MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011
8.12.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Lothar Bisky f'isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑0701/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
A billi fl-Unjoni Ewropea kollha il-popli qed jagħmel dimostrazzjonijiet kontra l-politiki ta' awsterità tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha li qed jirriżultaw fi tnaqqis qawwi tal-pagi, tal-benefiċċji soċjali u s-servizzi pubbliċi; billi l-poplu qed jirreżisti li jkollu jħallas l-ispejjeż tal-kriżi finanzjarja kkawżata mill-imġiba irrisponsabbli tal-banek li tfittex biss il-profitti; billi l-poplu ma jaqbilx mal-politiki neoliberali li fetħu t-triq għal dan l-iżvilipp,
B. billi sadanittant l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej ċentrali qed jimponu aktar restrizzjonijiet fuq baġits nazzjonali u jsaħħu l-Patt għall-Istabilità; billi din il-politika se tikkomprimi d-domanda filwaqt li taqta' l-pagi u tħejji t-triq għall-introduzzjoni ta' programm radikali ta' liberalizzazzjoni biex b'hekk toħloq il-kundizzjonijiet għall-kriżi ekonomika ġdida; billi l-Kummissjoni Ewropea qed tħejji t-triq għall-implimentazzjoni ta' politika ta' awsterità billi tipproponi aktar riformi tal-pensjonijiet fl-2011, aktar riformi tal-protezzjoni tal-impjiegi u tas-sistemi ta' għajnuna statali u aktar liberalizzazzjoni u privatizzazzjoni,
C. billi l-banek reġgħu bdew jagħmlu profitti kbar; billi l-UE u l-Istati Membri wrew ruħhom mhux disposti li jinfurzaw restrizzjonijiet u regolamentazzjoni fuq il-kummerċ tal-banek, biex hekk jonqsu milli jaffrontaw l-għeruq tal-kriżi,
D. billi fl-UE l-krizi finanzjarja u ekonomika għadha għaddejja, akkumpanjata minn perjodu ewforiku f'xi Stati Membri, speċjalment fil-Ġermanja, u bi staġnar jew ukoll tnaqqis fl-ekonomiji ta' ċerti pajjiżi oħrajn, pereżempju l-Greċja, l-Irlanda, Spanja u l-Portugal,
E. billi fl-UE hemm total ta' 84 miljun persuna li jgħixu fil-faqar, inkluż l-għadd skandaluż ta' 19-il miljun tifel u tifla; billi fl-istess żmien kemm in-numru ta' nies għonja kif ukoll il-valur tal-għana tagħhom żdiedu;
F. billi l-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2011 jonqos milli jindirizza dawn l-isfidi; billi l-polarizzazzjoni li dejjem qiegħda tikber kif ukoll l-kontinwazzjoni ta' politiki neoliberali jgħeddu l-integrazzjoni Ewropea u l-UE nnifisha,
1. Huwa tal-fehma li l-programm tal-Kummissjoni għall-2011 qed jiffoka fuq prijoritajiet ħżiena u huwa bbażat fuq approċċi ta' politiki neoliberali li wasslu għall-kriżi ekonomika u finanzjarja; jitlob bidla radikali fil-politiki li tqiegħed l-ewwel l-espansjoni tad-domanda makroekonomika u l-promozzjoni ta' impjiegi għal kulħadd;
2. Jiddeplora l-fatt li l-proċeduri ġodda li bihom il-Kummissjoni ma tippreżentax strateġija annwali ta' politika bi tħejjija għax-xogħol tagħha jnaqqsu l-ambitu tal-influwenza tal-Parlament Ewropew fuq il-programm ta' ħidma fl-istadji bikrin tiegħu; jitlob lill-Kummissjoni biex tirretifika din is-sitwazzjoni;
3. Jinnota bi tħassib li l-ewwel sena tat-Trattat ta' Lisbona kienet karatterizzata b'tilwim kbir bejn l-istituzzjonijiet Ewropej dwar il-parteċipazzjoni demokratika u d-drittijiet ta' skrutinju tal-Parlament Ewropew; jenfasizza l-fatt li d-demokratizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea huwa fattur imperattiv għas-sopravivenza tal-Unjoni Ewropea u li t-tisħiħ tar-rwol tal-Parlament Ewropew huwa aspett importanti ta' din l-isfida ġdida;
Governanza u regolamentazzjoni ekonomika tas-settur finanzjarju
4. Ma jaċċettax il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-Governanza Ekonomika li ma jirriflettux b'mod adegwat l-iżbilanċi profondi fi ħdan l-UE; jikkritika l-fatt li dawn il-proposti huma intiżi biex isaħħu l-fergħat preventivi u korrettivi tal-Patt għall-Istabilità u t-Tkabbir, patt li hu skreditat, u dan għandu t-tendenza li jwassal l-ekonomiji ta' bosta Stati Membri għal reċessjoni profonda u li joħloq implikazzjonijiet negattivi ħafna għall-maġġoranza tal-ekonomiji Ewropej;
5. Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Patt għall-Istabilità u t-Tkabbir jiġi revokat b'mod parallel mat-twaqqif ta' Patt għall-Impjiegi u t-Tkabbir li jrawwem l-investiment pubbliku, jagħti spinta lid-domanda interna, jappoġġja mikrointrapriżi u intrapriżi zgħar u medji u jistabilixxi kriterji ekonomiċi, soċjali u ambjentali speċifiċi mfassla apposta għall-bżonnijiet partikulari ta' kull Stat Membru, u li jikkonċentra b'mod partikulari fuq it-tnaqqis tal-qgħad u l-faqar;
6. Itenni l-kritika qawwija tiegħu għall-qafas superviżorju finanzjarju ġdid fl-Unjoni; jiddeplora l-fatt li dan iħalli mhux mittifsa s-sorsi reali ta' riskji finanzjarji u li l-banek li joperaw madwar l-Ewropa se jkomplu jiġu sorveljati minn awtoritajiet nazzjonali b'setgħat dgħajfin;
7. Jitlob regoli stretti li ma jippermettux li l-banek jieħdu riskji eċċessivi u li jesternalizzaw ir-riskju għas-settur bankarju alternattiv; huwa tal-fehma li s-settur bankarju pubbliku u l-banek kooperattivi għandhom ikollhom promozzjoni minn tal-anqas bank wieħed maġġuri sabiex jiġu żgurat finanzjament għal proġetti soċjali u ekoloġiċi mixtieqa;
8. Jikkritika n-nuqqas ta' rieda tal-UE favur ir-regolamentazzjoni u tnaqqis tal-hedge funds u l-ekwità privata li kkontribwew bis-sħiħ għall-kriżi billi żiedu r-riskji makroprudenzjali; .jindika l-fatt li l-ekwità privata hija risponsabbli għaż-żarmar kbir ta' assi, it-telf bla qies ta' impjiegi u għal-likwidazzjoni ta' bosta kumpaniji fl-UE; jikkritika bil-qawwa li r-regolamentazzjoni ġdida tal-UE rigward hedge funds u ekwità privata għandha l-iskop li tistandardizza u tagħti ċertezza legali lil dawn il-prodotti ta' ħsara minflok li tnaqqashom;
9. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu r-regoli dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u sabiex titjieb is-superviżjoni tal-dawn l-aġenziji fid-dinja kollha; jitlob l-istabbiliment ta’ Aġenzija Ewropea għall-Klassifikazzjoni tal-Kreditu Pubblika sabiex jingħelbu l-kunflitti ta’ interess li jtellfu l-proċess ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu;
