Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0696/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0696/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-futur tas-sħubija strateġika Afrika-UE qabel it-tielet samit Afrika/UE

8.12.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Michael Gahler, Mariya Nedelcheva, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0693/2010

Proċedura : 2010/2911(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0696/2010
Testi mressqa :
B7-0696/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0696/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tas-sħubija strateġika Afrika-UE qabel it-tielet samit Afrika/UE

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Tripli adottata mill-kapijiet ta' Stat u ta' gvern fit-30 ta' Novembru 2010,

 

–    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' qabel is-Samit parlamentari bejn il-Parlament Pan-Afrikan u l-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2010,

 

–   wara li kkunsidra Artikoli 177 sa 181 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sħubija bejn l-Afrika u l-Unjoni Ewropea hija bażata fuq l-interess reċiproku li jiġu valorizzati l-potenzjali rispettivi billi jiġu kkumbinati;

 

B.   billi l-Unjoni Ewropea tforni aktar minn nofs l-għajnuna għall-iżvilupp u tibqa' l-ewwel sieħba kummerċjali tal-Afrika;

 

C.  billi l-Afrika tiddiversifika s-sħubiji tagħha, partikolarment mal-pajjiżi l-kbar tal-Asja u tal-Amerika Latina;

 

1.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Strateġiku 2010-2013 u tas-sħubiji tiegħu, u jittama li dan ikun jista' jagħti valur miżjud fir-rigward tal-Ftehim ta' Cotonou u tal-Unjoni għall-Mediterran, u li jkun jirrappreżenta l-konkretizzazzjoni ta' rieda ambizzjuża f'dawk li huma relazzjonijiet interkontinentali;

 

2.   Jawspika li jinsiltu tagħlimiet mid-diffikultajiet li nibtu waqt l-applikazzjoni tal-ewwel Pjan ta' Azzjoni 2008-2010;

 

Sħubija 1. Il-paċi u s-sigurtà

3.   Jilqa' favorevolment il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta' "arkitettura Afrikana ta' paċi u ta' sigurtà" intiża biex tilqa' l-isfidi fl-oqsma tal-paċi u tas-sigurtà fil-kontinent Afrikan; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' finanzjament sostenibbli u prevedibbli tal-operazzjonijiet ta' sostenn tal-paċi fl-Afrika, il-bżonn li jinħolqu kapaċitajiet lokali ta' reżistenza għall-fallimenti u r-rieda ta' ħarsien tal-popolazzjoni ċivili fil-kunflitti armati;

Sħubija 2. Il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem

4.   Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Unjoni Afrikana jaffrontaw flimkien it-tħassib prinċipali tagħhom bħar-reazzjonijiet għall-kriżijiet politiċi u jsostnu l-governanza ekonomika bil-għan li jiżviluppaw prijoritajiet komuni f'dan il-qasam permezz ta' pjattaforma ġdida ta' djalogu dwar il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem;

5.   Jistieden, bħall-Parlament Pan-Afrikan, lill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Afrikana jirratifikaw il-Karta tal-Unjoni Afrikana dwar id-demokrazija, l-elezzjonijiet u l-governanza;

6.   Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Unjoni Afrikana jimpenjaw ruħhom biex jikkooperaw bil-għan li jistabbilixxu kollaborazzjoni aħjar bejn l-Afrika u l-Ewropa fis-sedi internazzjonali li fihom huma preżenti, b'mod partikolari fin-Nazzjonijiet Uniti;

Sħubija 3. Il-kummerċ, l-integrazzjoni reġjonali u l-infrastrutturi

7.   Jilqa' favorevolment il-ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana intiż biex jiftaħ djalogu mmirat biex isib soluzzjonijiet għat-tħassib komuni tagħhom relatat mal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika u biex isaħħaħ il-kooperazzjoni tagħhom fis-setturi tas-swieq interni u tas-servizzi finanzjarji; jirrikonoxxi li l-integrazzjoni reġjonali, il-kummerċ u l-investimenti għandhom importanza kapitali għall-istabilità ekonomika u t-tkabbir sostenibbli;

