MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2011
8.12.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Guy Verhofstadt f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0688/2010
B7‑0697/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew il-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2011
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sena d-dieħla, l-2011, sejra tkun ta' importanza kruċjali għas-suċċess futur tal-Unjoni u sfida sinifikanti għall-Kummissjoni Ewropea u għall-Unjoni kollha kemm hi;
B. billi l-kriżi finanzjarja għadha qed ikollha effetti sinfikant fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri u billi jeħtieġ li jsiru aġġustamenti maġġuri sew fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-Unjoni;
C. billi l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni jistipula xi inizjattivi importanti li l-Kummissjoni jeħtiġilha tieħu fix-xhur li ġejjin,
D. billi l-Kummissjoni jeħtiġilha taġixxi sal-limitu aħħari tal-kompiti legali u tal-awtorità politika tagħha; jinnota li l-Unjoni Ewropea ma tistax tiffunzjona b'effikaċja sakemm il-Kummissjoni ma tidentifikax, ma tartikulax u ma tippromwovix l-interess ġenerali tal-Istati u taċ-ċittadini tagħha, u sakemm ma taqdix b'effiċjenza dmirha li tissorvelja l-applikazzjoni tat-Trattati u tal-liġijiet tal-UE,
Risposta għall-kriżi finanzjarja
1. Jinnota li l-isforzi li saru s'issa biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi finanzjarja u biex isostnu l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa baqgħu wisq lura minn dak li huwa meħtieġ; iwissi li, jekk l-UE ma jirnexxilhiex tiżviluppa governanza ekonomika kredibbli bil-poter li timponi d-dixxiplina fiskali u l-kapaċità li tifformula programm komuni mfassal biex ikabbar il-livell tal-investimenti f'impjiegi produttivi, il-ġejjieni tal-euro jkun ipperikolat; jinsisti li ssir riforma radikali tal-baġit tal-UE u tas-sistema tar-riżorsi proprji bħala kontribut essenzjali għan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju multinannwali ġdid; jesiġi li l-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva li tippromwovi konferenza baġitarja b'aġenda wiesgħa biex iddaħħal it-tliet istituzzjonijiet f'negozjati dwar ir-riforma tal-finanzi tal-UE u dwar is-sura tat-tibdil fundamentali bil-għan i tiddaħħal governanza ekonomika funzjonanti għal unjoni politika;
2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra bidla fit-Trattat biex tintroduċi awtomatiċità akbar sew fil-fergħa preventiva kif ukoll f'dik korrettiva tal-proċedura tal-patt ta' stabbiltà u tkabbir u biex malajr kemm jista' jkun tressaq proposti għal mekkaniżmu permanenti ta' kriżi (eż. Fond Monetarju Ewropew), kif ukoll proposti biex tintegra l-istrateġija UE 2020 fil-qafas ta' stabbiltà u biex ikun hemm rappreżentanza waħda taż-żona tal-euro;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq mill-aktar fis possibbli proposti dwar ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq u tad-Direttiva dwar l-Istrumenti Finanzjarji; jinnota, madankollu, li l-Kummissjoni Ewropea jeħtiġilha żżomm quddiem għajnejha l-impatt kumulattiv possibbli tal-proposti li tkun qed tintroduċi u l-effett potenzjali fuq is-swieq finanzjarji u l-ekonomija reali f'termini ta' tkabbir u impjiegi;
Baġit qawwi u awtonomu tal-UE
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-proposta tagħha dwar il-Qafas Finanzjarju Multinannwali (QFM), tressaq qafas ambizzjuż li jippermetti li l-Unjoni tilqa' għar-responsabbiltajiet miżjuda tagħha; iqis li l-flessibbiltà fi ħdan dan il-qafas se jkun essenzjali u jiffavorixxi QFM li joħroġ mil-prijoritajiet politiċi maqbula b'mod konġunt mill-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill wara l-elezzjonijiet parlamentari; l-impatt tal-baġit tal-UE għandu jkun massimizzat u jippermetti l-mobilizzazzjoni ta' sorsi alternattivi ta' finanzjament (ir-riserva (earmarking, bonds tal-proġetti,...);
5. Iħepġġeġ lill-Kummisjosni bil-qawwa biex tressaq proposti kuraġġużi u innovattivi dwar iż-żieda tar-riżorsi proprji tagħha b'tali mod li l-Unjoni tingħata riżorsi finanzjarji reali u awtonomi;
6. Jistieden lill-Kummissoni tippreżenta proposti bil-ħeffa għall-emenda tar-Regolamenti OLAF;
7. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi aktar apertament għal attitudni pożittiv lejn id-Dikjarazzjonjiet ta' Ġestjoni Nazzjonali (NMDs) iffirmati minn ministri tal-finanzi; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati membri joħorġu NMDs; jilqa' f'dan ir-rigward l-inizjattivi li diġà ħadu l-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja;
Is-suq uniku – investimenti futuri
8. Jappoġġa bil-qawwa aktar integrazzjoni tas-suq, immirata lejn il-lakuni sinifikanti persistenti, kif identifikati mill-Professur Monti; filwaqt li jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku, jemmen li l-proposti għandhom ikunu aktar ambzzjużi u konkreti; jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposti leġiżlattivi mill-aktar fis;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta approċċ aktar tolleranti tar-riskju u bbażat fuq il-fiduċja fil-programmi tagħha tal-R&D biex tnaqqas il-burokrazija u żżid il-parteċipazzjoni ta' impriżi innovattivi fil-proġetti; il-Kummissjoni għandha tippromwovi ulterjorment is-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat biex trawwem ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni tal-Ewropa;
10. Jitlob li jkun hemm riżoluzzjoni finali tal-problemi madwar l-istabbiliment ta' privattiv Ewropew, u, jekk dan ikun meħtieġ, tistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għall kooperazzjoni msaħħa; jenfasizza wkoll l-importanza tal-ikkompletar tas-Suq Diġitali Ewropew, għall-isfruttament tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi, fost l-oħrajn;
11. Jitlob li, fit-tħejjija tal-politika ta' koeżjoni tal-ġejjieni wara l-2013, ikun hemm politika ta' koeżjoni qawwija mal-UE kollha b'riżorsi finanzjarji adegwati u li tkun allinjata mal-objettivi tal-Istrateġija UE 2020; jopponi bil-qawwa kull renazjonalizzazzjoni. Barra minn hekk, jitlob li jsiru proposti biex itejbu l-kapaċità ta' assorbiment tal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni permezz ta' investiment fl-innovazzjoni u l-iffaċilitar tal-aċċess tal-SMEs għal-finanzjament; jemmen li applikazzjoni aħjar tal-prinċipju ta' sħubija u tal-governanza f'diversi livelli ttejjeb ir-rata ta' assorbiment;
12. Jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' inizjattiva leġiżlattiva rigward il-kabotaġġ u d-dewmien sal-2012 tal-aċċess għas-suq ferrovjarju inkluż il-ftuħ tas-suq għall-passiġġieri domestiċi; jirrimarka li filwaqt li l-linji gwida tat-TEN-T u l-proġetti prijoritarji għandhom jitlestew qabel is-sajf tal-2011, il-Programm ta' Ħidma ma fih l-ebda impenn ċar dwar dan;
13. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li ttejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema u jappoġġa l-proposta tagħha li tadatta d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol fil-qies tar-realtajiet ta' setturi differenti u tat-tradizzjonijiet differenti madwar l-Unjoni;
14. Jitlob li l-Kummissjoni toqgħod aktar attenta għall-implimentazzjoni effikaċi tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-saħħa u s-sikurezza;
15. Jitlob lill-Kummissjoni tissokta b'ħidmitha f'kooperazzjoni mal-Parlament u mal-Kunsill dwar it-titjib tal-kwalità tal-leġiżlazzjoni; f'dan il-kuntest, jitlob ukoll lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li t-tabelli ta' korrelazzjoni jkunu inklużi sistematikament fl-atti leġiżlattivi kollha;
Ewropa taċ-Ċittadini
16. Ifakkar lill-Kummissjoni li s-Sistema Komuni Ewropea tal-Asil jeħtiġilha ssir realtà sal-2012. Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija li tiffaċilita l-adozzjoni tal-pakkett dwar l-asil filwaqt li tirrispetta t-talbiet ewlenin tal-PE;
17. Jilqa' l-varar fl-2011 ta' qafas legali komprensiv ġdid għal-protezzjoni tad-dejta persunali fl-UE; jenfasizza li sejjer jeżamina bi-reqqa kull proposta, inklużi l-UE-PNR u l-UE-TFTP, għall-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali;
18. Jitlob lill-Kummissjoni tadotta strateġija aktar ambizzjuża u konkreta għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni u fl-Istati membri bili ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' monitoraġġ, ibblukkar u sanzjoni ta' atti ta' ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi biex tiggarantixxi l-ħelsien u l-pluraliżmu tal-midja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttella' quddiem il-Qorti dwak l-Istati membri li jiksru d-direttiva tal-moviment ħieles; jitlob li jkun hemm Strateġija Ewropea qawwija dwar ir-Roma, li jiġu antiċipati l-inizjattivi maħsuba dwar ir-rikonoxximent tad-dokumenti ċivili, u li jitfassal pjan tar-rotta tal-UE kontra l-omofobija u favur id-drittijiet tal-persuni LGBT;
