Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0673/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0673/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI on Ukraine

23.11.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Michael Gahler, Ioannis Kasoulides, Gunnar Hökmark, Inese Vaidere, Paweł Zalewski, Cristian Dan Preda, Lena Kolarska-Bobińska, Joachim Zeller, Traian Ungureanu, Jan Kozłowski, Jacek Protasiewicz f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0650/2010

Proċedura : 2010/2934(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0673/2010
Testi mressqa :
B7-0673/2010
Testi adottati :

B7‑0673/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Ukraina

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tal-elezzjonijiet lokali li saru fil-31 ta' Ottubru 2010,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1755 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa adottata fil-5 ta' Ottubru 2010 dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Ukraina,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa approvat fid-9 ta' Settembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukraina tas-16 ta' Settembru 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet tal-14-il laqgħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari bejn l-UE u l-Ukraina, li saret fit-22 u t-23 ta' Marzu 2010 fi Brussell,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet tal-15-il laqgħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari bejn l-UE u l-Ukraina, li saret fl-4 u l-5 ta' Novembru 2010 fi Kyiv u f'Odessa,

–   wara li kkunsidra t-tibdiliet tal-aħħar minuta fil-liġi elettorali tal-Ukraina li l-Verkhovna Rada għaddiet f'Ġunju 2010, ftit qabel ma saru l-elezzjonijiet lokali,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta adottata fis-Samit bejn l-UE u l-Ukraina li sar f’Kiev fl-4 ta’ Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta adottata fis-Samit bejn l-UE u l-Ukraina li sar fi Brussell fit-22 ta' Novembru 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Sħubija tal-Lvant imnedija fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, u n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (FA) maħsub biex jissostitwixxi l-FSK,

–   wara li kkunsidra l-Programm Nazzjonali Indikattiv 2011-2013 għall-Ukraina,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Ukraina hija pajjiż Ewropew ta' importanza strateġika għall-UE; billi d-daqs, ir-riżorsi u l-popolazzjoni tagħha u l-post fejn tinsab ġeografikament jagħtu lill-Ukraina pożizzjoni distinta fl-Ewropa u jagħmluha parteċipant reġjonali ewlieni,

B.  billi l-President tal-Ukraina, Viktor Yanukovych, li għadu kif ġie elett, kif ukoll il-Parlament Ukrain (il-Verkhovna Rada tal-Ukraina) ikkonfermaw id-determinazzjoni tal-Ukraina li tissieħeb mal-Unjoni Ewropea, u billi diġà ttieħdu xi passi importanti lejn in-normi Ewropej, bħall-impenn tal-Ukraina li timplimenta l-istandards Ewropej tal-politika ekonomika u enerġetika (kif rifless, fost affarijiet oħra, bil-fatt li ssieħbet mal-Komunità Enerġetika) u t-tnedija tal-programm ekonomiku komprensiv ta' riforma, appoġġat mill-FMI,

C. billi l-gvern tal-Ukraina qed jipprepara pjan ta' riforma komprensiva, jitlob li fiha jiddaħħlu t-talbiet tal-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2010,

D. billi l-Ukraina ngħatat kreditu ta' emerġenza għal li jista' jkun mill-Fond Monetarju Internazzjonali,

E.  billi saru allegazzjonijiet li l-libertà demokratika, bħal-libertà tal-assemblea, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, sfaw taħt pressjoni matul ix-xhur reċenti,

F.  billi wara l-elezzjonijiet presidenzjali qed ikun hemm dejjem iktar sinjali preokkupanti ta' tnaqqir tad-demokrazija u l-pluraliżmu fir-rigward, b’mod partikolari, tat-trattament ta’ xi NGOs u lmenti individwali minn ġurnalisti dwar pressjoni mill-edituri tagħhom jew mis-sidien tal-istabbilimenti tal-midja tagħhom biex ikopru jew ma jkoprux ċerti avvenimenti, kif ukoll attività iktar qawwija u motivata politikament tas-Servizz ta’ Sigurtà tal-Ukraina u l-użu politiku ħażin tar-riżorsi tas-sistema amministrattiva u ġudizzjarja,

