MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar Strateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE qabel it-Tielet Summit Afrika-UE
8.12.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0693/2010
B7‑0693/2010
dwar Strateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE qabel it-Tielet Summit Afrika-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE ("Strateġija Konġunta") u l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni (2008-2010) għall-implimentazzjoni tas-Sħubija Strateġika bejn l-Afrika u l-UE, adottat mill-UE u l-kapijiet ta’ Stati u gvernijiet Afrikani fil-laqgħa f’Lisbona fit-8 u d-9 ta’ Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra l-konklużjoni tat-Tielet Summit bejn l-Afrika u l-UE, li sar fi Tripli fid-29-30 ta' Novembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE tista' tilħaq l-ambizzjonijiet iddikjarati tagħha biss jekk il-kwistjonijiet kruċjali li jsaħħu l-iżvilupp fl-Afrika jiġu indirizzati kif xieraq,
B. billi l-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE ma tgħallmitx mill-kooperazzjoni li kien hemm bejn iż-żewġ kontinenti dawn l-aħħar deċenni, li ffukat partikularment fuq l-interess ekonomiku Ewropew hekk kif juri d-dokument dwar l-istrateġija tal-kummerċ, bl-isem ‘Ewropa Globali: Kompetizzjoni dinjija’,
C. billi l-istrateġija ta’ kummerċ tal-UE tħeġġeġ li jiġi żgurat l-aċċess tal-UE għall-materja prima tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li tinkludi l-komoditajiet tal-agrikoltura billi jinfetaħ is-suq tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-kumpaniji kbar tal-UE għas-skapitu tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw,
D. billi l-aċċess tas-suq tal-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-prattika huwa rrilegat għall-materja prima, li huwa anqas intaxxat meta mqabbla mal-prodotti pproċessati, u din il-politika qed torobt lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw bi status ta’ fornitur permanenti tal-materja prima għall-industrija tal-UE,
E. billi l-ħruġ ta' kapital illegali u l-evażjoni tat-taxxa qed iċaħħdu l-pajjiżi Afrikani mir-riżorsi finanzjarji li taħt jeħtieġu sabiex jiżviluppaw l-infrastrutturi soċjali u ekonomiċi tagħhom fil-qasam tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg ... eċċ,
F. billi l-istrateġija bejn l-Afrika u l-UE għandha tkun ibbażata fuq ftehim ġust u politika ta’ koerenza sabiex jinkiser iċ-ċiklu vizzjuż tal-faqar u d-dipendenza tal-pajjiżi Afrikani,
1. Jiddispjaċih li l-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE ma tgħallmitx mill-kooperazzjoni li kien hemm bejn iż-żewġ kontinenti dawn l-aħħar deċenni u naqqset milli tipproponi relazzjoni ġdida bbażata fuq viżjoni ta’ żvilupp sostenibbli fuq perjodu twil taż-żmien, li timplika politiki soċjali u ambjentali sodi, ġusti, retti, koerenti u parteċipattiv;
2. Jenfasizza li l-prinċipji li fuqhom twaqqfet l-istrateġija konġunta bejn l-Afrika u l-UE għandhom ikunu mfassla b'tali mod li jappoġġaw il-ħtiġijiet sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġġieldu l-faqar, jiggarantixxu dħul u għajxien diċenti kif ukoll ir-realizzazzjoni tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, inklużi d-drittijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali;
3. Jiddispjaċih li l-akkwist attwali ta' art agrikola fl-Afrika minn investituri barranin appoġġjati mill-gvern, li, jekk ma jsirx sew, jipperikola s-sigurtà tal-ikel fuq livell lokali u jwassal għal konsegwenzi serji u b'firxa kbira li ma ġewx indirizzati fis-Summit;
4. Jinnota li l-kummerċ ġust bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jinvolvi l-ħlas ta’ prezz ġust għar-riżorsi u l-prodotti agrikoli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jiġifieri, prezz li jirrifletti l-ispejjeż interni u esterni, filwaqt li jiġi ggarantit standard tax-xogħol fil-qalba tal-ILO għall-kundizzjonijiet ta' ħidma kif ukoll sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tal-ambjent;
5. Jemmen li l-mexxejja Afrikani u tal-UE għandhom juru l-impenn veru tagħhom sabiex jimplimentaw mekkaniżmu li jevita l-ħruġ ta' kapital illegali u l-evażjoni tat-taxxa, tiġi promossa trasparenza sħiħa u jsir rappurtar pajjiż b'pajjiż u t-titjib fil-pressjoni internazzjonali fuq il-ġurisdizzjonijiet li jistgħu jagħtu lok għall-elużjoni jew l-evażjoni tat-taxxa fl-Afrika;
6. Huwa tal-opinjoni li l-prevenzjoni tal-kunflitt hija wkoll prekondizzjoni meħtieġa għall-paċi dejjiema u l-kawżi strutturali tal-kunflitti billi għadhom jiġu indirizzati billi titħaddem politika ta' żvilupp sostenibbli, sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet bażiċi tal-popolazzjoni Afrikana u sabiex tiġġieled il-qgħad u l-inġustizzji soċjali u ekonomiċi;
7. Iqis li l-adozzjoni tal-Liġi ġdida tal-Istati Uniti ‘Minerali ta' Kunflitt’ hija pass 'il quddiem biex jiġi miġġieled l-isfruttar illegali tal-minerali fl-Afrika, li jqanqal gwerer ċivili u kunflitti; huwa tal-opinjoni li l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom ikollhom proposti simili sabiex jiġi żgurat li l-minerali importati fis-suq tal-UE ikunu jistgħu jiġu intraċċati;
8. Iħeġġeġ lill-mexxejja Afrikani u tal-UE sabiex jindirizzaw l-aspett tal-iżvilupp relatat mat-taxxa u biex jistabbilixxu sistemi ta' taxxa effettivi u vijabbli fl-Afrika sabiex jiġi żgurat sors sostenibbli ta' finanzjament għall-iżvilupp bl-objettiv li, fuq medda twila ta' żmien, dan jissostitwixxi d-dipendenza mill-għajnuna barranija;
9. Josserva b’dispjaċir li l-UE qed tkompli tinsisti għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika mingħajr ma tiġi kkunsidrata r-riluttanza tal-pajjiżi Afrikani;
10. Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kunsill Ekonomiku, Soċjali u Kulturali tal-UA, lill-Kummissjoni tal-UA, lill-Kunsill Eżekuttiv tal-UA, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Kunsill tal-Ministri tal-AKP u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta bejn l-AKP u l-UE.