19. Jilqa' l-aħbar tal-Kummissjoni li f-2011 se tressaq Komunikazzjoni dwar il-Modernizzazzjoni tal-Edukazzjoni Għolja, imma jinnota li jeħtieġ tittieħed aktar azzjoni biex tiżgura li l-universitajiet Ewropej jerġgħu jiksbu l-pożizzjoni li kellhom bħala ċentri ta' eċċellenza u poli tal-innovazzjoni; jenfasizza f'dan ir-rigward li għandha tinġieb 'il quddiem kooperazzjoni aktar qawwija bejn l-universitajiet u n-negozji;
20. Jappoġġa bil-qawwa lill-Kummissjoni fl-inizjattiva tagħha dwar metodi u medjazzjoni Alternattivi għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim (ADR) u jilqa' l-proposta li ġejja dwar mekkaniżmu biex jiffaċilita l-ADR fir-riżoluzzjoni ta' problemi tal-konsumatur; jitlob ukoll li jkun hemm segwitu rapidu għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni;
21. Iħeġġeġ lill-Kummisjosni Ewropea biex tkompli ssaħħaħ id-drittiejit taċ-ċittadini, partikolarment permezz tal-proposta li ġejja tagħha dwar strument legali għad-Dritt Ewropew dwar il-Kuntratti;
22. Jitlob l-eliminazzjoni tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru bl-appoġġ tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tal-vittmi u bit-talba għla qafas ġdid konkret għal tmiem tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru;
23. Jappoġġa inizjattivi maħsuba biex jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol ma' dik tal-familja permezz, inter alia, ta' miżuri dwar il-frank parentali minimu u l-protezzjoni ta' arranġamenti tax-xogħol flessibbli għan-nisa u l-irġiel u għajnuna għal min jieħu ħsieb persuni oħrajn biex ikunu jistgħu jikkombinaw l-impjieg mar-responsabbiltajiet ta' kura;
24. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta ġdida għar-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE li tistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u l-ħruġ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bħala kandidati għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu qed jgħixu fi Stat Membru li ma jkunux ċittadini tiegħu.
Ġejjieni sostenibbli
25. Jenfasizza l-imoprtanza strateġika tal-inizjattiva emblematika dwar l-effiċjenza tal-enerġija u jħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem rapidament fuq proposta ambizzjuża maħsuba biex ti;ħaq miri vinkolanti u normi konkreti fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew tal-UE 2020 dwar il-koordinament tal-politiki;
26. Jitlob strateġija ċara biex ittejjeb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE li tenfasizza l-obbligu impost fuq l-Istati membri li jispejgaw kif il-leġiżlazzjoni tal-UE tkun qed tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali u li juru li qed tiġi applikata b'effikaċja;
27. Jenfasizza li t-tħejjija tar-riforma tal-PAK jeħtiġilha tiprovdi għal politika fondamentalment imġedda li tikkombina produzzjoni aktar effiċjenti u bbażata fis-suq ta' prodotti komuni ma' appoġġ għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-finanzjament tal-PAK fil-ġejjieni jeħtieġlu jkun biżżejjed biex jilqa' għal-isfidi l-ġodda tat-tibdil fil-klima u tal-innovazzjoni; jeħtieġlu wkoll jiżgura li s-sostenibbiltà titqiegħed fil-qalba tal-PAK biex tintlaħaq il-vijabbiltà fit-tul tal-produzzjoni tal-Ikel fl-Ewropa filwaqt li tissaħħaħ il-kompetittività tal-bdiewa u l-kapaċità tagħhom għall-innovazzjoni;
28. Jitlob li ssir riforma komprensiva u ambizzjuża tal-Politika Komuni tas-Sajd li tinkludi integrazzjoni ta' approċċ ekosistemiku, ir-reġjonalizzazzjoni, eżenzjoni definita ċar għas-sajd fuq skala żgħira, żlanċ ġdid għas-settur Ewropew tal-Akkwakultura u ġlieda serja kontra s-sajd illegali, mhux regolat u mhux rappurtat kif ukoll kontra r-rimi tal-qabdiet;
29. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq leġiżlazzjoni biex tnaqqas l-emissjoinijiet tal-UE bi 30% sal-2020, speċjalment ladarba mossa bħal din tipprovdi stimolu kbir u wisq meħtieġ għall-investiment fl-użu baxx tal-karbonju, l-innovazzjoni u l-effiċjenza tal-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni tirrispetta l-impenn tagħha li tipproponi fattur indirett tal-bidla tal-użu tal-artijiet biex tiżgura li l-bijofjuwils iwasslu għal tnaqqis nett tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra;