8.   Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Unjoni Afrikana jikkooperaw fil-qasam tal-materji primi, billi jpoġġu enfasi partikolari fuq t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, il-governanza, l-iżvilupp tal-infrastrutturi, l-investimenti, l-għarfien u l-kompetenzi fil-qasam tal-ġeoloġija, kif ukoll it-trasparenza tal-kuntratti ta' sfruttament tal-minjieri;

9.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Afrikana jiffaċilitaw it-twaqqif ta' qafas ġuridiku u fiskali xieraq biex, minn naħa, jinkoraġġixxi t-tkabbir ekonomiku u jattira l-investimenti barranin diretti u, min-naħa l-oħra, jelimina l-korruzzjoni u jnaqqas il-burokrazija amministrattiva u l-każijiet ta' amministrazzjoni ħażina;

10. Jistieden lill-impriżi kollha tal-Afrika u tal-Unjoni Ewropea jaħtfu l-okkażjonijiet maħluqa mis-sħubiji tal-Pjan ta' Azzjoni Strateġiku;

Sħubija 4. L-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs)

11. Josserva li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ġeddew l-impenn tagħhom li jiddedikaw 0.7% tal-PDG tagħhom lill-għajnuna pubblika għall-iżvilupp sal-2015, ħaġa essenzjali biex jintlaħqu l-MDGs sa dak iż-żmien;

12. Se jiżgura li, b'mod partikolari, it-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju jkunu fil-qalba tar-realizzazzjoni tas-sħubiji kollha;

13. Jilqa' favorevolment il-progress li sar u jinkoraġixxi t-tkomplija tal-programmi fl-oqsma tal-edukazzjoni u tas-saħħa;

14. Ifakkar li l-konkretizzazzjoni tal-MDGs tirrikjedi t-twettiq ta' attivitajiet speċifiċi fl-oqsma tas-saħħa materna, tas-saħħa infantili, tas-saħħa tat-trabi tat-twelid, tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, tal-edukazzjoni, tal-politika tal-fondi, tal-iżvilupp sostenibbli, tal-aċċess għall-ilma u s-sanità u tal-għajnuna lill-persuni b'diżabilità; jilqa' favorevolment il-progress viżibbli li sar fl-aċċelerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-politiki tal-fondi fl-Afrika u tal-proċessi fl-oqsma tas-sigurtà alimentari u tal-agrikoltura;

15. Ifakkar fir-rwol predominanti li tiżvolġi l-agrikoltura fl-ekonomiji nazzjonali Afrikani; jenfasizza għalhekk ir-rwol ċentrali tal-armonizzazzjoni tal-istandards sanitarji u fitosanitarji kif ukoll tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għas-settur agrikolu Afrikan;

Sħubija 5. L-enerġija

16. Jappoġġa u jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' miżuri konkreti mmirati biex jippromwovu l-iżvilupp tas-settur agrikolu kif ukoll tal-enerġiji rinnovabbli;

17. Jilqa' favorevolment il-programm ta' kooperazzjoni Afrika-UE fis-settur tal-enerġiji rinnovabbli kif ukoll l-objettivi politiċi fissati waqt il-laqgħa ta' livell għoli dwar l-enerġija, li saret f'Settembru 2010 fi Vjenna, li għandhom jintlaħqu sal-2020, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess ta' mitt miljun ċittadin Afrikan oħra għal servizzi enerġetiċi moderni u sostenibbli, l-irduppjar tal-kapaċità tal-konnessjonijiet elettriċi transkonfinali, kemm fl-Afrika kif ukoll bejn l-Afrika u l-Ewropa, l-irduppjar tal-użu tal-gass naturali fl-Afrika u ż-żieda fl-esportazzjonijiet ta' gass Afrikan lejn l-Ewropa, l-intensifikazzjoni tar-rikors għall-enerġiji rinnovabbli fl-Afrika u t-titjib tal-effiċjenza enerġetika fis-setturi kollha tal-kontinent;

Sħubija 6. It-tibdil fil-klima

18. Jiddispjaċih li ma kienx possibbli li tkun adottata pożizzjoni komuni dwar it-tibdil fil-klima minħabba l-fatt li l-Afrikani jqisu li l-wegħdiet li saru waqt is-Samits preċedenti ma nżammewx;

19. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Unjoni Afrikana jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet li jirriżultaw mid-deforestazzjoni u mid-degrad tal-foresti;

20. Ifakkar fl-impenn tal-Unjoni Ewropea li jimmira li jiddedika 7.2 miljun euro fil-perjodu 2010‑2012 għal inizjattivi u proġetti urġenti fil-qasam tat-tibdil fil-klima, u tħalli parti konsiderevoli ta' dan l-ammont għall-Afrika;

Sħubija 7. Il-migrazzjonijiet, il-mobilità u l-impjiegi

21. Jinnota l-effetti pożittivi tal-migrazzjoni u jinsisti fuq il-bżonn ta' strateġija komuni akkumpanjata minn kalendarju u proġetti mmirati bil-għan li jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-migrazzjoni illegali;

22. Ifakkar fl-impenn tas-sħab kollha li jimmira biex joħloq aktar impjiegi u ta' kwalità aħjar permezz tal-promozzjoni ta' tkabbir sostenibbli u mhux esklużiv;

23. Jilqa' favorevolment it-tisħiħ tal-programmi attwali favur il-mobilità tal-istudenti u tal-akkademiċi kif ukoll ta' inizjattivi bħall-università pan-Afrikana u dik biex tarmonizza l-istrutturi u l-programmi ta' tagħlim

Sħubija 8. Ix-xjenza, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-ispazju

24. Jilqa' bi pjaċir il-bidu ta' djalogu ta' livell għoli (uffiċjali għoljin u ministri) fl-oqsma tax-xjenzi u tat-teknoloġiji biex jissaħħaħ il-qafas ta' kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, b'tali mod li jitħaffef it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali fl-Afrika;

Osservazzjonijiet ġenerali

 

25. Jittama li l-intenzjonijiet ta' prinċipju li jinsabu fid-Dikjarazzjoni finali tal-kapijiet ta' Stat u ta' gvern jissarrfu f'applikazzjoni konkreta;

 

26. Josserva l-assenza ta' rappreżentanza tas-Sudan, li l-awtoritajiet tiegħu ma jikkunsidrawx lilhom infushom marbutin bid-Dikjarazzjoni ta' Tripli tal-kapijiet ta' Stat u ta' gvern, u jawspika, konformement mad-dikjarazzjoni msemmija, l-applikazzjoni tal-elementi kollha tal-Ftehim ta' Paċi tal-2005, jiġifieri anke r-referendum ippjanat għal Jannar 2011, li għandu jippermetti lis-Sudaniżi tan-Nofsinhar jagħżlu d-destin tagħhom;

 

27. Jiddispjaċih bil-fatt li l-kapijiet ta' Stat u ta' gvern ta' wħud mill-Istati fost l-aktar Stati Membri importanti tal-Unjoni Ewropea ma setgħux jipparteċipaw fis-Samit Afrika-UE;

 

28. Jawspika, għall-futur, l-adozzjoni ta' pożizzjonijiet komuni quddiem il-problemi l-kbar tad-dinja, b'mod partikolari fl-ambitu tad-diversi organi tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-organizzazzjonijiet finanzjarji dinjin;

 

29. Jiddispjaċih li l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE mhijiex akkumpanjata minn pjan ta' finanzjament u jitlob għal darb'oħra l-inklużjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) fil-baġit bil-għan li jiġi garantit kontroll parlamentari fit-tqegħid fi prospettiva tad-diversi strumenti finanzjarji Ewropej użati għar-realizzazzjoni tad-diversi sħubiji;

 

30. Jawspika involviment akbar tal-organi ministerjali fl-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija;

 

31. Jitlob li l-Parlamenti Pan-Afrikan u Ewropew ikunu jistgħu jeżerċitaw ir-rwol tagħhom ta' superviżjoni tal-applikazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Strateġiku;

 

32. Jawspika li l-Parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi kollha tal-Afrika u tal-Unjoni Ewropea jeżaminaw u jiddiskutu l-Pjan strateġiku;

 

33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE kif ukoll lill-Parlament Pan-Afrikan.