G. billi s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Ukraina tal-1 ta' Ottubru 2010 terġa' tistabbilixxi l-kostituzzjoni tal-1996; billi għandu jibqa' prijoritarju l-istabbiliment ta' sistema demokratika, effettiva u dejjiema ta' kontrolli u bilanċi u l-proċess biex dan jintlaħaq għandu jkun miftuħ, inklużiv u aċċesibbli għall-partiti politiċi u l-atturi kollha tal-Ukraina,

H. billi saru elezzjonijiet lokali u reġjonali fl-Ukraina fil-31 ta’ Ottubru 2010; billi saret kritika dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni ta' dawn l-elezzjonijiet, dwar il-fatt li l-istandards Ewropew ta' trasparenza u ġustizzja ma ġewx issodisfati,

I.   billi mhux il-partiti kollha tħallew joħorġu għall-elezjjoni fil-provinċji u l-bliet kollha tal-pajjiż,

J.   billi delegazzjoni ad hoc tal-PE osservat il-proċedimenti tal-votazzjoni tal-31 ta' Ottubru,

K. billi fl-14-il Samit UE-Ukraina, li sar fit-22 ta' Novembru 2010 fi Brussell, l-aġenda tal-kooperazzjoni bilaterali avvanzat iktar permezz ta' qbil dwar Pjan ta' Azzjoni għal-liberalizzazzjoni tal-viżi u l-iffirmar ta' Protokoll mal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni attwali li jippermetti lill-Ukraina tipparteċipa fi programmi tal-UE,

L.  billi r-Rappreżentant tal-OSKE għal-Libertà tal-Mezzi tal-Komunikazzjoni afferma fit-13 ta' Ottubru 2010 li l-Ukraina laħqet livell għoli ta' libertà tal-midja, iżda li għandha tadotta provvedimenti urġenti biex tissalvagwardahom, u stieden lill-gvern jastjeni minn kull tentattiv li jinfluwenza jew li jiċċensura l-kontenut tal-mezzi tal-komunikazzjoni, jikkonforma mal-istandards internazzjonali dwar il-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni u jonora l-impenji tal-OSKE f'dan l-ambitu,

1.  Jenfasizza li l-Ukraina għandha perspettiva Ewropea b'rabtiet storiċi, kulturali u ekonomiċi qawwija mal-Unjoni Ewropea u li hija waħda mis-sħab ewlenin tal-Unjoni fil-viċinat tal-Lvant tagħha, ladarba għandha influwenza importatni fuq is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità tal-kontinent kollu, u jappoġġa bis-sħiħ lill-Ukraina fit-triq tagħha lejn programm ekonomiku kompensiv ta' riforma;

2.  Jesprimi, għalhekk, it-tħassib tiegħu dwar l-għadd dejjem jikber ta’ allegazzjonijiet, u rapporti kredibbli, li f’dawn l-aħħar xhur żdiedet il-pressjoni fuq il-libertajiet u d-drittijiet demokratiċi, bħal-libertà tal-għaqda, il-libertà tal-espressjoni u u l-libertà tal-midja;

3.  Jikkundanna l-elezzjonijiet lokali u reġjonali bħala mhux ħielsa, mhux ġusti u mhux demokratiċi;

4.  Ifakkar li l-leġiżlazzjoni elettorali nbidlet unilateralment ftit qabel l-elezzjoni apposta bil-għan li l-partiti u l-federazzjonijiet tal-partiti l-ġodda jiġu żvantaġġati, u li fil-perjodu immedjatament qabel l-elezzjonijiet mhux il-partiti kollha setgħu jirreġistraw fil-partijiet kollha tal-pajjiż bl-isem legali tagħhom;

5.  Ifakkar li l-kompożizzjoni tal-kummissjonijiet elettorali lokali u territorjali kollha, jew kważi kollha, kienet iddominata mill-partit fil-gvern il-ġdid fil-livell nazzjonali li f'partijiet kbar tal-pajjiż jikkuntrasta bil-qawwi mar-riżultati lokali rispettivi tal-elezzjonijiet preċedenti u anke riċenti;

6.  Ifakkar li l-awtoritajiet lokali deliberatament irreġistraw partiti finti bl-isem ta' partiti oħra eżistenti jew irrifjutaw li jirreġistraw rappreżentanti debitament rikonoxxuti tal-partiti tal-oppożizzjoni, li l-akbar partit tal-oppożizzjoni, li kien rebaħ maġġoranzi assoluti fi Kiev, fi Lviv u f'kostitwenzi oħra fl-elezzjoni presidenzjali fil-bidu ta' din is-sena, ma tħalliex joħroġ għall-elezzjonijiet lokali fi Lviv u f'reġjuni u muniċipji oħra, u li l-kunsilli distrettwali muniċipali ta' Kiev ġew aboliti b'tali mod li fil-belt kapitali ma saret l-ebda votazzjoni;

