Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0707/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0707/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Côte d'Ivoire (Ivory Coast)

13.12.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Michał Tomasz Kamiński, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0707/2010

Proċedura : 2010/3006(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0707/2010
Testi mressqa :
B7-0707/2010
Testi adottati :

B7‑0707/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Côte d'Ivoire (Ivory Coast)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Côte d'Ivoire,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou bejn l-UE u l-AKP, iffirmat f’Ġunju 2000,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Côte d'Ivoire, b’mod partikulari r-Riżoluzzjonijiet 1765(2007), 1933(2010) u 1946(2010),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-proċess elettorali u b'mod partikolari dawk tat-3 ta' Diċembru 2010 dwar ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Côte d'Ivoire, u tal-1 ta’ Diċembru 2010 dwar it-tieni rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali fil-Côte d'Ivoire,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet preliminari tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali mibgħuta mill-Unjoni Ewropea(UE), l-Unjoni Afrikana (UA) u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Punent tal-Afrika (ECOWAS) li qablu fil-konklużjonijiet tagħhom li t-tieni rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali seħħew b’mod ħieles u demokratiku;

–   wara li kkunsidra l-istqarrija għall- istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-elezzjonijiet tal-Côte d’Ivoire u d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-Moon tat-2 ta’ Diċembru 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-3 ta’ Diċembru 2010 tas-Sur Young-Jin Choi, Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU fil-Côte d’Ivoire dwar iċ-ċertifikazzjoni tar-riżultati tat-tieni rawnd tal-elezzjoni presidenzjali tat-28 ta’ Novembru 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar it-tħabbira tar-riżultati tat-tieni rawnd tal-elezzjoni presidenzjali tat-28 ta’ Novembru 2010 fil-Côte d'Ivoire adottata fit-3 ta’ Diċembru 2010 f’Kinshasa mill-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-Moon tal-4 ta’ Diċembru 2010, li tesprimi tħassib dwar il-kriżi politika li seħħet wara l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Côte d'Ivoire, minkejja r-rebħa ċara tas-Sur Alassane Dramane Ouattara fl-exit polls b'marġini ta' kważi 10 punti,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Durão Barroso tal-4 ta’ Diċembru 2010 li kkonfermat lis-Sur Alassane Ouattara bħala r-rebbieħ leġittimu tal-elezzjonijiet demokrtatiċi,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tas-Sur Abdou Diouf, Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Francofonija tal-5 ta’ Diċembru 2010, li fiha stieden lill-atturi politiċi kollha jirrikonoxxu r-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali mħabbra mill-Kummissjoni Elettorali Indipendenti (CEI) u ċċertifikati min-NU,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Finali tas-samit tal-ECOWAS li sar f’Abuja, in-Niġerja, fis-7 ta’ Diċembru 2010,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-8 ta' Diċembru 2010,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Unjoni Afrikana li tissospendi s-sħubija tal-Côte d'Ivoire tad-9 ta’ Diċembru 2010 li iġġiegħel ir-riżenja tal-ex-President Laurent Koudou Gbagbo,

–   Wara li kkunsidra l-pożizzjoni komuni tal-komunità internazzjonali li titlob ir-riżenja tal-ex-President Laurent Koudou Gbagbo, malajr kemm jista’ jkun sabiex jinżammu l-prospetti ta’ tranżizzjoni paċifika tal-poter,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi wara aktar minn 10 snin, u diversi posponimenti, fil-31 ta’ Ottubru 2010, twettaq l-ewwel rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali fil-Côte d'Ivoire, skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Politiku ta’ Ouagadougou tal-4 ta’ Marzu 2007,

B.  billi l-ewwel rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali kien ikkaratterizzat b’parteċipazzjoni storika ta’ madwar 80% tal-votanti reġistrati li ġeneralment seħħew b’mod ħieles u demokratiku minkejja d-dewmien sussegwenti fit-tħabbir tar-riżultati,

C. billi fl-aħħar nett is-CEI iddikjarat lill-President fil-kariga Laurent Koudou Gbagbo u lill-ex Prim Ministru Alassane Dramane Ouattara bħala l-kandidati ewlenin tat-tieni rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali li kellu jsir fit-28 ta’ Novembru 2010,

D. billi l-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE fil-Côte d'Ivoire fid-Dikjarazzjoni Preliminari tagħha tat-30 ta' Novembru 2010, ikkonkludiet li l-kampanja elettorali għat-tieni rawnd ta' elezzjonijiet iċċapset bi vjolenza li kkawżat bosta korrimenti u mwiet fost iċ-ċittadinanza,

E.  billi fil-lejla tat-2 ta’ Diċembru 2010, il-President tas-CEI, is-Sur Youssouf Bakayoko, iddikjara lis-Sur Alassane Dramane Ouattara r-rebbieħ tat-tieni rawnd tal-elezzjonijiet b’54.1% tal-voti mitfugħa, fi klima ta’ tensjoni ġenerali b’allegazzjonijiet ta’ frodi elettorali ħerġin mill-kamp tal-President kandidat u b’atti ta’ vjolenza u intimidazzjoni diretti lejn is-sostenituri tas-Sur Ouattara kif ukoll fil-konfront tal-osservaturi tal-Unjoni Ewropea fil-pajjiż,

F.  billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU laqa’ t-tħabbira tar-riżultati proviżorji tal-Kummissjoni Elettorali Indipendenti tal-Côte d'Ivoire (CEI) u tenna li kien lest jieħu l-miżuri adegwati kontra dawk li jostakolaw il-proċess ta’ paċi, u b’mod partikulari l-ħidma tas-CEI, kif stipulat fil-paragrafu 6 tar-Riżoluzzjoni 1946(2010),

