewġ missjonijiet tal-UE fir-RD tal-Kongo, l-EUPOL RD Congo u l-EUSEC RD Congo, sabiex jagħmlu l-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali u l-parteċipazzjoni tan-nisa waħda mill-prijoritajiet tagħhom fil-kuntest tal-isforz biex jiġi riformat is-Settur tas-Sigurtà Kongoliż;
10. Jenfasizza kemm hu importanza li l-UE taħtar forzi ta’ pulizija nisa u suldati nisa fil-missjonijiet tal-PSDK fuq skala akbar; il-kontinġent ta' uffiċjali tal-pulizija nisa fi ħdan il-forza għaż-żamma tal-paċi tan-NU fil-Liberja jista' jservi ta’ mudell;
11. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi stabbilit kodiċi ta' kondotta għall-persunal tal-UE li jservi f'missjonijiet militari u ċivili li jikkundanna l-esplojtazzjoni sesswali bħala mġiba kriminali;
12. Jitlob l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet UNSCR 1325 u 1820 fid-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi tal-UE u sabiex jiġi mobilizzat aktar appoġġ finanzjajrju għall-parteċipazzjoni tan-nisa minn pajjiżi milquta mill-kunflitti fil-proċessi Ewropej; jistieden lill-RGħ/VP, lill-Kummissarji għall-Iżvilupp, it-Tkabbir u l-Għajnuna Umanitarja sabiex jagħmlu l-aspetti tan-nisa, il-paċi u s-sigurtà parti integrali tal-ippjanar u l-programmazzjoni tal-istrumenti finanzjarji esterni bħalma huma l-EIDHR, ICI, IPA, imma speċjalment id-DCI u l-IfS;
13. Jenfasizza li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiffaċilita l-aċċess tal-NGOs li huma iżgħar għas-sussidji tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR); ifakkar li fil-preżent bosta organizzazzjonijiet żgħar tan-nisa jsibuha diffiċli biex isibu tarf il-proċedura kumplessa tal-applikazzjoni;
14. Jistieden lill-Kummissarju għall-Iżvilupp jagħti prijorità lill-appoġġ għall-ħidma li ssir minn organizzazzjonijiet tan-nisa fiż-żoni milquta minn kunflitti; jistieden lir-RGħ/VP tuża l-komponent ta’ perjodu twil ta' żmien tal-Istrument għall-Istabilità (SgħS) għall-allokazzjoni ta' finanzjament b’appoġġ għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi relatati mal-paċi, is-sigurtà u r-rikonċiljazzjoni u tiddedika sistematikament allokazzjonijiet għan-nisa, il-paċi u s-sigurtà fil-miżuri kollha ta’ perjodu qasir ta' żmien skont l-Art. 3 tal-Istrument għall-Istabilità;
15. Huwa tal-fehma li d-delegazzjonijiet tal-UE għandhom jinfurmaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħalma huma l-organizzazzjonijiet lokali tan-nisa, dwar l-impenn tagħhom fir-reġjuni fejn għaddej kunflitt u jikkonsultaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-ippjanar tal-politiki;
16. Jitlob żieda fil-parteċipazzjoni min-naħa tan-nisa fl-inizjattivi mmirati biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti, inkluż bħala medjaturi, negozjaturi u fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta’ riżoluzzjoni għall-kunflitti;
17. Jistieden lir-RGħ/VP biex tagħti bidu għal avveniment annwali flimkien ma’ mexxejja nisa li tista' tkun kumplementari għall-Jum Miftuħ Globali tan-NU għan-Nisa u l-Paċi u li tkun segwita minn rapporti u attivitaijet ta' segwitu tad-Delegazzjonijiet tal-UE;
18. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali li għandhom jipprovdu dettalji dwar il-kalendarju tal-istrateġija nazzjonali, jistabbilixxu objettivi realistiċi, jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ superviżorji, kif ukoll jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-mekkaniżmi ta' kontroll, ta’ evalwazzjoni u ta’ superviżjoni;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-vjolenza sesswali f'kunflitti armati u lill-Kap tal-Entità tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa (UN Women) li għadha kemm inħatret.