7.  Jikkritika bil-qawwi l-fatt li l-kanali tar-radju u tat-televiżjoni mal-pajjiż kollu ma rriflettewx kif suppost il-firxa sħiħa ta' opinjonijiet fil-pajjiż jew kienu anke kompletament żbilanċati;

8.  Jiddispjaċih li d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet Finali tal-15-il laqgħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari bejn l-UE u l-Ukraina ma jindirizzawx il-preparazzjonijiet insuffiċenti u manipulattivi u l-kondotta tal-elezzjonijiet lokali u reġjonali fl-Ukraina, minkejja l-fatt li l-prinċipji fundamentali tad-demokrazija u l-istandards internazzjonali għall-elezzjonijiet demokratiċi ma ġewx irrispettati;

9.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew biex ma jaċċettax il-pass lura fl-istandards demokratiċi f'din l-elezzjoni u biex jinsisti fuq it-twettiq ta' proċess kontinwu lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt u proċessi trasparenti fil-politiki tal-gvern;

10. Jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw b'mod eżawrjenti kull rapport ta' ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet, u biex jagħtu rimedju għal kull ksur li jinstab; u sabiex jinvestigaw ir-rwol tas-servizzi tas-sigurtà tal-Ukraina (SBU) fl-indħil fil-proċess demokratiku;

11. Huwa mħasseb dwar l-iżviluppi reċenti li jistgħu jheddu l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja; jistieden lill-awtoritajiet biex jieħdu l-miżuri neċessarji kollha ħalli jipproteġu dawn l-aspetti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u joqogħdu lura minn kwalunkwe tentattiv biex jikkontrollaw, direttament jew indirettament, il-kontentut tar-rapporti fil-midja nazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ riforma legali tas-settur tal-midja u għalhekk jilqa’ l-proposta reċenti għal Servizz ta' Xandir Pubbliku fl-Ukraina; jilqa’ wkoll l-assigurazzjonijiet pubbliċi mogħtija mill-awtoritajiet tal-Ukraina li qafas legali għandu bżonn jistabbilixxu servizz ta' xandir pubbliku, ħaġa li se tiġi konkluża sal-aħħar tas-sena; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-proċeduri legali ma jwasslux għar-revoka selettiva tal-frekwenzi tax-xandir u biex jirrevedu kwalunkwe deċiżjoni jew ħatra li tista’ twassal għal kunflitt ta’ interess;

12. Jistieden lill-gvern Ukrain biex iġib il-leġiżlazzjoni dwar il-libertà tal-midja konformi mal-istandards tal-OSKE;

13. Jiddispjaċih li r-regoli tal-elezzjoni għadhom suġġett kurrenti ta' diskussjoni u jinnota li l-liġi elettorali lokali wriet li mhix sostenibbli għall-Ukraina; jirrakkomanda lill-parteċipanti politiċi rilevanti kollha tal-gvern u tal-oppożizzjoni biex iqisu miżuri biex iżidu l-fiduċja tal-kontestanti u tal-votanti elettorali fil-proċess elettorali; jenfasizza r-Rapport tal-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-OSCE/ODIHR li kkratterizza l-elezzjonijiet parlamentari tal-2007 bħala konformi fil-parti l-kbira mal-impenji tal-OSCE u tal-Kunsill tal-Ewropa u ma' standards internazzjonali oħra għal elezzjonijiet demokratiċi, li kkonferma ambjent miftuħ u kompetittiv għat-twettiq tal-elezzjonijiet, u jinsisti li dawn il-kisbiet jeħtieġ li jkunu garantiti għal elezzjonijiet tal-ġejjieni;

14. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħew il-kredibilità u l-istabilità, l-indipendenza u l-effettività tal-istituzzjonijiet, biex b’hekk jiġi ggarantit l-istat tad-dritt u tiġi promossa riforma kostituzzjonali kunsenswali bbażata fuq il-firda ċara bejn is-setgħat u fuq sistema effettiva ta’ kontrolli u ekwilibriji bejn l-istituzzjonijiet tal-istat; jenfasizza li l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezja) hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-pakketti ta’ riforma leġiżlattiva li qed jiġu żviluppati bħalissa jkunu konformi bis-sħiħ mal-istandards u l-valuri Ewropej; jistieden lill-partijiet politiċi interessati kollha relevanti, inkluż lill-gvern u lill-oppożizzjoni jiħedu sehem f’dan il-proċess u jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jitolbu l-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar il-verżjonijiet finali tal-abbozzi ta’ liġi;

15. Jistieden li jkun hemm riforma ġuridika komprensiva u konsistenti, li tiżgura l-indipendenza tal-awtoritajiet ġudizzjarji mill-awtoritajiet eżekuttivi u tiggarantixxi r-reżistenza tagħha għall-korruzzjoni u, flimkien ma' mezzi tax-xandir indipendenti, tevita l-monopolizzazzjoni potenzjali tal-poter minn kwalunkwe waħda mill-forzi politiċi fl-Ukraina;

16. Iħeġġeġ lill-Parlament Ukrain biex jgħaddi l-abbozz ta' liġi "dwar l-aċċess għall-informazzjoni pubblika" preparat mill-Membru Parlamentari Shevchenko, li ġie approvat mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, u biex joħloq mekkaniżmi effettivi għall-implimentazzjoni tiegħu; jemmen li dan se jappoġġa iktar il-forza kontra l-korruzzjoni li l-President u l-Prim Ministru tal-Ukraina ddikkjaraw li huma marbuta magħha;

17. Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Ukraina kif miftiehem mill-14-il Samit bejn l-UE u l-Ukraina tat-22 ta' Novembru 2010; iqis li l-Pjan ta' Azzjoni huwa għodda prattika biex jitmexxew 'l quddiem riformi essenzjali fl-oqsma rilevanti, b'mod partikolari l-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt u r-rispett tal-libertajiet fundamentali, filwaqt li jenfasizza li dawn ir-riformi se jkunu kruċjali sabiex jintlaħqu l-livelli normattivi dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tassisti lill-awtoritajiet Ukraini fl-isforzi tagħhom biex javvanzaw lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża;

18. Jilqa' l-iffirmar ta' Protokoll mal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni attwali li jippermetti lill-Ukraina tipparteċipa fi programmi tal-UE f'oqsma bħalma huma n-negozju u l-intraprenditorjat, l-enerġija u l-informazzjoni, il-komunikazzjoni u t-teknoloġija;

19. Jinsab imħasseb dwar il-każ ta’ vjolenza u intimidazzjoni fuq ġurnalisti u dwar l-għejbien ta’ Vasyl Klymentiev, ġurnalist tan-Novy Styl nhar il-11 ta’ Awwissu 2010; jinsab kunfidenti li l-awtoritajiet Ukraini se jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex itemmu l-investigazzjoni;

20. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda ta' tendenzi nazzjonalisti fir-reġjuni tal-lvant tal-Ukraina, kif riflessi fis-suċċess tal-elezzjoni ta' partit nazzjonalist xovinista bl-isem 'Swoboda' li bis-sensiela ta' voti ta' 20-30% diġà kiber u sar attur lokali maġġuri fir-reġjun, u jieħu nota tar-rapporti tal-midja li dan il-partit politiku huwa marbut ma' sostenituri tal-partit il-ġdid li qed jiggverna fil-livell nazzjonali;

21. Jilqa', b'referenza għall-għajnuna makrofinanzjarja ta' EUR 500 miljun li ngħatat mill-UE lill-Ukraina fl-2010, l-impenn tal-UE li tipprovdi appoġġ addizzjonali permezz ta' għajnuna makrofinanzjarja ta' EUR 610 miljun; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, li kwalunkwe għajnuna finanzjarja għandha tkun relatata ħafna mal-kontinwazzjoni tar-riformi, il-konformità tagħhom mal-istandards tal-UE, kif ukoll mal-osservanza tal-istat tad-dritt;

22. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinnegozja l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles profond u komprensiv mal-Ukraina b'tali mod li d-dispożizzjonijiet tagħha mhux biss jiftħu s-swieq tal-UE u tal-Ukraina għall-kummerċ reċiprokament benefiku, imma jappoġġa l-modernizzazzjoni tal-ekonomija tal-Ukraina;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE.