Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0702/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0702/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011

8.12.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Malcolm Harbour f'isem il-Grupp ECR <<<

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0702/2010
Testi mressqa :
B7-0702/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0702/2010

Riżoluzzoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2011 (COM(2010)623),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Lura għat-tkabbir għall-impjiegi: Aċċelerazzjoni lejn l-2020

 

Tisħiħ tal-governanza ekonomika u t-tnedija tas-Semestru Ewropew

 

1.  Jilqa’ l-isforzi li saru mill-Unjoni Ewropea biex jissolvu l-kwistjonijiet li pperikolaw il-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir u wasslu għas-sitwazzjoni fiskali megattiva attwali f’bosta Stati Membri; jenfasizza li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri kollha li jeżerċitaw id-dixxiplina baġitarja u li qafas tal-UE responsabbli bi sħiħ u trasparenti tista’ tikkontribwixxi għal finanzji pubbliċi iktar sodi u kapaċità iktar b’saħħitha biex tpatti għall-kriżijiet futuri;

2.  Jagħraf li żona tal-ewro b’saħħitha u kompetittiva hija fl-interess tal-Istat Membri kollha tal-UE; madankollu jenfasizza li kwalunkwe riforma għandha tqis bi sħiħ il-ħtiġijiet kemm taż-żona tal-ewro kif ukoll tal-Istati Membri li għadhom ma sarux parti minn din iż-żona jew li ma għandhom l-ebda pjan li jsiru membru tagħha;

3.  Jieħu nota tal-introduzzjoni ta’ ‘Semestru Ewropew’, li jkun jinvolvi ċiklu ta’ politika annwali għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika; jemmen li l-kumitati tal-Parlament Ewropew għandu jkollhom rwol importanti biex juru l-għarfien espert tagħhom billi jipproduċu ‘rapporti tal-aħħar tas-sena’ dwar il-progress ta’ għanijiet importanti, segwiti minn riżoluzzjonijiet (komuni) ta’ gruppi politiċi;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni biex taċċetta l-proposta tal-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew rigward l-emendi għall-kalendarju tas-Simestru Ewropew biex ikun żgurat kontribut suffiċjenti mill-Membri eletti tal-Parlament Ewropew u l-membri tal-parlament nazzjonali fid-dibattiti parlamentari konġunti;

Regolament Finanzjarju: it-tlestija tar-riforma

5.  Jieħu nota tal-pjanijiet ambizzjużi għar-regolament tas-servizzi finanzjarji proposti mill-Kummissjoni għall-2011, mhux l-anqas fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regoli ta’ Basel III u r-riforma tal-MiFID; jieħu nota tal-fatt li medda wiesgħa ħafna ta’ riformi regolatorji diġá saru minn meta bdiet il-kriżi u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri proporzjonati li ma joħolqux piż kbir wisq għall-industrija jew jikkontribwixxu għall-arbitraġġ regolatorju; iħeġġeġ li l-valutazzjonijiet tal-impatt indipendenti jqisu l-proposti kollha mhux waħedhom iżda f’termini tal-effett kumulattiv tagħhom;

6.  Jenfasizza li l-ispejjeż finali tar-regolament tas-servizzi finanzjarji jaffettwaw diversi persuni, inklużi investituri fuq skala żgħira, pensjonanti, min ifaddal u dawk li jkollhom ipoteki; jitlob li l-ħtiġijiet tagħhom jitqiesu bi sħiħ;

Tkabbir intelliġenti

7.  Jenfasizza li l-aġenda diġitali u l-investiment fl-ICTs huma kruċjali għall-kompetittività tal-Ewropa fit-tul u jħeġġeġ lill-Istati membri u lill-Kummissjoni biex ikomplu bil-preżentazzjoni tas-suq tan-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss u l-aċċess għalihom permezz ta’ liberalizzazzjoni kontinwa tas-suq intern għall-komunikazzjonijiet;

8.  Jappoġġa l-impenn li wriet il-Kummissjoni fl-InizjattivaEwlenija tal-Aġenda Diġitali lejn l-iżgurar tal-istabbiliment ta’ reġim ta’ copyright koerenti u effettiv, partikolarment rigward il-copyright fuq l-internet, fl-Unjoni Ewropea, u jfakkar ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq uniku; Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tħeġġeġ aċċess ikbar għall-kontenut permezz ta’ titjib fil-governanza u t-trasparenza tal-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi, u jistenna bil-ħerqa l-proposti tagħhom; jieħu nota tal-inizjattiva ppjanata fuq ix-xogħlijiet orfni, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti li jiksbu bilanċ bejn il-permess tal-aċċess għal xogħlijiet sinifikanti kulturalment u ż-żamma tal-protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet;

9.  Jilqa’ l-ambizzjoni tal-Kummissjoni rigward l-unjoni ta’ innovazzjoni bir-reviżjoni tal-għajnuna tal-istat għall-oqfsa tar-riċerka u l-iżvilupp, bit-tisħiħ tar-rwol tal-BEI u kapital ta’ riskju; jagħraf ukoll r-rwol tal-akkwist pubbliku fl-istimulazzjoni tal-innovazzjoni iżda jopponi bil-qawwa l-introduzzjoni ta’ baġits ta’ innovazzjoni vinkolanti fi ħdan l-akkwist pubbliku, jemmen li soluzzjonijiet innovattivi bħala reazzjoni għall-ħtiġijiet dipartimentali għandhom ikunu l-katalisti minflok li jippruvaw jikkalkulaw l-innovazzjoni bi kwoti;

10. Jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni fuq l-infrastruttura tal-enerġija u jitlob għal koordinazzjoni b’saħħitha bejn l-UE u l-Istati Membri filwaqt li nbidlu l-mod li n-netwerk jiġi żviluppat biex jiġi żgurat li inkunu lesti iktar biex inżommu s-sigurtà tal-enerġija u ngħelbu l-isfidi ta’ effiċjenza kif ukoll isir kontribut kruċjali għall-istrateġija ekonomika tal-UE u s-suq intern;

Tkabbir sostenibbli

11. Jilqa’ l-prijorità tal-Kummissjoni biex tiffoka fuq l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti iktar milli żżid mal-piż leġiżlattiv;

12. Jenfasizza li sabiex it-tkabbir ekonomiku jkun sostenibbli, is-sigurtà tal-enerġija hija importanti ħafna biex ikunu żgurati l-provvista mingħajr xkiel, ir-rispett għall-arranġamenti kuntrattwali, prezz tas-suq ġust, u l-evitar ta' dipendenza fuq għadd għir wisq ta' produtturi;

13. Jenfasizza li s-settur tat-trasport għandu rwol essenzjali fil-ġenerazzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli tal-Ewropa, u għalhekk, sabiex jiġu mbuttati t-tkabbir u l-impjiegi u javvanzaw l-interessi ekonomiċi u ambjentali Ewropej, huwa essenzjali:

-  li jitlesta s-suq uniku ħieles u liberalizzat għall-mezzi tat-trasport kollha b’regoli ċari u li jistgħu jiġu infurzati faċilment għall-kompetizzjoni ħielsa u ġusta, u trattament ugwali tal-mezzi kollha ta’ trasport;

-  li jiġi żviluppat netwerk ta’ trasport tal-UE komprensiv, multimodali u effiċjenti (fost affarijiet oħra, li jindirizza kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ infrastruttura xierqa, aċċessibbiltà u interoperabbiltà baxxa bejn id-diversi partijiet tal-UE), billi jitlesta n-netwerk TEN-T, jitneħħew l-ostakoli u jiġi kkumpensat in-nuqqas ta’ rabtit, partikolarment fis-sezzjonijiet transkonfinali;

Tkabbir inklużiv

14. Jilqa’ l-miżuri għat-titjib tal-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, partikolarment rigward il-moviment ħieles tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea iżda jopponi kwalunkwe reviżjoni sustanzjali għall-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva attwali;

15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex meta tfassal l-aġġornament tad-Direttiva tal-Ħinijiet tax-Xogħol tqis il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, id-diversità tat-tradizzjonijiet u l-prijoritajiet tal-Istati Membri u tipprijoritizza appoġġ għal arranġamenti ta’ ħidma individwalizzati sabiex jiġi miġġieled il-qgħad, jinħolqu opportunitajiet ta’ impjieg, tittejjeb il-produttività u tissaħħaħ il-kompetittività;

16. Huwa mħasseb li l-aġenda tal-Politika ta’ Koeżjoni rari ħafna li tissemma fost id-direzzjonijiet tal-politiki ewlenin fil-programm ta’ ħidma bħall-Politika ta’ Koeżjoni – bl-għan ta’ użu konsistenti tal-potenzjal ta’ tkabbir tar-reġjuni u l-bliet tal-UE individwali li jirriżulta f’koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali – isservi ta’ viżjoni dejjiema li tissejjes fit-Trattati tal-ġlieda kontra d-disparitajiet fl-Ewropa;

17. Ifakkar lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-White Paper li jmiss dwar il-Pensjonijiet, li skont l-OMC, l-Istati Membri diġà ftehmu dwar għanijiet komuni għall-politika dwar il-pensjonijiet, issorveljata minn għadd ta’ indikaturi li ntlaħaq qbil dwarhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tiffoka fuq it-titjib ta’ dawn l-indikaturi eżistenti iktar milli titbiegħed minn objettivi u indikaturi li diġà ntlaħaq ftehim dwarhom; iqis li fid-dawl tal-bidliet demografiċi l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jikkunsidraw l-argumenti soċjo-ekonomiċi qawwija favur it-tneħħija ta’ politiki li jistgħu jostakolaw ħaddiem ikbar fl-età milli jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol għal iktar żmien;

18. Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar “Kompetenzi u Impjiegi Ġodda” peress li l-kriżijiet ekonomiċi wasslu għal żieda fil-polarizzazzjoni tas-suq tax-xogħol u żieda fil-qgħad strutturali madwar l-Ewropa; jitlob għal iktar effikaċja u riżultati rigward żewġ aġenziji tal-UE ewlenin is-CEDEFOP u l-ETF;

19. Jistieden lill-Kummissjoni biex fir-rapporti tagħha dwar “Kompetenzi u Impjiegi Ġodda” u “Pjattaforma kontra l-Faqar” tqis id-diffikultajiet speċifiċi li jiffaċċjaw in-nisa, u speċifikament il-promozzjoni tal-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol bħala mezz ta' ġlieda tal-faqar u t-tħeġġiġ ta' nisa biex isiru intraprendituri, billi tieħu miżuri li jaqsmu l-aqwa prattika filwaqt li jagħrfu li Stati Membri individwali huma fl-aqwa pożizzjoni biex ifasslu leġiżlazzjoni rigward in-nisa fit-taħriġ u l-impjieg; jenfasizza li kwalunkwe miżura ġdida mfassla biex jiġi promoss it-tkabbir inklużiv għandu jqis il-fatt li l-arma l-iktar effettiva kontra l-faqae hija t-tkabbir tal-ekonomija li fiha l-impjiegi qegħdin jikbru;

Il-potenzjal tas-Suq Uniku għat-tkabbir

20. Jilqa’ l-proposta għal qafas leġiżlattiv għall-istandardizzazzjoni, li ssaħħaħ il-kompetittività u l-innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea; jistenna li l-Kummissjoni tikkunsidra kif xieraq ir-rapport tal-Kumitat tas-Suq Intern;

21. Jilqa’ l-prijorità ogħla li ngħatat lir-riformi tal-akkwist pubbliku bħala riżultat tal-inizjattivi tal-Parlament Ewropew; jistenna bil-ħerqa l-proposta komprensiva, inklużi r-rekwiżiti għall-Kummissjoni biex tisfrutta bi sħiħ l-opportunitajiet tal-prokura pubblika fl-innovazzjoni u s-sostenibbiltà;

22. Jappoġġa l-enfasi tal-pjanijiet tal-Kummissjoni fuq is-sejba ta’ soluzzjonijiet għall-problemi ta’ kuljum iffaċċjati minn konsumaturi permezz ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim alternattiva; iqis bil-qawwa li hi prijorità ogħla minn sistema pan-Ewropea għal rimedju kollettiv;

23. Jenfasizza li l-Att tas-Suq Uniku finali għandu jassenja prijoritajiet ċari biex jiġi żgurat għan ċar tal-Att tas-Suq Uniku u ma għandux ikun biss lista ta-xiri ta’ 50 proposta;

24. Iqis li għandu jkun hemm preżunzjoni ċara tal-konformità minn Stati Membri mal-proposti kollha tas-Suq Uniku; jenfasizza li issa sar il-ħin li tiġi introdotta preżunzjoni fil-liġi tal-Istati Membri li bħala pre-kundizzjoni l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku sakemm ikunu jistgħu juru raġunijiet aċċettabbli għaliex naqsu milli qdew dmirhom;

25. Jifraħ dwar l-attitudni enerġetika tal-Kummissjoni biex tittrasponi d-Direttiva tas-Servizzi; jenfasizza r-riżultati tar-rapport ta' evalwazzjoni reċiproku li juri impenn ċar tal-Istati Membri għal approċċ deregolatorju; jenfasizza l-importanza ta’ impenn ċar mill-Istati Membri għall-proċedura ta’ evalwazzjoni reċiproka (introdotta fid-Direttiva tas-Servizzi) b’mod ġenerali biex jitneħħew l-ostakoli għat-tlestija tas-Suq Uniku;

26. Jenfasizza li minħabba li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill irrifjutaw b’mod definittiv il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva tad-Drittijiet tal-Konsumatur u abbażi tal-proposta li ġejja dwar l-Imġiba tal-Konsumatur fl-Ambjent Diġitali u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti, huwa importanti ħafna li Strateġija ta’ Politika tal-Kummissjoni għall-Konsumaturi ċara tiġi ttrattata b’mod integrat u b'urġenza fl-2011, mhux fl-2014 kif inhu propost bħalissa;

27. Jappoġġa r-reviżjoni tad-Direttiva tal-Pakkett tal-Ivvjaġġar u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti b’enfasi fuq is-sorveljanza tas-suq;

28. Jistenna bil-ħerqa l-green paper dwar il-logħob tal-azzard fuq l-internet, il-komunikazzjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Gvern elettroniku u l-green paper dwar id-Direttiva tal-Kwalifiki Professjonali;

29. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fir-Reviżjoni tagħha tad-Direttiva 89/105/KEE rigward ‘it-trasparenza ta' miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta' prodotti mediċinali għall-użu tal-persuna u li jkunu parti mill-pjan ta' sistemi nazzjonali ta' assigurazzjoni tas-saħħa’ tiżgura li dan ikun konsistenti mal-objettiv tal-istabbiliment tal-UE bħala ċ-ċentru tal-industrija farmaċewtika dominanti globalment bil-benefiċċji konsegwenti għall-investiment u l-ħolqien ta’ impjiegi b’kompetenzi avvanzati, u partikolarment biex titbiegħed minn fokus minn fuq l'isfel fuq ir-regulazzjoni u l-prezz li kull ma jagħmlu hu li jiskoraġġixxu l-kompetizzjoni;

L-aġenda taċ-ċittadin: libertà, sigurtà u ġustizzja

30. Jemmen li sabiex jinħoloq Spazju Ewropew ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, l-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi sistema li affettwata minn u tqis il-personalità politika u legali individwali ta’ kull Stat Membru u li għalhekk għandhom jinħolqu strumenti biss fejn ikunu meħtieġa, u għandha tirrispetta s-sovranità ta’ kull Stat Membri;