10. Jikkundanna bil-qawwa r-rifjut tal-Kummissjoni u tal-maġġoranza tal-Istati Membri għal kwalunkwe forma ta' taxxa fuq tranżazzjonijiet finanzjarji; huwa tal-fehma li taxxi fuq tranżazzjonijiet ta' valuta (Tobin Tax) u tranżazzjonijiet tal-boroż kummerċjali (inklużi tranżazzjonijiet diretti bejn żewġ partijiet - OTC) iridu jiddaħħlu fil-livell tal-UE;
Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar
11. Jiddeplora bil-qawwa li 'Is-Sena Ewropea tal-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali' 2010 ma kisbitx riżultati reali; jinnota li l-istrateġija ġdida għandha biss mira waħda għat-tnaqqis tal-faqar - li tnaqqas n-numru ta' persuni affettwati b'20 miljun - iżda ma tipproponix politiki effettivi; jikkritika bil-qawwa l-fatt li l-ġlieda kontra l-faqar huwa biss programm mudell li se jkun fdat għall-hekk imsejjaħ "metodu miftuħ ta' koordinazzjoni";
Politika ta' koeżjoni u fondi strutturali
12. Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu li fil-programm ta' ħidma tagħha l-Kummissjoni semmiet il-poltika għall-koeżjoni biss bħala element sussidjarju tal-inizjattiva mudell "Ewropa effiċjenti mil-lat tar-riżorsi" u b'konnesjoni mal-adattament tal-qafas finanzjarju tal-UE;
13. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-politika għall-koeżjoni m'għandhiex tkun subordinata għall-prijoritajiet tal-istrateġija neoliberali EU2020 li titfa' l-emfasi fuq il-"kompetittività", "id-deregolamentazzjoni" u l"intrapreditorjat"; jenfasizza li l-kompetittività m'għandhiex tkun subordinata għall-konverġenza fl-Istati Membri u r-reġjuni li jinsabu lura fl-iżvilupp;
14. Jenfasizza li l-politika reġjunali hija għodda indispensabbli għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, li għandha l-għan prinċipali tat-tnaqqis d-disparitajiet reġjunali, il-promozzjoni tal-konverġenza reali, l-inkoraġġiment tat-tkabbir u l-impjiegi; jinsisti li l-politika tal-konverġenza trid titkompla u tissaħħaħ wara l-2013 u għandha tibqa' dejjem politika indipendenti li tipprovdi żvilupp sostenibbli (ekonomiku, soċjali, ambjentali u territtorjali), it-tnaqqis tad-disparitajiet bejn ir-reġjuni u tan-nuqqas ta' żvilupp fl-ifqar reġjuni;
15. Jemmen li l-finanzjament eżistenti tal-UE u r-riżorsi finanzjarji attwali tal-UE għall-politika ta' koeżjoni mhumiex biżżejjed biex jaqdu l-bżonnijiet tal-konverġenza reali, id-disparitajiet reġjunali, il-livell għoli ta' nuqqas ta' impjiegi, l-inugwaljanzi fil-qligħ u l-faqar fl-Unjoni Ewropea; jindika l-bżonn li l-baġit tal-UE jissaħħaħ fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni; jenfasizza l-importanza li l-ġestjoni territorjali u l-ippjanar jibqgħu responsabbiltà tal-Istati Membri individwali;
16. Iqis li l-PGD għandu jibqa' l-kriterju prinċipali għad-determinazzjoni tal-eliġibilità għall-għajnuna tal-politika reġjunali iżda jrid ikun akkumpanjat minn indikaturi oħra li jmorru lilhinn mill-PGD, inklużi l-bżonnijiet rigward l-eradikazzjoni tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi għal kulħadd (inkluża l-governanza bejn ir-reġjuni differenti Ewropej u inugwaljanzi bbażati fuq il-qligħ u l-ġid), l-enerġija, l-użu tar-riżorsi naturali u pressjonijiet fuq l-ekosistema;
17. Jirrakkomanda li l-politika tal-koeżjoni għandha tiġi adattata għar-reġjuni l-aktar imbiegħda kif jirreferi l-Artikolu 249 tat-TFUE permezz tal-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi miżuri fuq bażi permanenti u b'finanzjament xieraq li kapaċi jadatta ruħu għall-bżonnijiet tar-reġjuni individwali l-aktar imbiegħda kollha u jgħinhom biex jittakiljaw ir-restrizzjonijiet li jiffaċċaw;
Id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema
18. Jienu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi strument leġiżlattiv li jistipula regoli għat-tisħiħ u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema; jenfasizza madankollu li hi meħtieġa reviżjoni bir-reqqa tad-Direttiva sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' pagi ugwali għal xogħol ugwali u xogħol ta' valur ugwali fl-istess post tax-xogħol u sabiex tiċċara li l-istipulazzjonijiet tagħha rigward pagi mimimi huma rekwiżiti minimi li ma jistgħux jiġu interpreTati bħala livelli massimi kif għamlet il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja;
19. Jinsisti li fid-dawl tad-dibattitu dwar bidliet ulterjuri tat-Trattat fil-kuntest tar-rawnd li jmiss ta' tkabbir, tiġi introdotta Klawsola ta' Progress Soċjali fil-liġi primarja tal-UE li tistipula li d-drittijiet fundamentali b'mod ġenerali u d-dritt għall-istrajk u l-azzjoni industrijali, in-negozjar kollettiv eċċ. dejjem ikollhom prijorità fuq il-''libertajiet fundamentali'' tas-suq intern;
Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol
20. Jesprimi preokkupazzjoni serja rigward l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol sabiex "tadatta d-Direttiva għar-realtajiet ġodda" u tiċċara l-implimentazzjoni tagħha "b'mod partikolari rigward il-problema tal-ħin 'on-call' "; ifakkar lill-Kummissjoni li l-Parlament oppona l-proposti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill sabiex tiddgħajjef id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol u li konsegentament fl-aħħar leġiżlatura parlamentari kien hemm raġunijiet tajbin għaliex falliet il-proċedura ta' konċiljazzjoni dwar dan il-fajl; iwissi lill-Kummissjoni kontra kwalunkwe tentattiv sabiex tiddgħajjef id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol meta tipproponi reviżjoni ġdida ta' dik id-Direttiva;
21. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol li tkun konformi mal-għan tar-rikonċiljazzjoni tal-impjiegi mal-ħajja privata, li inter alia, teħtieġ:
· limiti ċari relatati ma' mal-ġimgħa ta' xogħol massimu fil-livell tal-UE (bħala l-ewwel pass it-tnaqqis mir-regola li hemm bħalissa ta' 48 siegħa fil-ġimgħa għal 40 siegħa, filwaqt li jiġu eliminati d-derogi kollha u n-nuqqasijiet li hemm bħalissa fid-Direttiva eżistenti), li jkunu qed jipprovdu lill-Istati Membri b'inċentiv għall-ħin tax-xogħol fil-livell nazzjonali, biex hekk jgħinu wkoll fil-ġlieda kontra n-nuqqas ta' impjiegi;;
· l-abolizzjoni tal-possibiltajiet kollha ta' "opt out" għad-Direttiva u l-implimentazzjoni sħiħa tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ħin fuq xogħol "on call" il-post tax-xogħol irid jitqies bħala ħin ta' xogħol; ħin ta' mistrieħ kompensatorju jrid jingħata immedjatament wara l-ħin li matulu wieħed ikun fuq xogħol);
