MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar Strateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE wara t-Tielet Summit Afrika-UE
8.12.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Nirj Deva, Jan Zahradil f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0693/2010
B7‑0694/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Strateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE wara t-Tielet Summit Afrika-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE ("Strateġija Konġunta") u t-tieni Pjan ta’ Azzjoni (2011 - 2013) għall-implimentazzjoni tas-Sħubija Strateġika bejn l-Afrika u l-UE u d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar it-Tibdil fil-klima, adottat mill-UE u l-kapijiet ta’ Stati u gvernijiet Afrikani fil-laqgħa fi Tripli fid-29 -30 ta’ Novembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Kotonù fit-23 ta’ Ġunju 2000(3), kif emendat bil-Ftehim li jemenda l-Ftehim ta’ Sħubija, iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005(4) (il-"Ftehim ta' Kotonù"),
– wara li kkunsidra n-nota tas-16 ta’ Diċembru 2009 mill-kumitat ad hoc tal-Parlament Pan-Afrikan għar-relazzjonijiet mal-Parlament Ewropew u mid-delegazzjoni ad-hoc tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Parlament Pan-Afrikan lill-Presidenzi fil-kariga tal-Unjoni Afrikana (UA) u l-UE, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjonijiet tal-UA dwar ir-rwol tal-Parlament Pan-Afrikan u l-Parlament Ewropew fl-implimentazzjoni u s-sorveljanza tal-Istrateġija Konġunta,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2009 bl-isem "Sena wara Lisbona: Is-sħubija bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni",
– wara li kkunsidra l-Communiqué Konġunt tal-15-il Rapport tat-Trojka Ministerjali bejn l-UE u l-Afrika, l-Addis Ababa, l-Etjopja,
– wara li kkunsidra r-Reviżjoni Konġunta ta’ Nofs il-Mandat tal-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE,
– wara li kkunsidra l-Communiqué Konġunt tat-12-il Laqgħa tat-Trojka Ministerjali bejn l-UE tat-28 ta’ April 2009,
– wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku tal-UA 2009-2012,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp dwar “it-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE” (2009/2165),
– wara li kkunisidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar is-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-Afrika u l-UE[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2005 dwar strateġija għall-Afrika[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp,
– wara li kkunsidra Artikoli 177 sa 181 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE tista' tilħaq l-ambizzjonijiet iddikjarati tagħha biss jekk il-kwistjonijiet kruċjali li jsaħħu l-iżvilupp fl-Afrika jiġu indirizzati kif xieraq,
B. billi din is-sħubija hija mibnija fuq il-valuri u l-għanijiet komuni tagħna għal governanza tajba, d-demokrazija u l-istat ta’ dritt,
C. billi ż-żewġ naħat qablu li jfittxu interessi komuni u interessi strateġiċi flimkien, lil hinn mill-mira tradizzjonali bejn min jagħti u min jirċievi,
D. billi l-Istrateġija Konġunta timmira li tmur 'lilhinn mill-iżvilupp', 'lilhinn mill-Afrika' u 'lilhinn mill-istituzzjonijiet ' biex tkopri firxa akbar ta’ kwistjonijiet globali milli kopriet fil-passat, bħall-enerġija, il-migrazzjoni, il-governanza demokratika u l-kummerċ,
E. billi fl-2009, l-UE għal darb’oħra kienet l-akbar fornitur ta’ għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja; filwaqt li fl-istess sena l-Kummissjoni Ewropea ħarġet madwar 42% tal-għajnuna tagħha lill-Afrika (EUR 4.1 biljun);
F. billi l-UE hija bla dubju ta’ xejn l-akbar msieħeb kummerċjali għall-kontinent Afrikan,
G. billi permezz tat-trawwim tal-kummerċ u aktar żvilupp fir-relazzjonijiet kummerċjali, it-tħeġġiġ tan-negozji, l-intraprenditorjat u t-twaqqif tad-drittijiet tal-proprjetà joffru triq sostenibbli għar-rotta ‘l barra mill-faqar permezz tal-ħolqien tal-ġid,