31. Jitloba li kwalunkwe leġiżlazzjoni tiffoka fuq metodi kif l-Istati membri jistgħu jikkooperaw mingħajr xkiel u b’mod effiċjenti, filwaqt li ma jimponux politika armonizzata waħda għal kulħadd, kemm għal-liġi kriminali, il-liġi tal-familja jew politika dwar l-immigrazzjoni;

32. Jagħraf li sabiex ikunu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà fl-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini tagħha, hu ta’ importanza kruċjali li jkun hemm relazzjoni transatlantika b’saħħitha, partikolarment fil-ġlieda tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

33. Jenfasizza li fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ċittadini tal-UE għandhom jiġu rrispettati bi sħiħ u li l-protezzjoni tad-data u d-dritt ta’ rimedju legali huma essenzjali fil-ħolqien ta’ politika ta’ sigurtà kredibbli u effikaċi;

34. Jinsisti li l-aġenziji kollha tal-ĠAI għandhom ikunu kost-effettivi, effiċjenti, u - l-iktar importanti - responsabbli;

35. Jieħu nota tal-proposta mill-Kummissjoni biex tintroduċi strument legali għal-liġi kuntrattwali Ewropea, u jiddispjaċih li dan jidher li jkunu assunti r-riżultati tal-konsultazzjoni li għaddejja bħalissa mill-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni partikolari;

36. Javża lill-Kummissjoni rigward l-impatt li jista’ jkollu r-reġim tal-liġi kuntrattwali fuq il-ġurisdizzjonijiet tal-liġi komuni, minħabba l-bażi tal-proposta fil-liġi ċivili;

37. Jesprimi tħassib serju rigward l-introduzzjoni ta’ strument legali fil-qasam tal-liġi kuntrattwali fuq il-bażi li f'dawn iċ-ċirkostanzi ekonomiċi diffiċli attwali, proposta bħal din ser timponi spejjeż b'piż kbir fuq negozji u konsumaturi, mhux biss rigward l-implimentazzjoni u t-taħriġ li ser ikunu importanti, iżda li jirriżulta wkoll minn litigazzjoni, li ssir neċessità minħabba n-nuqqas ta’ ċertezza legali li tirriżulta mill-introduzzjoni tar-reġim il-ġdid; Jieħu nota li l-ostakoli għall-kummerċ transkonfinali mhumiex relatati primarjament mal-liġi kuntrattwali, iżda għal kwistjonijiet usa’ bħal lingwa, loġistika u proċeduri għal rimedju; u għalhekk jappella lill-Kummissjoni sabiex terġa’ tikkunsidra din il-proposta;

L-Ewropa fid-dinja: Nagħmlu dmirna fl-isfera globali

38. Jenfasizza l-valur importanti tar-relazzjoni ta’ sigurtà transatlantika fin-NATO li ngħatat il-ħajja mill-ġdid; Jemmen li l-UE għandha tappoġġa demokraziji fl-Ażja (partikolarment fl-Indja, il-Ġappun, l-Indoneżja, il-Bangladexx u t-Tajwan), tappoġġa l-proċess ta’ paċi għall-kunflitt Għarbi-Iżraeljan, tkompli l-isforzi biex tostakola l-proliferazzjoni nukleari partikolarment rigward l-Iran u d-DPRK, u tappoġġa lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-bidliet demokratiċi fir-Russja permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni abbażi ta’ valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt;

39. Jenfasizza li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja hi objettiv ewlieni tal-Unjoni Ewropea fil-livell globali u li titjib fir-relazzjonijiet kummerċjali u għajnuna ta’ żvilupp imsaħħa jistgħu jgħinu għall-inkorraġġiment tal-progress f’dan il-qasam; jipproponi li tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tat-tfal u n-nisa – partikoalrment fiż-żoni ta’ kunflitti – u għall-oppożizzjoni ta’ diskriminazzjoni kontra minoranzi abbażi tal-etniċita, is-sesswalità jew l-affiljazzjoni reliġjuża tagħhom (inklużi xi minoranzi reliġjużi li ta’ spiss jiġu injorati bħall-Kristjani fil-Lvant Nofsani jew fl-istati komunisti);