· li jekk ħaddiem ikollu iżjed minn kuntratt tax-xogħol wieħed, għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-ħin tax-xogħol tal-ħaddiem ikun it-total tal-perijodi ta' ħin maħdum għal kull wieħed mill-kuntratti;
Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol
22. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi d-Direttiva 2004/37 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra r-riskji assoċjati ma' esponiment għal sustanzi karċinoġeni u-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza li l-ambitu tad-Direttiva jeħtieġ li jitwessa' sabiex jikkunsidra l-fatturi ta' riskji u sustanzi tossiċi ġodda u li livelli ta' protezzjoni u prevenzjoni jeħtieġ titjib strett billi jagħmlu aktar restrittivi l-valuri limit ta' esponiment (OEVLs) għall-benzin, għall-monomeru tal-klorur tal-vinil u trab ta' injam iebes, kif ukoll billi jiġu definiti OELVs għal għadd akbar ta' sustanzi karċinoġeni milli hemm stipulat fid-Direttiva attwali, b'mod partikolari għat-trab tas-silika kristallina;
23. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi inizjattiva tal-Komunità dwar mard muskoluskeletali (MSD) marbut max-xogħol; jikkritika però l-fatt li l-Kummissjoni qed tipproponi approċċ dejjaq ta' "proċedura ta' riformulazzjoni" li tgħaqqad fi strument leġiżlattiv wieħed id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 90/269/KEE u 90/270/KEE; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi Direttiva ġdida bbażata fuq il-prinċipji ta' prevenzjoni deskritti fid-Direttiva ta' Qafas 89/391/KEE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u intiża sabiex tkopri s-sitwazjonijiet kollha ta' xogħol b'approċċ ollistiku sabiex teskludi l-fatturi ta' riskju tal-MSD sa mill-bidunett; jindika l-fatt li mhux biss li r-restrizzjonijiet bijokemikali, iżda wkoll il-kontenut tax-xogħol, l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-ambjent fiżiku u psikosoċjali, kif ukoll ir-restrizzjonijiet sensorji u emozzjonali jeħtieġ li jiġu indirizzati, inkluża d-"dimensjoni tal-ġeneru", billi n-nisa u l-irġiel huma affettwati b'mod differenti mir-riskji tal-MSD;
24. Iqis li l-istrateġija ġdida tal-Komunità 2013-2020 għas-saħħa fuq il-post tax-xogħol u s-sikurezza fuq ix-xogħol trid tinqata' mill-approċċ tal-istrateġija preċedenti (2007-2012) li kienet tqis is-saħħa fuq il-post tax-xogħol primarjament bħala fattur varjanti tal-prodottività u l-kompetittività tal-kumpaniji kummerċjali; jindika l-fatt li l-istrateġija ġdida għandha tiffoka fuq l-użu potenzjali tar-REACH għat-titjib tal-protezzjoni tal-ħaddiema minn perikli kimiċi, sforz imġedded għall-prevenzjoni ta' mard rekatat max-xogħol u titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema, tisħiħ tar-responsabbiltajiet ta' monitoraġġ u nfurzar ta' spettorati fuq ix-xogħol u l-parteċipazjoni tal-ħaddiema fit-tfassil, il-montoraġġ u l-implimentazzjoni ta' politiki ta' prevenzjoni, titjib tar-rikonoxximent ta' mard relatat max-xogħol u l-indirizzar ta' fatturi bħal flessibilità, nuqqas ta' sikurezza u ssekondar ta' kuntratti, eċċ. bħala ostakoli għall-prevenzjoni xierqa tar-riskju.
L-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema
25. Jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi d-Direttivi 2001/86/KE (Statut għal Kumpanija Ewropea, involviment tal-impjegati) u 2003/72/KE (Statut ta' Soċjetà Kooperattiva Ewropea, involviment tal-impjegati); jindika l-fatt li l-iskop tal-Kummissjoni li "tissimplifika l-arranġamenti għall-involviment tal-impjegati" jista' jindika diġà li lesta ċċedi għall-pressjoni tal-lobbies tal-industriji ("parteċipazzjoni ta' ħaddiema huwa piż għas-SE"), jenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-SE ma kenitx intenzjonata li tkun - u m'għandħiex titħalla ssir - strument biex idaħħal f'kompetizzjoni ma' xulxin regolazzjonijiet nazzjonali dwar l-involviment tal-ħaddiema u l-kodeterminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirtira l-proposta tagħha dwar Statut għal Kumpanija Privata Ewropea li tkun qed iżżarma dejjem aktar id-drittijiet tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema;
White Paper dwar Pensjonijiet u Reviżjoni tad-Direttiva IORP
26. Huwa tal-fehma li l-"White Paper dwar Pensjonijiet" li tħabbret tista' sservi biss ta' pjattaforma ta' propaganda sabiex jiżżarmaw aktar sistemi statutorji ta' pensjonijiet; jikkritika bil-qawwa l-fatt li l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-Pensjonijiet diġà indikat li l-"adegwatezza" tal-pensjonijiet minn skemi pubbliċi jista' jkun jeħtiġilha li tiġi adattata 'l isfel fid-dawl tad-defiċits tal-baġit, ix-xejriet demografiċi u t-tkabbir aktar bil-mod li huwa mistenni fis-snin li ġejjin u li t-tul tal-ħajja tax-xogħol ikun jeħtieġ li jittawwal;
27. Jikkritika bil-qawwa l-orjentazzjoni tal-Kummissjoni sabiex skemi ta' finanzjament jingħataw spinta ġdida billi "jissaħħaħ is-suq intern għall-pensjonijiet" - mhux biss għal skemi ta' pensjonijiet okkupazzjonali, iżda wkoll għal varjetà kbira ta' fondi ta' pensjonijiet privati, assigurazzjoni tal-ħajja u oħrajn simili - li huwa ovvju li se jinfurmaw ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva; jikkritika bil-qawwa d-Direttiva IORP li fetħet għall-kompetizzjoni l-għoti ta' servizz għal skemi ta' pensjonijiet okkupazzjonali u lliberalizzat ħafna r-rekwiżiti għal regolazzjonijiet prudenzjali;
28. Jindika l-konsegwenzi diżastrużi tal-politiki ta' liberalizzazzjoni u l-privatizzazzjoni parzjali tas-sistemi ta' pensjonijiet:; skemi ffinanzjati ma setgħux iżommu l-wegħdiet preċedenti li jipprovdu għal qligħ akbar u pagamenti ta' pensjonijiet sikuri, kif intwera mit-telf diżastruż li ġarrbu (tal-anqas 20% tal-valur tal-assi) waqt il-kriżi finanzjarja, li rriżultaw f'salvataġġi li għadhom sejrin mill-Istati Membri, kontribuzzjonijiet ogħla u tnaqqis fil-benefiċċji taħt dawn l-iskemi;
29. Jiffavorixxi r-riintegrazzjoni pass pass tal-assi ta' skemi ffinanzjati fl-iskemi tal-pensjoni pubbliċi - kif għamlet l-Arġentina - bl-iskop li tiżdied ir-ridistribuzzjoni, sabiex tippromwovi l-iskop doppju li tipprevjeni l-faqar fix-xjuħija u li jinżammu l-istandards ta' għajxien f'dak li jirrigwarda l-komponenti relatati mal-qligħ tal-iskema tal-pensjonijiet;
Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda
30. Jienu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi "verifika ta' kapaċitajiet" tal-UE kull sentejn; madankollu, jqis li l-iżvilupp ta' kapaċitajiet u kompetenzi tul il-ħajja jista' jrendi aktar b'approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-politiki attivi għas-suq tax-xogħol u t-tagħlim tul il-ħajja, is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol komprensivi, drittijiet soċjali u universali tal-ħaddiema li jkunu ugwali għal kulħadd, bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol u rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja mhux tax-xogħol, titjib fil-kwalità tal-impjiegi u l-benessri fuq ix-xogħol, minflokk approċċ dejjaq ta' "spinta għall-mobiltà ta' ħaddiema" u l-promozzjoni tal-fleksikurezza; jinsisti li l-aġenda għall-kompetenzi u l-impiegi trid tkun marbuta mill-qrib ma' miżuri marġinali b'saħħithom għad-domanda u l-provvistà sabiex jippromwovu ekonomija favur l-ambjent u soċjali, u politiki industrijali u reġjunali rispettivi għal żvilupp sostenibbli, pjuttost milli sempliċement strateġija għall "antiċipazzjoni tal-bidla";
Żgħażagħ Mobbli
31. Jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament 1612/68 (EURES) sabiex tinkludi l-iskema għall-UE kollha għall-mobilità ta' ħaddiema żgħażagħ; jinsisti li l-mobilità ta' ħaddiema żgħażagħ trid tkun għażla ħielsa tagħhom u ma tistax tiġi imposta fuqhom b'rewiżiti ta' kundizzjonalità;
32. Iqis li l-iffukar biss fuq il-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ huwa dejjaq wisq biex ikun effettiv kontra n-nuqqas ta' xogħol fost iż-żagħżagħ; jissuġġerixxi għalhekk li Kummissjoni tressaq proposta għal Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ li tiżgura d-dritt għaż-żgħażagħ kollha fl-UE li jiġi offruti impjieg xieraq imħallas sew f’konformità mal-kwalifiki u l-ħiliet tagħhom, appendistat, taħriġ addizzjonali, jew xogħol u taħriġ ikkumbinat, hekk kif ikunu ffaċċjati b'nuqqas ta' xogħol;
Politika għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi
33. Jinsisti li l-istrateġija l-ġdida favur l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea tkun tikkostitwixxi programm ta' azzjoni u ta' impenn politiku li jkun ibbażat fuq il-Pjattaforma ta' azzjoni ta' Pekin u l-kisbiet tagħha, billi d-drittijiet tal-bniedem għan-nisa u t-tfajliet jirrappreżentaw parti inaljenabbli, integrali u indiviżibbli mid-drittijiet universali tal-bniedem;
34. Jitlob b'mod urġenti li jkun hemm miżuri konkreti għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet fis-salarji, kemm permezz tar-reviżjoni ta' direttiva eżistenti, permezz tal-elaborazzjoni tal-pjanijiet settorjali li jiddaħħlu b'mod gradwali u b'objettivi preċiżi - billi titnaqqar d-differenza fil-pagi b'0-5% sal-2010 - bil-għan li jiġu eliminati d-diskriminazzjonijiet diretti u indiretti , jew billi jitħeġġew negozjati kollettivi, it-taħriġ ta' konsulenti dwar l-ugwaljanza, l-indirizzar tad-distribuzzjoni mhux ugwali ta' xogħol mhux imħallas bejn l-irġiel u n-nisa u l-elaborazzjoni ta' pjanijiet favur l-ugwaljanza fil-fabbriki u postijiet oħra tax-xogħol;
35. Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-istereotipi fis-setturi u fl-istadji kollha tal-ħajja, peress li dawn jikkostitwixxu waħda mill-aktar kawżi persistenti tan-nuqqas ta' ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, li jaffettwaw l-għażliet tagħhom fil-qasam tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-impjieg, tad-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet domestiċi u tal-familja, tal-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika u l-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza fil-pożizzjonijiet tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u l-għażliet tagħhom fir-rigward tas-suq tax-xogħol, jitlob li jkun hemm direttiva għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa;
Internal Market
36. Huwa tal-fehma li kwalunkwe politika tas-suq intern għandha tqis l-ewwel id-drittijiet u l-interessi taċ-ċittadini Ewropej; ma jaċċettax il-proposti tal-Kummissjoni rigward l-Att dwar is-Suq Uniku li huma mmirati lejn il-kompetittività u l-aċċelerazzjoni tal-pass lejn il-liberalizzazzjoni; jitlob, bħala l-ewwel pass, għal moratorju fuq il-politiki ta' liberalizzazzjoni u jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq studji flimkien ma' dawk ikkonċernati dwar il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-politiki ta' liberalizzazzjoni;
37. Huwa preokkupat ħafna, minħabba l-politiki t'awsterità, dwar il-futur tas-servizzi pubbliċi fl-UE; jenfasizza l-importanza tas-servizzi pubbliċi u tal-għoti tagħhom għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-UE; jikkritika bil-qawwa l-preġudizzju kontra l-Istat bħala fornitur tas-servizzi ta' interess ġenerali u jappella sabiex l-affarijiet pubbliċi jitqiegħdu taħt it-tmexxija tas-settur pubbliku; jinsisti fuq it-tisħiħ tar-rwol tal-Istat fir-regolamentazzjoni, il-parteċipazzjoni u l-intervenzjoni fis-suq; jenfasizza l-bżonn ta' reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi f'dan ir-rigward;
38. Jinsisti li l-politika tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna statali m'għandhiex thedded dmirijiet li jirrigwardaw l-interess ġenerali u l-interess ġenerali ekonomiku tal-Istati Membri; iqis li l-għajnuna pubblika għall-intrapriżi fil-livell nazzjonali u tal-UE għandha tkun marbuta ma' impenji tagħhom fuq medda twila taż-żmien fir-rigward ta' żvilupp reġjonali u impjiegi, u li m'għandha tingħata ebda għajnuna li tkun tista' tintuża sabiex tippromwovi r-rilokazzjonijiet; jappella għal rwol imsaħħaħ għar-rappreżentanti tal-ħaddiema fuq il-bords eżekuttivi tal-kumpaniji u fid-deċiżjonijiet strutturali tat-tmexxija;
39. Jinnota li l-Kummissjoni ma ressqietx proposti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fi żminijiet meta l-prezzijiet ta' prodotti bażiċi qegħdin jogħlew, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi bidla fundamentali fil-kontroll tal-preżżijiet li tagħti lill-Istati l-opportunità li jikkontrollaw il-prezzijiet ta' prodotti bażiċi għall-benefiċċju tal-poplu;
40. Jenfasizza l-bżonn ulterjuri ta' żvilupp tal-kundizzjonijiet ugwali għall-SMEs li għadhom qed jiffaċċjaw żvantaġġi ta' kompetizzjoni f'ċerti swieq, pereżempju fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku;
Tibdil fil-klima