30. Jitlob lill-Kummissjoni tadotta Pjan ta' Azzjoni dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija fil-waqt għall-Kunsill Ewropew ta' Frar dwar l-enerġija, b'miri vinkolanti tal-iffrankar tal-enerġija;
31. Jistenna l-publikazzjoni ta' White Paper dwar il-futur tat-trasport, li kienet diġa ppjanata fil-Programm ta' Ħidma tal-2010 u jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' proposta konkreta bil-għan li tippromwovi l-intermodalità bejn il-modi kollha tat-trasport;
L-Ewropa fid-dinja
32. Jenfasizza li l-Kummissjoni jeħtiġilha tikkoopera bis-sħiħ mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, mhux biss rigward it-tkabbir, l-iżvilupp, il-kummerċ u l-għajnuna umanitarja, imma wkoll dwar l-aspetti esterni ta' politiki interni, biex b'hekk is-SEAE jkun jista' jirrealizza viżjoni koerenti tal-UE fil-politiki esterni; jenfasizza l-importanza li l-Unjoni titkellem b'vuċi waħda fil-fora internazzjonali, bħalma huma n-NU u l-G20;
33. Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi attivament progress tanġibbli fin-negozjati tad-WTO li huma għaddejjin biex ir-Rawnd ta' Doha jiġi konkluż mill-aktar fis possibbli; jinsisti li t-tisħiħ ta' Ftehimiet dwar il-Kummerċ Ħieles (FTAs) eżistenti u l-konklużjoni ta' FTAs ġodda bilaterali u reġjonali huwa ta' importanza kbira, imma għandu jitqies bħala strateġija komplementari u mhux bħala alternattiv għall-qafas multilaterali;
34. Jilqa' r-rieżami mill-Kummissjoni tal-Politika Ewropea dwar il-Viċinat (PEV) u jistenna proposti konkreti matul l-2011 dwar kif jistgħu jiġu żviluppati aktar iż-żewġ dimensjonijiet multilaterali fil-PEV, is-Sħubija tal-Lvant u l-Unjoni għall-Mediterran; jissottolinea li jeħtieġ li jingħata żlanċ ġdid;
35. Jistenna lil l-Kummissjoni tissokta b'ħidmitha dwar in-negozjati tal-adeżjoni; għandhom jingħataw attenzjoni partikolari s-sitwazzjoni fil-Bosnja-Ħerzegovina u l-Moldova kif ukoll l-isforzi biex tinstab soluzzjoni għat-tilwima dwar it-tismija ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; jenfasizza li, sew jekk it-taħditiet li huma għaddejjin f'Ċipru iwasslux jew le għal ftehim komprensiv, l-Unjoni Ewropea se tkun mistennija tieħu rwol aktar sostanzjali;
36. Jappoġġa l-istabbiliment tal-Qafas Ewropew għar-Riċerka tas-Sigurtà u d-Difiża biex jiżgura l-komplementarjetà u s-sinerġiji b'tali mod li jkun hemm mod kosteffikaċi għat-tkattir tal-kapaċitajiet; jitlob ukoll l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Akkwist Ewropew tad-Difiża biex tqawwi t-trasparenza u ttejjeb il-kompetittività tal-industrija tad-difiża Ewropea;
37. Jirrimarka li r-regolament kurrenti dwar is-Sistema ta' Preferenza Ġeneralizzati (SPĠ) se jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2011 u għaldaqstant jitlob lill-Kummisjosni tipproponi, sa April 2011, regolament rivedut dwar l-SPĠ li jiddisponi li l-preferenzi mogħtija skont SPĠ jkunu inidirizzati lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw u li l-aktar jeħtiġuhom;
38. Itenni l-importanza ta' aċċess akbar għas-swieq għall-kumpaniji Ewropej, inkluża l-proposta li ġejja tal-Kummissjoni għall-appoġġ tal-SMEs fis-swieq ta' pajjiżi terzi; jirrikonoxxi l-valur ta' regoli internazzjonali li jiggarantixxu qafas legali effiċjenti u bbilanċjat fil-qasam tal-akkwist pubbliku internazzjonali; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għal proċeduri Ewropej tal-akkwist pubbliku lil operaturi esterni rigward standards multilaterali fiul-qasam tal-akkwist pubbliku;
39. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għas-segwitu tal-Green Paper dwar l-appoġġ tal-baġit. It-titjib tal-prevedibbiltà u tar-responsabbiltà huma ta' importanza kbira; għandu jkun hemm aktar involviment tal-parlamenti nazzjonali riċevituri u monitoraġġ imtejjeb min-naħa tal-Parlament Ewropew f'dan ir-rigward;
40. Biex tittejjeb ir-reattività tal-UE f'sitwazzjonijiet ta' kriżi umanitarja, għandha titwaqqaf kapaċità ta' reazzjoni rapida tal-UE u għandhom jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fil-komunikazzjoni tagħha ta' dan l-aħħar;
41. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.