Politika tal-kummerċ komprensiva

40. Jenfasizza li l-UE għandha tappoġġa r-rwol tad-WTO fil-promozzjoni tal-istabbilitá u t-tkabbir ekonomiku, fil-prevenzjoni tal-kunflitti kummerċjali, u fil-ġlieda tal-protezzjoniżmu permezz tal-eliminazzjoni ta' ostakoli ta' kummerċ kif ukoll dawk mhux relatati mal-kummerċ, u l-iżgurar li jintużaw strumenti ta' difiża kummerċjali leġittimi (TDIs) biss bħala l-aħħar għażla hu tal-ikbar importanza; jitlob għalhekk biex il-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi tal-pajjiżi applikanti l-ġodda bil-ħsieb li titkabbar il-bażi ta’ sħubija tad-WTO u b’dan tissaħħaħ l-awtorità tagħha fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istandards ta’ relazzjonijiet kummerċjali madwar id-dinja kollha;

41. Jenfasizza li sabiex l-Istrateġija UE 2020 tirnexxi, għandha tinkludi dimensjoni kummerċjali robusta li tiffoka kemm fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali kif ukoll multilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi terzi minħabba li dawn huma l-għodda ewlenin għar-restawr tal-prosperità tal-UE, filwaqt li jinħolqu impjiegi ġodda meħtieġa ħafna kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE;

It-tkabbir tal-UE, il-viċinat, il-politiki tal-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja

42. Jemmen li sabiex l-UE turi l-valuri u l-prinċipji tagħha b’mod effikaċi u biex tikkontribwixxi għall-istabbilità politika u l-iżvilupp ekonomiku fil-viċinat tagħha, għandha tappoġġa demokraziji ġodda madwar l-Ewropa u ssaħħaħ r-relazzjonijiet mas-Sħab mil-Lvant tagħha;

43. Ifakkar l-impenji internazzjonali li saru rigward l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs), li ħafna minnhom għadhom ma ġewx sodisfati; jemmen f’dan ir-rigward li l-infiq fuq l-iżvilupp fil-livell tal-UE għandu jiġi prijoritizzat bi sħubija mal-Istati Membri individwali sabiex tkun żgurata l-effikaċja tiegħu;

44. Jenfasizza l-ħtieġa kritika ta’ appoġġ sostnut għall-politika ta’ żvilupp tal-UE miċ-ċittadini tal-UE, li fil-kuntest tar-restrizzjonijiet baġitarji attwali jkunu meħtieġa sabiex jiġu affermati mill-ġdid u jinkisbu l-impenji tagħna lejn it-tnaqqis tal-faqar; għan li jista’ jintlaħaq bl-aqwa mod permezz tal-ħolqien tal-ġid u l-iżvilupp ta’ drittijiet tal-proprjetà fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

45. Jenfasizza li l-koerenza tal-politika għandha tintwera fil-livelli kollha u jieħu nota li kwalunkwe inizjattiva ġdida fl-appoġġ ta’ politika ta’ żvilupp tal-UE għandha tkun kompletament trasparenti;

46. Jitlob li l-UE tikkoordina aħjar ir-reazzjoni tagħha għall-katastrofi umanitarji mal-komunità ta’ żvilupp usa’ u biex jiġu ppruvati metodi oħra li bihom l-UE tista’ tiżviluppa l-kapaċitajiet ċivili tagħha fi ħdan il-mekkaniżmi eżistenti, bħall-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili;

