MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Afrika wara t-tielet samit bejn l-UE u l-Afrika li sar f'Tripli
8.12.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Goerens, Marielle De Sarnez, Louis Michel, Ivo Vajgl, Fiona Hall f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0693/2010
B7‑0698/2010/rev
Riżoluzzjoni mill-Parlament Ewropew dwar il-futur tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Afrika wara t-tielet samit bejn l-UE u l-Afrika li sar fiTripli
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-30 ta' Novembru 2010 bejn l-UE u l-Afrika, li saret fi Tripli,
– wara li kkunsidra l-preferenzi ta' kummerċ tal-Afrika permezz tal-AGOA u tas-sħubija ta' kummerċ bejn l-Afrika u ċ-Ċina,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi id-Dikjarazzjoni li saret fi Tripli tinkorpora r-rieda tal-mexxejja differenti li tiġi konsolidata s-sħubija strateġika stabbilita tliet snin ilu bejn iż-żewġ kontinenti sabiex jintlaħħqu flimkien sfidi komuni u jiġi promoss it-tkabbir għall-benefiċċju ta' dawk kollha li jgħixu fl-Afrika, kif ukoll fl-Ewropa,
B. billi l-mexxejja tal-UE/l-Afrika stipulaw din id-dikjarazzjoni politika fi ħdan pjan ta' azzjoni ta' tliet snin (2010-2013) biex tingħata sustanza konkreta lill-prijoritajiet li ġew identifikati, bħalma huma l-paċi u s-sigurtà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ u l-infrastruttura, l-enerġija, l-immigrazzjoni u l-impjieg,
C. billi l-qerda tal-faqar tibqa' fil-qalba tad-Dikjarazzjoni konġunta bej l-UE u l-Afrika li tindirizza l-elementi strutturali li jikkaġunaw il-faqar fid-dawl ta' kriżijiet riċenti li jinkludu t-tibdil fil-klima, prezzijiet tal-ikel u taż-żejt esaġerati u l-kriżi finanzjarja,
D. billi kemm is-settur privat kif ukoll dak ċivil, b'mod partikolari dawk tal-Afrika, jistgħu jitħallew jagħmlu kontribut effettiv aktar għall-istrateġija milli għamlu sal-lum il-ġurnata.
E. billi s-sigurtà fl-ikel hija l-bażi ta' kull żvilupp u minkejja dan, 'il fuq minn kwart tal-Afrikani m'għandhomx biżżejjed x'jieklu
F. billi l-iżvilupp ta' kapaċitajiet għall-produzzjoni, l-iżvilupp tal-kapaċità tal-fornitura, iż-żieda fil-valur u d-diversifikazzjoni fl-esportazzjoni, kif ukoll l-infrastruttura li torbot flimkien pajjiżi ġirien, filwaqt li jiġi ffaċilitat il-kummerċ, se jagħmlu l-Afrika kompetittiva kemm fuq livell reġjonali kif ukoll internazzjonali,
G. billi t-trawwim tal-kummerċ u l-inkoraġġiment tan-negozji joffru direzzjoni sostenibbli li twassal għall-ħruġ miċ-ċirku vizzjuż tal-faqar.
H. billi l-korruzzjoni u t-tmexxija ħażina jipperikolaw serjament kwalunkwe progress li sar fir-riġward tal-iżvilupp,
I. billi t-trasferiment illegali tal-ħarba tal-kapital u l-evażjoni tat-taxxa jiswew biljuni ta' dollari kull sena fi dħul mitluf għan-nazzjonijiet Afrikani ,
J. billi s-sehem tal-kemmerċ tal-Afrika fix-xena dinjija waqa' għal 3% minn madwar 6% - 25 sena ilu,
K. billi n-nuqqas ta' investiment barrani fl-Afrika jibqa' problema reali,
L. billi l-kontribut tal-kummerċ intra-Afrikan għall-prestazzjoni aggregata tal-kummerċ tal-Afrika huwa l-aktar baxx meta mqabbel ma' reġjuni oħra,
M. billi fil-kummerċ għad hemm differenzi bejn ftehimiet ta sħubija ekonomika (FSE), u għandu jsir kull mhu possibbli biex dawn il-ftehimiet ikunu konklużi filwaqt li jiqties il-livell baxx tal-kapaċitajiet għall-produzzjoni tal-pajjiżi Afrikani - l-eżitu tal-iżvilupp għandu jkun ċentrali għall-eżitu tar-Ronda Doha, fil-ġejjieni.