41. Jenfasizza li l-kriżi ekonomika globali ma tistax tintuża u m'għandhiex tintuża bħala skuża biex ma titteħidx azzjoni jew biex tiġi rrifjutata l-ġustizzja klimatika; itenni li l-iżvilupp ta' ekonomija sostenibbli hija parti fundamentali sabiex tinstab triq barra mill-kriżi preżenti; għalhekk jitlob li l-innovazzjoni ekoloġika tkun il-bażi sabiex tiġi trasformata l-industrija sabiex ikun hemm tkabbir sostenibbli, jiġu promossi t-teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, titnaqqas id-dipendenza fuq l-enerġija u jiġu żgurati l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali u ekonomika kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw;
42. Jitlob li jiġu adottati b'mod urġenti miżuri rigward il-klima u l-enerġija biex jiġu evitati aktar spejjeż ikkawżati mit-tibdil fil-klima, permezz ta' inizjattiva tal-Kummissjoni biex l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra jitnaqqsu b'iktar minn 40% sal-2020 u biex ikun hemm tnaqqis ta' bejn 80% u 95% sal-2050 meta mqabbel mal-livelli tal-1990, biex iż-żieda fit-temperaturi medji globali tiġi limitata għal 1.5°C aktar mil-livelli preindustrijali;
43. jitlob li l-mira "indikattiva" tal-UE ta' 20% aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija sal-2020 tinbidel għal waħda obbligatorja u li 20% tal-konsum tal-enerġija tal-UE jiġi minn sorsi rinnovabbli; jitlob li jittieħdu miżuri li jorbtu konkreti li jistabbilixxu linjigwida biex jiġu implimentati miżuri għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika minn sorsi rinnovabbli; jiddeplora l-fatt li waħda biss mill-inizjattivi tal-Kummissjoni rigward l-enerġija hija ta' natura leġiżlattiva; jistieden lill-Kummissjoni tadotta din il-proposta leġiżlattiva sal-aħħar ta' Ġunju 2011;
44. Jitlob li jkun hemm inizjattiva tal-Kummissjoni biex jiġu eżaminati l-Mekkaniżmu ta' Żvilupp Nadif u s-sistema ta' Skambju tal-Emissjonijiet, li bħalissa qed jipperikolaw serjament il-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE u madwar id-dinja; jinsisti li għandu jintlaħaq tnaqqis domestiku effikaċi, mingħajr ma wieħed jiddependi fuq strumenti tas-suq jew fuq mekkaniżmi ta' flessibilità;
45. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprreżenta proġetti li permezz tagħhom l-UE u d-dinja żviluppata jassistu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-introduzzjoni ta' teknoloġiji sostenibbli u effiċjenti permezz ta' appoġġ adegwat finanzjarju, tekniku u teknoloġiku għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet mingħajr ma wieħed jorbothom li jakkwistaw privattivi li jiswew ħafna flus, minbarra l-adozzjoni ta' miri ambizzjużi ta' mitigazzjoni;
46. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi sorssi innovattivi u addizzjonali ta' finanzjament għall-azzjonijiet klimatiċi fil-kuntest ta' ftehim globali, inklużi taxxi internazzjonali fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u finanzjament mill-avjazzjoni u mit-tbaħħir internazzjonali; jenfasizza li dispożizzjonijiet sħaħ u trasparenti rigward il-finanzjament klimatiku se jkunu fattur ewlieni bħala kontribut ġdid u addizzjonali lil hinn mill-baġits eżistenti tal-għajnuna għall-iżvilupp uffiċċjali, b'allokazzjoni bbilanċjata bejn adattament u mitigazzjoni;
47. Jindika l-ħtieġa li tiġi ppreżentata sistema futura għat-tibdil fil-klima b'regoli b'saħħithom dwar l-użu tal-art, il-bidla fl-użu tal-art, il-konservazzjoni, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u t-tisħiħ tal-istokk tal-karbonju tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li tiġi żgurata l-implimentazzjoni adegwata tal-programm REDD+;
Il-politika tal-enerġija
48. Jinnota li l-Kummissjoni qed tittratta l-kwistjonijiet tal-enerġija bi prijorità; iqis li kwalunkwe strateġija futura għandha tfittex li tilħaq l-objettivi tal-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija, l-iżvilupp ta' forom ġodda u rinnovabbli ta' enerġija, il-promozzjoni ta' netwerks tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista; jinsisti li l-politika enerġetika tal-UE għandha tikkontribwixxi għal prezzijiet tal-enerġija li jkunu għall-but ta' kulħadd għall-benefiċċju tal-konsumaturi kollha, it-tisħiħ tar-rinnovabbli fil-qafas tal-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija u l-iżvilupp ta' netwerks tal-enerġija interkonnessi, integrati, interoperabbli u intelliġenti; jiċħad il-kunċett tas-subordinazzjoni tal-politika barranija sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista;
49. Jilqa' bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-kombustibbli nukleari użat u tal-iskart radjuattiv u huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tintensifika l-proċess tal-adozzjoni tal-ogħla standards ta' sikurezza nukleari; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi r-Regolament dwar ir-rappurtar tat-trasferimenti intra-Komunitarji ta' materjali nukleari fil-programm ta' ħidma tagħha għall-2011;
50. Jilqa' bi pjaċir l-inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni li tipprovdi l-qafas għall-implimentazzjoni ta' netwerks intelliġenti biex jiżdiedu l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' elettriku minn sorsi rinnovabbli ta' enerġija u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta din il-leġiżlazzjoni fl-2011;
51. Jilqa' bi pjaċir l-isforzi tal-Kummissjoni fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni iżda jinsisti dwar distinzjoni ċara bejn il-politiki tar-riċerka u dawk tal-innovazzjoni; jirrimarka li l-kwistjonijiet tal-innovazzjoni soċjali għandhom jissaħħu fil-politika tal-innovazzjoni tal-UE;
Trasport
52. Jirrifjuta kwalunkwe privatizzazzjoni u liberalizzazzjoni ulterjuri tas-settur tat-trasport; jesprimi tħassib partikolari dwar il-pjanijiet tal-Kummissjoni fis-setturi tat-trasport ferrovjarju u bl-ajru;
53. Jesprimi tħassib dwar il-Pakkett tal-Ajruporti li għandu l-ħsieb li jsaħħaħ il-kompetizzjoni; huwa tal-fehma li l-prattika uriet li l-privatizzazzjoni u l-kompetizzjoni ma jwasslux għat-titjib tas-sikurezza, għas-sigurtà u għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri, iżda għal inqas sigurtà u għad-deterjorazzjoni tad-drittijiet soċjali tal-persuni li jaħdmu f'dan is-settur;
54. Jiċħad il-kunċett tal-ħolqien ta' Żona Ferrovjarja Unika Ewropea li, bl-iskuża li jiġi stabbilit suq intern u terġa' titfassal mill-ġdid id-direttiva, huwa maħsub li jagħmel it-trasport pubbliku soġġett għall-kompetizzjoni, li jippromwovi l-privatizzazzjoni u li jifred il-kompetenzi fis-settur ferrovjarju b'mod li jistieden il-frammentazzjoni konkreta tal-impjiegi u l-għarfien relatat dwar is-sikurezza ferrovjarja;