H. billi huwa importanti li jinstabu sinerġiji u jiġi evitat kull xkiel bejn l-istituzzjonijiet tal-Istrateġija Konġunta u dawk tar-relazzjonijiet diġà eżistenti, bħal pereżempju l-Ftehim ta' Kotonù, l-Istrateġija Ewro-Mediterranja u s-Sħubija Strateġika bejn l-Afrika t’Isfel u l-UE,
I. billi matul l-aħħar sena ġie stabbilit ħafna mill-arkitettura istituzzjonali u mill-metodi innovattivi ta' ħidma tal-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE iżda fil-fatt ftit inkiseb progress reali,
1. Jirrikonoxxi li minħabba li l-Kapijiet tal-Istat u l-Gvernijiet tal-Afrika u tal-UE ltaqgħu tliet sni ilu, id-dinja għaddiet minn proċess aċċellerat ta’ globalizzazzjoni u qed taffaċċja kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi akbar minn qatt qabel;
Għanijiet strateġiċi Konġunti bejn l-Afrika u l-UE
Paċi u sigurtà
2. Il-gwerra u l-kunflitti interni jeqirdu l-kisbiet tal-iżvilupp u jittraskuraw id-drittijiet tal-bniedem. Il-prevenzjoni tal-kunflitt u r-riżoluzzjoni għandu jkun prerekwiżit għall-iżvilupp tal-politika;
Governanza demokratika u drittijiet tal-bniedem
3. Jistieden lill-istati membri kollha tal-UE biex jiffirmaw, jirratifikaw u jimplimentaw b'mod effettiv il-Karta tal-UA dwar id-demokrazija, l-elezzjonijiet u l-governanza; iħares 'il quddiem għall-istrateġija li tiżviluppa ffukar aktar konsisteni fuq l-anti-korruzzjoni u l-kwistjonijiet ta' governanza fil-ġejjien;
4. Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li minkejja l-impenji repetuta tagħna lejn il-governanza demokratika u d-drittijiet tal-bniedem li Robert Mugabe ġie mistieden u pparteċipa b’mod attiv fit-Tielet Summit bejn l-Afrika u l-UE; jitlob għall-parteċipanti kollha biex jieħdu pożizzjoni politika akbar fil-ġejjien sabiex jintbagħat messaġġ ċar lill-pajjiżi Afrikani dwar it-twemmin sod tagħna f’dak li jikkonċerna l-istat tad-dritt u d-demokrazija;
Integrazzjoni reġjonali tal-kummerċ u l-infrastruttura
5. Iħeġġeġ lill-mexxejja Afrikani u tal-UE sabiex jużaw l-istrateġija bħala għodda li tagħti spinta 'l quddiem fil-kummerċ intra-kontientali Afrikan, bħala sors prinċipal għall-iżvilupp; Jinsab konvint li l-għajnuna l-aktar importanti li l-UE tista' tagħti lill-pajjiżi tal-Afrika hija t-titjib tal-kumpaniji Afrikani fl-aċċess għas-swieq Ewropej;
6. Jilqa’ l-impenji Strateġiċi sabiex jiġi promoss is-settur privat bħala l-mutur ewlieni ta’ tkabbir ekonomiku inklussiv u sostenibbli u parteċipant importanti li jipprovdi żvilupp sostenibbli fil-ġejjieni;
7. Huwa tal-opinjoni li l-infrastruttura hija settur fejn l-UE jista’ jkollha rwol importanti fil-proġetti tal-livell makro, lil hinn mill-iskop tal-programmi tal-iżvilupp tal-istati membri individwali permezz ta’ proġetti realistiċi li huma adattati għall-kondizzjonijiet lokali;
MDGs
8. Jistieden lill-parteċipanti kollha biex jiżguraw li l-istrateġija jkompli jkollha prijorità akbar fuq is-sikurezza tal-ikel u s-sovranità tal-ikel madwar l-Afrika; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi nfurzat is-settur agrikolu fl-Afrika, b’mod sostenibbli, partikularment fir-rigward tal-bdiewa żgħar;
9. Jemmen li l-istrateġija għandha tiffoka aktar attenzjoni dwar it-titjib ta’ servizzi soċjali bażiċi fl-Afrika; jistieden l-UE sabiex tgħaddi tal-anqas 20% tal-għajnuna tagħha għas-saħħa bażika u l-edukazzjoni u għall-gvernijiet Afrikani sabiex jallokaw minimu ta’ 15% tal-baġits nazzjonali tagħhom għas-saħħa;
10. Iħeġġeġ lill-mexxejja Afrikani u tal-UE, permezz tal-istrateġija, biex jiżguraw aċċess akbar għall-kreditu li jinkludu s-servizzi mikrokrediti u finanzjarji fl-Afrika;
11. Jeżorta l-mexxejja Afrikani u tal-UE biex jużaw strateġija konġunta sabiex jirkbu l-ġlieda kontra l-ħruġ ta' kapital illegali, biex tiġi promossa trasparenza sħiħa u jsir rappurtar pajjiż b'pajjiż u biex isir titjib fil-pressjoni internazzjonali fuq il-ġurisdizzjonijiet kollha li jistgħu jagħtu lok għall-evażjoni tat-taxxa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