Minn-input għall-impatt: l-isfruttar tal-politiki tal-UE

Baġit modern għall-futur tal-Ewropa

47. Jiddispjaċih li r-Reviżjoni tal-Baġit tal-Kummissjoni ma offriet l-ebda analiżi kwantitattiva sustanzjali tal-infiq attwali skont il-Qafas Finanzjarju Multiannwali; jenfasizza li reviżjoni bħal din tal-ispejjeż u l-benefiċċji tan-nefqa tal-UE hija kruċjali qabel l-abbozzar ta’ MFF ġdid;

48. Jenfasizza l-fatt li l-perspettivi finanzjarji futuri tal-UE għandhom ikunu gwidati mill-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, fejn kull nefqa tkun xierqa, razzjonali u tirrappreżenta valur tajjeb għall-flus;

49. Jopponi kwalunkwe tip ta’ riżors proprju ġdid, u hu impenjat bi sħiħ biex jipprevjeni l-impożizzjoni ta’ piż ikbar fuq iċ-ċittadini tal-UE li jħallsu t-taxxi li jirriżulta minn riżorsi proprji ġodda, inkluża l-oppożizzjoni għal kwalunkwe tip ta’ tassazzjoni diretta ġdida tal-UE bħat-taxxa ta’ tranżazzjoni finanzjarja;

50. Jitlob għal ġestjoni iktar effikaċi u trasparenti tal-fond soċjali Ewropew li huma strument essenzjali fil-kisba tal-miri tal-impjieg stabbiliti fl-Istrateġija UE2020 kif miftiehem mill-Istati Membri; jinsisti li l-FSE għandu jibqa’ fil-qafas tar-regolament dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni;

51. Kopponi l-estensjoni ppjanata tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni partikolarment rigward il-ħolqien ta’ linja baġitarja indipendenti għal dan il-fond;

52. Jemmen li l-kwalità tan-nefqa ta’ spiss wisq tiġi injorata favur dibattiti dwar il-kwantitajiet u li ta’ spiss tingħata wisq attenzjoni lill-kontributi minn politiki u b’hekk ma tingħatax biżżejjed attenzjoni lir-riżultati; Għalhekk jitlob għal evalwazzjonijiet sistematiċi, regolari u indipendenti tal-programmi tal-UE – kemm il-politiki interni kif ukoll l-għajnuna ta’ żvilupp – sabiex ikun żgurat li jinkisbu r-riżultati mixtieqa u dan isir b’mod kost-effettiv;

53. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bħala parti minn politika ta’ approċċ ta’ tolleranza żero għall-każijiet kollha ta’ ġestjoni ħażina u frodi, ittejjeb l-iskrutinju tan-nefqa tal-UE permezz ta’ iktar trasparenza ta’ ħlasijiet lil benefiċjarji, partikolarment permezz tal-introduzzjoni urġenti ta’ databases komplutu u li huma faċli li jintużaw mill-utent fuq l-internet; u jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura li l-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom fil-proċess ta’ responsabbiltà baġitarja ta’ programmi ta’ ‘ġestjoni kondiviża’ permezz ta’ dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni nazzjonali u ta’ involviment ikbar mill-korpi ta’ verifika nazzjonali, bħala parti mill-isforz biex jinbena Qafas ta’ Kontroll Intern integrat u effikaċi, filwaqt li jinżamm il-fatt li ġestjoni baġitarja soda tibqa’ r-responsabbiltà sħiħa tal-Kummissjoni;

54. Jitlob lill-Kummissjoni, fil-proposti riveduti tagħha rigward l-OLAF, tappoġġa l-indipendenza sħiħa tal-OLAF bħala l-aqwa mod biex l-investigazzjonijiet ikunu effikaċi kif ukoll ġusti, u jkunu jidhru ġusti għall-pubbliku;

Il-promozzjoni ta’ regolament ‘intelliġenti’