N. billi id-Dikjarazzjoni ta' Tripli tikkonferma mill-ġdid l-impenn tal-UE biex iżżid fl-infiq tagħħa għall-għajnuna sabiex tintlaħaq il-mira kollettiva ta' 0.7% tad-Dħul Nazzjonali Gross sal-2015,
O. billi fil-bidu tas-samit bejn l-UE u l-Afrika, il-Libyan Moammar Gadhafi ħeġġeġ l-UE biex tagħti aktar sostenn lil pajjiżi Afrikani biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni illegali lejn l-Ewropa,
P. billi l-UE tibqa' l-fornitur ewlieni ta' għajuna uffijċali għall-iżvilupp globali u l-akbar donatur ta' għajnuna għall-Afrika,
1. Jilqa' t-tnedija effettiva ta' din l-istrateġija ambizzjuża minn kontinent għal ieħor matul l-aħħar tliet snin u jitlob għall-implimentazzjoni rapida tad-Dikjarazzjoni li saret fi Tripli peress li issa huwa żniem tajjeb biex l-istrateġija tkun tista' tipproduċi riżultati tanġibbli u valur miżjud genwin;
2. Jilqa' t-tmexxija tal-Unjoni Afrikana u l-inizjattivi tagħha għal integrazzjoni aħjar tal-kontinent Afrikan u għall-iżvilupp sostenibbli mtejjeb tiegħu; jirrikonoxxi wkoll id-dimensjoni importatnti tal-integrazzjoni reġjonali għat-tkabbir u l-iżvilupp u jenfasizza b'mod partikolari l-impenn tad-Dikjarazzjoni li saret fi Tripli biex l-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà ssir funzjonali bis-sħiħ b'kooperazzjoni fil-qrib mal-organizzazzjonijiet reġjonali;
3. Jilqa' l-involviment effettiv u sistematiku tas-settur privat u tal-parlamenti nazzjonali Afrikani u tas-soċjetà ċivili tal-Afrika fl-istrateġija; jenfasizza li l-politiki favur in-negozju jattiraw l-investiment privat jekk tispiċċa l-korruzzjoni, il-liġi tkun rispettata u jekk tintgħożż it-trasparenza;
4. Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-Afrika u tal-UE jonoraw l-impenn ta' Tripli u jużaw l-istrateġija bħala għodda biex jingħata spinta lill-kummerċ intrakontinentali Afrikan, inklużi pakketti ta' għajnuna aġġornati għall-komunitajiet ekonomiċi reġjonali u biex jittejbu l-infrastutturi madwar il-kontinent Afrikan; jistenna li l-UE żżomm l-impenji ta' għajnuna tagħha għall-kummerċ; jenfasizza li l-aspetti kollha tar-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u l-Afrika għandhom jikkunsidraw il-kapaċità ekonomika u ta' negozjar iktar dgħajfa tan-naħa Afrikana;
5. Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-Afrika u tal-UE biex, permezz tal-istrateġija, jiżguraw aċċess aħjar għal servizzi finanzjarji u ta' kreditu fl-Afrika;
6. Jitlob lill-mexxejja tal-UE u tal-Afrika biex jużaw l-istrateġija b'mod konġunt biex jiġġieldu kontra l-ħarba tal-kapital u l-evażjoni tat-taxxa, biex jippromwavu t-trasparenza u r-rappurtaġġ għal kull pajjiż u biex iżidu l-pressjoni internazzjonali fuq il-ġurisdizzjonijiet kollha li jistgħu jagħtu lok għal evażjoni jew evitar tat-taxxa fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;
7. Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-UE u tal-Afrika biex, permezz tal-istrateġija, jiżguraw aċċess ta' kreditu mikro għal negozji żgħar u servizzi finanzjarji trasparenti fl-Afrika u jindirizzaw l-aspett tal-iżvilupp relatat mat-taxxa billi jitwaqqfu sistemi tat-taxxa vijabbli u effettivi fl-Afrika sabiex jiġi żgurat sors sostenibbli għall-finanzjament tal-iżvilupp;
8. Jilqa' l-fatt li l-impenn konġunt bejn l-UE u l-Afrika għall-prinċipji fundamentali li jinkludu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demoktariċi, il-liġi u l-kundanna ta' kwalunkwe forma ta' terroriżmu;
9. Jilqa' l-pożizzjonijiet konġunti ambizzjużi fix-xena internazzjonali, jiġifieri fir-rigward tat-tibdil fil-klima, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-migrazzjoni, il-ftehimiet ta' kummerċ globalim ir-rappreżentanza kemm tal-UE kif ukoll tal-Afrika fl-istituzzjonijiet globali, u sabiex tintuża s-sħubija strateġika biex jitrawwem konsensus dwar kwestjonijiet ta' interess reċiproku;
10. Jenfasizza l-importanza li tġi żgurata s-sigurtà fl-ikel fl-Afrika kollha u jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-setturi tas-sajd u tal-agrikoltura fl-Afrika, b'mod sostenibbli, speċjalmant fir-rigward ta' ażjendi agrikoli żgħar;
11. Jemmen li l-enerġija li tiġġedded hija vitali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Afrika u jenfasizza t-talba tal-President Barroso għal rivoluzzjoni fl-Afrika fl-enerġiji li jiġġeddu;
12. Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex titnaqqas id-dipendenza tal-Afrika fuq fjuwils fossili u biex titnaqqas il-vulnerabbiltà li jgħolew il-prezzijiet tagħhom.
13. Jenfasizza l-importanza ta' koerenza fil-politika għall-iżvilupp bħala prinċipju li jservi ta' gwida għall-Istarteġija Konġunta tal-UE u l-Afrika, b'mod partikolari bejn politiki dwar il-kummerċ, l-iżvilupp, l-agrokoltura, is-sajd u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali;
14. Jenfasizza t-talba tal-President tal-Kunsill Herman Van Rompuy biex il-mexxejja tal-Afrika jsostnu l-ICC u "jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ għall-prinċipju tal-ġlieda kontra impunità";
15. Jenfasizza li l-politika għall-prevenzjoni tal-kunflitt hija kundizzjoni minn qabel essenzjali biex tinkiseb paċi li sservi u jilqa' l-impenn tal-UE/UA biex jindirizzaw l-elementi strutturali li jakkaġunaw il-kunflitti b'mod partikolari biex jiġu indirizzati l-kwestjonijiet li ħarġu wara r-referendum fin-Nofsinhar tas-Sudan;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/ lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikani li jinkludu l-Parlament Pan-Afrikan, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-SADC u lill-gvernijiet tal-Istati rappreżentati fis-Samit bejn l-UE u l-Afrika.