Enerġija
12. L-UE għandha tipprovdi għajnuna għall-bini tal-kapaċità fis-settur tal-enerġija, għall-iżvilupp tas-swieq tal-enerġiji rinovabbli u għall-miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija fil-pajjiżi Afrikani;
Tibdil fil-Klima
13. Jenfasizza li l-ifqar nies fid-dinja jiġu milquta l-ewwel u l-aktar mit-tibdil fil-klima u jistieden lill-parteċipanti kollha biex jappoġġjaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jadattaw għall-impatt tat-tibdil tal-klima - u biex inaqqsu s-CO2 bil-għan li jitnaqqas il-faqar;
14. Jinnota li huwa kruċjali li jsir progress dwar ftehim globali dwar il-klima sabiex jiġi indirizzat il-faqar u f’dan il-kuntest jenfasizza l-potenzjal immens għas-sorsi naturali - ix-xemx, ir-riħ, ix-xmajjar, il-mareat li ħafna drabi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom b’mod abbundanti;
Il-migrazzjoni, l-mobilità u l-impjieg
15. Jinnota l-importanza li tingħata tweġiba olistika dwar il-kwistjonijiet tal-Migrazzjoni, il-Mobilità u l-Impjieg fl-interess kemm taż-żewġ imsieħba, bl-objettivi partikulari għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi u li jkunu aħjar għall-Afrika u sabiex il-flussi migratorji jiġu ġestiti aħjar.
Ix-xjenza, l-informazzjoni u l-ispazju
16. Iqis li l-eżodu ta' mħuħ hija problema kbira għall-Afrika, persuni professjonali li telqu mill-pajjiż għandhom jingħataw inċentivi b’saħħithom sabiex jmorru lura u japplikaw dak li tħarrġu fih għall-benefiċċju tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom;
Implimentazzjoni u arkitettura tal-istrateġija
17. Jilqa’ t-tneħid effettiv ta’ din l-istrateġija ambizzjuża minn kontinent għal kontinent matul dawn l-aħħar tliet snin; jemmen madankollu li wasal iż-żmien għall-strateġija li tipproduċi riżultati tanġibbli u valur miżjud ġenwin billi wieħed jiffoka aktar fuq mandat politiku strateġiku aktar ċar; jenfasizza l-ħtieġa tat-tmien imsieħba tematiċi tal-istrateġija sabiex jiffukaw mill-ġdid fuq anqas prijoritajiet li jwasslu għall-objettivi ċari fejn l-istrateġija tista’ toffri valur miżjud indisputibbli;
18. Jitlob għas-simplifikazzjoni ta' strateġija kumplessa żżejjed u struttura amministrattiva li diffiċli titħaddem;
19. Jenfasizza l-importanza ta’ tmexxija politika akbar min-naħa tal-Afrika u tal-UE u impenn għall-istrateġija u għall-adeżjoni konsistenti tal-imsieħba u l-pjan ta' azzjoni fil-livelli kollha;
20. Ifakkar li l-parlamenti jagħmlu parti mill-istruttura istituzzjonali tal-istrateġija, differenti mis-soċjetà ċivili, u jfakkar lill-imsieħba istituzzjonali tagħha biex ikomplu jikkunsidraw b’mod sħiħ din id-dimensjoni parlamentari fir-rigward tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni u l-implimentazzjoni;
21. Jitlob għall-involviment aktar sistematiku u effettiv tas-settur privat u tal-parlamenti nazzjonali Afrikani u s-soċjetà ċivili fl-istrateġija;
22. Jistieden lill-UE biex tassoċja l-Parlament Pan-Afrikan aktar mill-qrib fl-attivitajiet kollha tal-UE sabiex il-PAP ikun jista’ jeżegwi r-rwol tiegħu ta’ kontroll; iqis li t-tisħiħ fid-djalogu politiku bejn il-PAP u l-PE jista' jkollu benefiċċji sinifikanti;
23. Jemmen li l-UE għandha tipprovdi aktar riżorsi għall-bini tal-kapaċitajiet tal-UE u partikularment, il-PAP, u jisħaq li l-kapaċitajiet tal-verifika tal-istituzzjonijiet tal-UE għandhom bżonn jissaħħu;
24. Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kunsill Ekonomiku, Soċjali u Kulturali tal-UA, lill-Kummissjoni tal-UA, lill-Kunsill Eżekuttiv tal-UA, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Kunsill tal-Ministri tal-AKP u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta bejn l-AKP u l-UE.
- [1] (2008/2318(INI))
- [2] (005/2142(INI))