55. Jilqa’ l-impenn min-naħa tal-Kummissjoni lejn it-titjib tal-proċess ta’ tfassil tal-politiki fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej u speċifikament l-inizjattivi li jinsabu fl-aġenda tar-Regolament Intelliġenti li ser jintroduċu u jirrinfurzaw prattiki importanti u prinċipji għall-proċess leġiżlattiv Ewropew; jemmen li dawk il-miżuri jistgħu jgħinu biex il-liġijiet ikunu effiċjenti, effikaċi u ma jimponux piż kbir fuq il-ċittadini, il-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet;

56. Jinnota li approċċ ċar u komprensiv lejn il-valutazzjonijiet tal-impatt ikun parti importanti mill-inizjattivi biex titjieb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni Ewropea, u jappoġġa t-titjib propost għall-metodu li bih dawn jitwettqu għall-proposti ppjanati; jilqa’ r-rwol tal-valutazzjonijiet tal-impatt fl-għoti ta’ evidenza soda li biha jistgħu jsiru għażliet ta’ politika, u jistieden lill-Kummissjoni biex taġixxi fuq il-kritika tal-Qorti tal-Awdituri li mhux l-għażliet ta’ politika kollha huma valutati bi sħiħ;

57. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel l-almu tagħha biex tissodisfa u taqbeż il-mira ta’ tnaqqis ta’ 25% tal-piż amministrattiv sal-2012;

Xogħol għaddej bħalissa

Rwoli leġiżlattivi u ta’ skrutinju tal-Parlament Ewropew

58. Iħeġġeġ lill-korpi governattii Parlamentari rilevanti biex jieħu tal-bidla fl-enfasi tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni, li nbidel minn proposta sempliċi ta’ iktar leġiżlazzjoni favur l-iżgurar li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi implimentat b’mod effikaċi; jemmen li bħala konsegwenza, għandu jkun hemm żieda fil-ħin parlamentari għar-rwol ta’ skrutinju tagħha; għalhekk jitlob li dawn il-korpi governattivi jqisu metodi biex il-ħin disponibbli jiżdied għall-kumitati tiegħu, pereżempju, permezz ta' permess għal programm normali ta' laqgħat waqt li tkun għaddejja l-plenarja (f’ħinijiet li ma jaħbtux ma’ dibattiti ewlenin) u riforma tad-distinzjoni tradizzjonali bejn il-ġimgħat tal-kumitati u l-ġimgħat tal-gruppi; jemmen li jkun iktar kost-effettiv jekk dawn is-sessjonijiet kollha jsiru f’post wieħed;

Is-sajd

59. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li proposti għal riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd jiżgura l-iżvilupp sostenibbli tal-PKS, abbażi ta’ riċerka xjentifika, u billi jitqiesu l-esperjenza u l-għarfien reġjonali u lokali;

60. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-diċentralizzazzjoni hija element integrali tal-PKS;

61. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l’iżvilupp ta’ sajd fuq skala żgħira u sostenibbli u tadotta proposti għat-tħeġġiġ ta’ settur tal-akwakultura Ewropea sostenibbli u attiv;

Kultura

62. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe leġiżlazzjoni proposta fil-qasam tal-kultura tirrispetta b’mod xieraq il-prinċipju tas-sussidjarjetà u fid-dawl tat-teħid ta’ miżuri ta’ awsterità minn bosta Stati membri tal-UE, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tipproponix programmi kulturali ġodda li jkunu jinkludu nfiq ġdid jew miżjud;

L-Agrikoltura

63. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li proposti għal riforma tal-Politika Agrikola Komuni, il-pakkett tal-Kwalità u l-pakkett tal-Ħalib jibqgħu jiżguraw enfasi ikbar fuq is-suq, filwaqt li l-bdiewa jitħallew jiksbu dħul stabbli u tkun żgurata distribuzzjoni iktar ġusta ta’ ħlasijiet madwar l-UE;

64. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li tnaqqis fil-piż burokratiku impost fuq il-bdiewa u simplifikazzjoni tar-regoli li jaffettwaw il-politika agrikola jkunu ċentrali għal-leġiżlazzjoni kollha proposta;

Konklużjoni

65. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.