55. jikkritika b'mod qawwi l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea, mingħajr valutazzjoni eżawrjenti tal-impatt soċjali u ekonomiku tad-deregolamentazzjoni li diġà teżisti, tinsisti fuq il-frammentazzjoni tat-trasport pubbliku f'oqsma kummerċjali: stazzjonijiet, stokk rikorrenti, żoni ta' manutenzjoni, unitajiet ta' forniment, b'mod li jitkattru l-piżijiet amministrattivi u jiddgħajfu d-dispożizzjonijiet tas-sikurezza u s-servizzi affidabbli għall-konsumaturi;
Politika ambjentali
56. Jinsisti dwar ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 2152/2002 dwar l-istatistika tal-iskart, bl-għan li r-Regolament jiġi ssimplifikat u allinjat ma' obbligi oħra ta' rappurtar fil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-iskart, peress li din ir-reviżjoni ġiet imħabbra fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2010, iżda baqgħet mingħajr segwitu konkret;
57. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta biex il-programm LIFE+ (Strument finanzjarju għall-Ambjent) jiġi żviluppat aktar; jinnota bi tħassib li n-numru ta’ proġetti ffinanzjati mill-programm LIFE+ kull sena fl-Istati Membri differenti qed ikun anqas mill-allokazzjoni indikattiva; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta r-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta' implimentazzjoni u tipproponi bidliet fir-regoli li jiggvernaw il-programm fejn meħtieġ, b’mod partikolari rigward il-livelli ta’ kofinanzjament;
58. Jitlob li ssir valutazzjoni tar-regolament REACH, li għandha twassal għal proposti leġiżlattivi skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni, inkluż eżami tal-ambitu tar-regolament REACH (sal-2012), eżami rigward l-estensjoni tal-ambitu ta' rekwiżiti aktar stretti ta' awtorizzazzjoni għas-sustanzi li jinterferixxu mal-endokrinali (sal-2013), eżami dwar jekk għandhiex titwettaq valutazzjoni tas-sikurezza ta' sustanza kimika u dwar jekk għandux jiġi prodott rapport dwar is-sikurezza ta' sustanza kimika għal ċerti sustanzi li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (sal-2014);
59. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal direttiva għat-tneħħija tal-asbestos, inkluż ir-rimi kkontrollat tal-fibri tal-asbestos u d-dekontaminazzjoni jew ir-rimi ta' tagħmir li jkun fih il-fibri tal-asbestos sabiex jiġu eliminati għalkollox; ifakkar f'dan is-sens fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-REACH tas-7 ta' Mejju 2009 u b'mod aktar speċifiku fil-paragrafu 8 tar-riżoluzzjoni;
60. Jinsisti dwar l-eżami tar-Regolament 882/2004 dwar il-kontrolli uffiċjali tul il-katina tal-ikel; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ħabbritx proposta leġiżlattiva mill-pubblikazzjoni tar-rapport dwar l-operazzjoni ġenerali tal-kontrolli uffiċjali (COM(2010)441);
61. Jinsisti dwar segwitu urġenti għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar il-kwalità tal-arja f'postijiet magħluqa; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ambjent u għas-Saħħa, speċifikatament fil-paragrafu 14, u fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar is-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali Komunitarju, paragrafu 11; jiddispjaċih li l-Kummissjoni rrifjutat li tqis dawn it-talbiet meta tipproponi leġiżlazzjoni;
62. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' inklużjoni fil-Programm ta' Ħidma ta' bosta rapporti ta' segwitu msemmija f'bosta atti leġiżlattivi li huma koperti fl-ambitu tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel, bħall-proposta li tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE dwar il-kontroll ta' perikoli ta' aċċidenti kbar fl-użu ta' sustanzi perikolużi (id-Direttiva Seveso II), l-eżami tal-eżenzjoni mill-projbizzjoni tal-kadmju prevista għall-batteriji u l-akkumulaturi portabbli maħsuba għall-użu f'għodod elettriċi mingħajr fili, proposta għal direttiva li tindirizza l-emissjonijet tal-NOx mill-avjazzjoni u t-tfassil mill-ġdid tad-direttivi dwar il-materjal u l-oġġetti tal-plastik li jkunu f'kuntatt mal-ikel f'Regolament uniku tal-Kummissjoni;
63. Jinsisti dwar segwitu urġenti għall-Komunikazzjoni dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u n-Nixfiet u approċċ aktar ambizzjuż minn dak deskritt fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011; fid-dawl tal-interkonnessjonijiet bejn il-perjodi ta’ nixfa, in-nirien fil-foresti u d-deżertifikazzjoni, jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal direttiva, simili għad-direttiva dwar l-għargħar, biex tippromwovi l-adozzjoni ta’ politika tal-UE dwar l-iskarsezza tal-ilma, l-għargħar u l-adattament għat-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta u twettaq, flimkien mal-Istati Membri, proposti leġiżlattivi u inizjattivi fil-qasam tal-protezzjoni tal-foresti u l-protezzjoni min-nirien; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta direttiva dwar l-Effiċjenza fl-użu tal-Ilma fil-Bini b'rabta mal-iskema biex jiġu mħarsa r-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa (mħabbra għall-2012);
Il-Politika Agrikola Komuni
64. Jemmen li hi meħieġa riforma tal-PAK, bi prezzijiet ġusti għall-bdiewa ta’ daqs żgħir u medju u għall-bdiewa u għall-farms tal-familja b’mod partikolari, filwaqt li l-għajnuna tintrabat mill-qrib kemm jista’ jkun mal-produzzjoni u titqassam b’mod ġust fost il-produtturi, il-prodotti u l-pajjiżi, suġġetta għal-limiti massimi u l-modulazzjoni, billi l-objettiv prinċipali hu ż-żieda tal-produzzjoni tal-ikel fit-territorju tal-pajjiżi tal-UE bil-għan li jkun hemm sigurtà tal-ikel u sovranità tal-ikel;
Il-Politika tas-Sajd
65. Itenni li l-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida għandha tippromwovi l-modernizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd, b'mod li tiżgura l-vijabilità soċjoekonomika tiegħu, is-sostenibilità tar-riżorsi, iż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħaddiema fis-settur tas-sajd;
66. Jinsisti dwar miżuri biex jittejjeb il-prezz tal-ewwel bejgħ tal-ħut u d-dħul tal-ħaddiema fis-settur tas-sajd, dwar sussidju jew mekkaniżmu ta' kumpens għall-ħaddiema fis-settur tas-sajd affettwati mir-riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-pjanijiet ta' rkupru, il-ġestjoni multiannwali u miżuri għall-protezzjoni tal-ekosistemi;
67. Jitlob li jittieħdu miżuri biex jiġu żgurati s-sovranità nazzjonali fuq iż-Żona Ekonomika Esklużiva tal-Istati Membri u r-riżorsi tas-sajd tagħhom, filwaqt li tiġi permessa l-ġestjoni tal-prossimità; huwa tal-fehma li 12-il mil għandhom jinżammu bħala żona ta' aċċess esklużiv għall-flotta nazzjonali ta' kull Stat Membru u jipproponi li tiġi kkunsidrata l-possibilità tal-estensjoni tagħha għal żoni adjaċenti li jsegwu l-blata kontinentali;
68. Jiċħad kwalunkwe forma ta' privatizzazzjoni tar-riżorsi tas-sajd, inkluża t-trasferibilità tal-kwoti tas-sajd, xi ħaġa li twassal għall-ħolqien ta' swieq tal-kwoti fl-Istati Membri, li min-naħa tagħha tostakola serjament is-sajd tradizzjonali;
Programm ta' Stokkolma
69. Jiddeplora l-fatt li l-miżuri adottati u implimentati fl-ambitu tal-AFSJ u tal-Programm ta' Stokkolma wasslu għall-istabbiliment ta' approċċ eċċessiv għas-sigurtà, b'mod li ġew ristretti d-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-privatezza u l-libertà tal-espressjoni; jiċħad il-karattru sproporzjonat tal-miżuri ta' sigurtà li jwasslu għal każijiet li kulma jmur qed jiżdiedu ta' sorveljanza u d-definizzjoni ta' profili, ksur tad-drittijiet tal-bniedem – kemm personali kif ukoll kollettivi – u li ma jindirizzawx il-kawżi li jinsabu fl-għeruq tal-azzjonijiet vjolenti;
Ażil u migrazzjoni
70. Jitlob li jkun hemm programm ta' risistemazzjoni tar-refuġati fl-UE kollha li jiżgura l-kwalità u l-effikaċja tar-risistemazzjoni, li jkun fih linji gwidi speċifiċi dwar mudell ġdid tal-iffissar tal-prijoritajiet, inċentivi biex aktar Stati Membri jitħeġġu jirrisistemaw lir-refuġjati, konsistenza tar-risistemazzjoni ma' politiki oħra tal-ażil tal-UE, u standards tal-kondizzjonijiet tal-akkoljenza kif ukoll miżuri ta' segwitu li għandhom jittieħdu f'kull inizjattiva ta' risistemazzjoni;
71. Jerġa' jafferma l-oppożizzjoni tiegħu għall-approċċ repressiv tal-politiki tal-immigrazzjoni tal-UE; jitlob għalhekk li jittieħdu inizjattivi ġodda li għandhom jiffukaw iżjed fuq mogħdijiet ta' dħul legali għall-migranti u fuq l-istabbiliment ta' karta tad-drittijiet tal-migranti kollha, filwaqt li jappoġġa r-regolarizzazzjoni tal-migranti li diġà jirrisjedu u jaħdmu fl-UE;
72. Jitlob li tiġi ppreżentata direttiva speċifika li jkun fiha, u li tittraduċi fil-lingwi kollha tal-UE, id-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u l-Membri tal-Familji Tagħhom, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Diċembru 1990;
73. Iqis li l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-Eurojust għandhom jitwettqu fuq il-bażi ta' kontrolli demokratiċi msaħħa, id-dritt għall-informazzjoni, il-protezzjoni tad-data personali u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
Protezzjoni tad-data
74. Jilqa' bi pjaċir il-proposta għal qafas legali tal-UE ġdid u komprensiv għall-protezzjoni tad-data personali u jenfasizza li għandha telimina n-nuqqas ta' koerenza attwali tas-sistemi tal-protezzjoni tad-data bejn dawk li qabel kienu l-istrutturi tal-pilastri filwaqt li tafferma mill-ġdid il-prinċipji ewlenin tal-protezzjoni tad-data bħal-limitazzjoni tal-iskop, il-proporzjonalità, it-trasparenza, l-awtodeterminazzjoni f'dik li hi informazzjoni, il-minimizzazzjoni tad-data, iż-żamma tad-data u d-dritt għall-aċċess;
75. Jenfasizza li l-ftehim futur bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-Protezzjoni tad-Data għandu jitqies bħala hekk imsejjaħ "ftehim umbrella", li għandu jkun applikabbli retroattivament u b'hekk ikopri l-ftehimiet multilaterali u bilaterali eżistenti kollha bejn l-UE u/jew l-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti, kif ukoll ftehimiet futuri, u li bl-ebda mod ma jista' jitqies minnu nnifsu bħala bażi legali għall-qsim tad-data;
76. Jesprimi l-fehma tiegħu li dan il-ftehim għandu għalkollox u kollu kemm hu jikkonforma mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-istandards Ewropej tal-protezzjoni tad-data;
L-aġenda esterna
Jikkritika l-fatt li wara l-istabbiliment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-ipprogrammar tal-azzjonijiet esterni sar ħafna inqas trasparenti; jistieden lir-RGħ/VP tippreżenta lill-Parlament Ewropew, mis-sena d-dieħla 'l quddiem, b'mod parallel mal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni, l-aġenda politika għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni;
78. Jinnota bi tħassib li l-2010 wera li m'hemm l-ebda titjib fl-iskrutinju demokratiku u fil-konsultazzjoni minn qabel tal-Parlament Ewropew rigward l-azzjonijiet esterni tal-UE; jistieden lir-RGħ/VP ittejjeb il-kooperazzjoni mal-Parlament;
Il-kummerċ internazzjonali
79. Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta komunikazzjoni dwar il-kummerċ u l-iżvilupp; jinsisti li l-objettivi ewlenin tal-politika tal-kummerċ internazzjonali tal-UE għandha tkun li jingħata kontribut għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli fl-interess taċ-ċittadini kollha - fuq il-bażi ta' kummerċ ġust u żvilupp ekonomiku li jikkorrispondi għall-ogħla livelli ta' standards tas-saħħa u ambjentali, għall-ħolqien tal-impjiegi, għall-istandards soċjali u għad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tosserva l-obbligu tagħha li tiggarantixxi l-koerenza tal-politiki tal-kummerċ internazzjonali tal-UE mal-objettivi msemmija hawn fuq filwaqt li taqsam ir-responsabilità fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-eliminazzjoni tal-faqar;
80. Il-ħolqien ta' impjiegi diċenti u l-protezzjoni ta' industrijalizzazzjoni li tippermetti l-ogħla livelli ta' standards tas-saħħa u ambjentali għandhom ikunu parti integrali ta' politika kummerċjali sostenibbli tal-UE; jenfasizza għalhekk li dawn il-kwistjonijiet iridu jiġu indirizzati u inklużi fil-ftehimiet kummerċjali;
81. Jenfasizza l-importanza tal-inklużjoni ta' kapitoli ta' sostenibilità fformulati b'mod qawwi fil-ftehimiet kummerċjali kollha nnegozjati fl-2011 u fis-snin ta' wara; jenfasizza l-importanza tar-rispett tal-istandards tal-ILO; jitlob li jiġu sospiżi ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi li jiksru drittijiet demokratiċi, umani u tax-xogħol bażiċi;
82. Jiddeplora l-fatt li n-negozjati u l-ftehimiet kummerċali internazzjonali attwali jiffukaw b'mod kważi esklużiv fuq aspetti tal-kompetittività fir-rigward tal-Istati Uniti u t-titjib tal-pożizzjoni tan-negozji u tal-investituri Ewropej fis-suq globali; jistenna li l-komunikazzjoni maħsuba tal-Kummissjoni dwar l-appoġġ għall-SMEs fi swieq barra l-UE tiġi implimentata f'konformità mal-politiki kummerċjali internazzjonali tal-UE;
83. Jinnota l-aħbar mogħtija mill-Kummissjoni li se tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-aċċess ta' kumpaniji u prodotti minn pajjiżi terzi għas-suq tal-akkwisti pubbliċi tal-UE; huwa mħasseb li dan jista' jdgħajjef serjament l-ispazju politiku biex l-infiq pubbliku jitwassal għall-SMEs u għall-ifqar reġjuni u biex jiġu promossi pagi diċenti u kundizzjonijiet ambjentali u tax-xogħol għoljin fil-kuntratti tal-akkwisti pubbliċi; huwa mħasseb li din il-proposta leġiżlattiva ġejja minn pattijiet li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tal-akkwist pubbliku magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles riċenti jew li qed jiġu nnegozjati bħalissa;
84. Jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-Kummissjoni fl-aħħar se tippreżenta r-regolament rivedut li tant ilu mistenni dwar l-applikazzjoni tal-iskema tas-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ); jinsisti li r-regolament il-ġdid għandu jimplimenta t-talbiet tal-Parlament Ewropew kif adottati fir-rapport Markov fil-5 ta' Ġunju 2008, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza u l-kontroll demokratiku, regoli riveduti tal-oriġini u għajnuna teknika kumplimentari;
Il-Politika tal-Iżvilupp
85. Jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp hija objettiv ewlieni fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2011; ifakkar li dan huwa biss fattibbli jekk tissaħħaħ il-koerenza tal-politiki kollha tal-UE u jekk l-Unjoni tqis l-objettivi tal-iżvilupp fl-implimentazzjoni ta' politiki li x'aktarx jaffettwaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
86. Jikkundanna l-fatt li ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ kif il-Kummissjoni qed tippjana li tirrimedja s-sitwazzjoni tat-tnaqqis serju fil-kontribuzzjoni lill-ODA mill-UE u l-Istati Membri tagħha, biex ikun żgurat li, irrispettivament mill-impatt tal-kriżi finanzjarja, l-Ewropa tibqa’ fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira ta' 0.7% tad-dħul gross domestiku sal-2015;
87. Jikkundanna l-ftehimiet ta' sħubija ekonomika li daħlu fis-seħħ s'issa; jitlob li jiġi stabbilit mandat ġdid li jiffoka fuq l-iżvilupp fin-negozjati dwar il-ftehimiet ta' sħubija ekonomika, u li jkun ibbażat fuq is-solidarjetà, u li jiġu stabbiliti mekkaniżmi biex jiġu protetti s-swieq lokali u reġjonali għall-benefiċċju tal-produtturi lokali; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel kull sforz biex tiżgura li dan il-mandat ġdid ma jippermettix li jsiru rikatti dwar l-għajnuna għall-iżvilupp, u lanqas pressjoni la fis-sens ta' żmien u lanqas fis-sens ta' spejjeż u li jirrispetta l-ugwaljanza sovrana tal-pajjiżi tal-AKP;
Reazzjoni għad-diżastri
88. Jilqa’ l-intenzjoni li tissaħħaħ il-kapaċità tal-protezzjoni ċivili tal-UE; jistieden, f’dan ir-rigward, lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jgħarfu r-reazzjoni għad-diżastri bħala kompitu ċivili biss u biex iwettquh f'dan is-sens; jinsisti li d-diżastri ma għandhomx iwasslu għall-użu jew għall-iskjerament ta’ forzi militari, la fl-UE u lanqas barra minnha; minflok, ir-riżorsi meħtieġa għandhom jiġu pprovduti lill-forzi tal-protezzjoni ċivili sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompitu b’mod xieraq u waħedhom;
Regolamentazzjoni intelliġenti
89. Jenfasizza li l-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità huma prinċipji ewlenin tal-liġi primarja u, f'oqsma fejn l-Unjoni m'għandhiex is-setgħa leġiżlattiva esklużiva, dawn għandhom jiġu rispettati assolutament; dawn il-prinċipji huma essenzjali biex jiġu leġitimizzati sew kemm tkun xierqa l-azzjoni tal-UE kif ukoll l-ambitu tagħha, peress li jippermettu lill-Parlamenti Nazzjonali jeżerċitaw is-setgħat leġiżlattivi tagħhom, biex jiġu rispettati s-sovranità popolari u tiġi garantita s-sigurtà legali;
90. Jiddeplora l-użu tal-liġi li ma torbotx mill-Kummissjoni fejn din tkun sostituta għal-leġiżlazzjoni; iwissi li l-aġenda tar-regolamentazzjoni intelliġenti m'għandhiex tiġi sovvertita sabiex tħalli lill-eżekuttiv tal-UE li b'mod effettiv jilleġiżla permezz tal-istrumenti tal-liġi li ma torbotx, biex b'hekk jiddgħajjef potenzjalment l-ordni demokratiku billi jiġi evitat l-involviment tal-Parlament Ewropew elett kif ukoll l-istħarriġ tal-legalità mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-privazzjoni tar-rimedji legali taċ-ċittadini;
91. Jesprimi dubji dwar l-adegwatezza tal-inkoraġġiment tal-awtoregolamentazzjoni u tal-koregolamentazzjoni, li jinkoraġġixxu biss lill-gruppi ta' pressjoni u lill-parteċipanti b'saħħithom fix-xena ekonomika;
Eżami tal-baġit
92. Iqis li preżentazzjoni ċara u trasparenti tal-baġit tal-Unjoni Ewropea hija ħtieġa assoluta fir-rigward tal-ħtieġa li jkun ikkomunikat liċ-ċittadini Ewropej dwar kif il-flus tal-UE jintefqu u kif għandha taffaċċja l-"kompetenzi ġodda" tagħha; jiddeplora l-fatt li l-proposti tal-Kummissjoni għall-eżami tal-baġit ma jipprijoritizzawx il-koeżjoni soċjali u jistimolaw l-integrazzjoni fid-dawl tal-ħtiġijiet ikkawżati mill-effetti tal-kriżi soċjali, ekonomika u finanzjarja attwali; jiddefendi l-ħtieġa li tkun stabbilita l-koerenza bejn il-prijoritajiet politiċi u l-prijoritajiet baġitarji;
93. Itenni l-kritika qawwija tiegħu għall-eżami tal-baġit ippreżentat mill-Kummissjoni; jiddeplora l-fatt li la jipprijoritizza u lanqas jipprovdi l-mezzi biex jiġu ffinanzjati konverġenza reali u l-politiki biex jiġu miġġielda livelli għoljin ta' qgħad, biex jiġu eliminati l-faqar u l-esklużjoni soċjali, biex tintlaħaq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-ekwità u l-ugwaljanza għal kulħadd; biex jiġu appoġġati l-politiki tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni kif ukoll il-politiki u l-programmi kollha li joħolqu u jippromwovu l-impjiegi;
94. Jenfasizza li l-Parlament Ewropew irid ikun involut b'mod sħiħ fil-proċess tal-eżami tal-baġit kif ukoll fil-proċess tal-MFF il-ġdid, kemm fid-definizzjoni tal-infiq kif ukoll f'dik tad-dħul;
95. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.