G.  billi wara li tħabbru r-riżultati, il-kap tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Côte d'Ivoire iddikjara t-tħabbira tar-riżultati elettorali tas-CEI bħala nulla u invalida u ddikjara lis-Sur Gbagbo bħala r-rebbieħ, wara li kkanċella r-riżultati tal-votazzjoni ta’ erba’ reġjuni fit-tramuntana tal-Côte d'Ivoire fejn Ouattara kien rebaħ b’maġġoranza kbira,

H.  billi, b’segwitu għad-deċiżjoni msemmija aktar ‘il fuq tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Côte d'Ivoire, ingħalqu l-fruntieri kollha tal-pajjiż u kull xandira ta’ informazzjoni fuq kanali tat-TV barranin kienet sospiża, li mhux biss ħalliet liċ-ċittadini tal-Côte d'Ivoire f’iżolazzjoni totali mill-bqija tad-dinja, iżda ukoll għamlitha diffiċli għall-komunità internazzjonali li ssegwi l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tal-istat tad-dritt fil-pajjiż,

I.   billi r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, is-Choi, aktar tard ċċertifika l-proċess dovut tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-Côte d'Ivoire, u b’hekk ikkonferma li r-riżultati tal-elezzjonijiet mħabbra mill-Kummissjoni Elettorali Indipendenti kienu preċiżi u kienu jirrappreżentaw ir-rieda ħielsa taċ-ċittadini tal-Côte d'Ivoire,

J.   billi s-Sra Fatou Bensouda, Deputat Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC), talbet lill-awtoritajiet tal-Côte d'Ivoire jinvestigaw l-atti kollha ta’ vjolenza li seħħew qabel u wara t-tieni rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali u tenniet id-determinazzjoni tal-ICC li jagħmel skrutinju mill-qrib tal-atti kollha ta’ vjolenza rrappurtati f’dan ir-rigward,

K. billi minkejja l-protesti kontinwi tal-komunità internazzjonali s-Sur Gbagbo ħa l-ġurmanet tal-ħatra bħala President waqt ċerimonja organizzata fl-4 ta’ Diċembru 2010, filwaqt li Alassane Ouattara ħa l-ġurament ta’ President tal-Côte d'Ivoire permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Kunsill Kostituzzjonali,

L.  billi numru akbar ta’ msieħba politiċi u kummerċjali tal-Côte d'Ivoire fl-Afrika u fil-Punent tad-Dinja esprimew l-appoġġ tagħhom għas-Sur Alassane Dramane Ouattara, b’dan tal-aħħar jiġi rikonoxxut rebbieħ leġittimu tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-Côte d'Ivoire u l-Kap tal-Istat leġittimu li ngħata l-kariga skont ir-rieda demokratika tal-poplu tal-Côte d'Ivoire,

M. billi l-ex President tal-Afrika t’isfel Thabo Mbeki, ir-rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Afrikana għall-Côte d'Ivoire, żar il-pajjiż bil-għan li jaġixxi ta' medjatur bejn iż-żewġ kampijiet presidenzjali,

N. billi fil-5 ta’ Diċembru 2010 s-Sur Ouattara ħabbar il-formazzjoni ta’ gvern immexxi mill-ex Prim Ministru s-Sur Guillaume Soro; billi s-Sur Gbagbo wieġeb għal dan billi ħabbar in-nomina tal-prim ministru tiegħu, minkejja l-protesti ta’ għadd ta' eluf ta' persuni fil-belt ta’ Bouaké, li tinsab fit-tramuntana tal-pajjiż,

O. billi l-laqgħa tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-NU tat-8 ta’ Diċembru 2010 kkundannat bl-aktar mod qawwi kull attentat ta’ sovverżjoni tar-rieda popolari tal-poplu tal-Côte d'Ivoire u rrikonoxxa d-deċiżjoni tal-ECOWAS li tikkonferma lis-Sur Ouattara bħala l-President tal-Côte d'Ivoire,

1.  Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire wara t-tieni rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li r-riżultati tal-elezzjonijiet demokratiċi għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ mill-parteċipanti kollha, inkluż il-kandidati telliefa u jenfasizza li n-nuqqas ta’ aċċettazzjoni ta’ dawn ir-riżultati jkabbru r-riskju għall-paċi u l-istabilità fil-pajjiż;

2.  Iħeġġeġ il-forzi politiċi kollha fil-Côte d'Ivoire biex jirrispettaw ir-rieda tal-poplu li kienet espressa b’mod ħieles fir-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali tat-28 ta’ Novembru 2010 mħabbra mill-Kummissjoni Elettorali Indipendenti u ċċertifikati mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali;

3.  Jiddeplora l-ġlied vjolenti li seħħ qabel il-proklamazzjoni tar-riżultati tat-tieni rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali fil-Côte d’Ivoire u jesprimi l-akbar solidarjetà tiegħu mal-vittmi u mal-familji tagħhom; jiddispjaċih ukoll dwar ix-xkiel politiku u t-tentattivi li jiġu intimidati l-membri tas-CEI, li finalment dewmu t-tħabbir tar-riżultati proviżorji, biex b'hekk fixklu l-iżvolġiment xieraq tal-proċess elettorali demokratiku;

4.  Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Kunsill Kostituzzjonali li parzjalment tinvalida r-riżultati tat-tieni rawnd tal-elezzjoni presidenzjali; jikkunsidra li din tikkostitwixxi ksur tal-Kodiċi Elettorali tal-Côte d'Ivoire, li ma jistipulax din it-tip ta' sitwazzjoni u jesprimi tħassib dwar l-istrumentalizzazzjoni politika tal-Qorti Kostituzzjonali min-naħa tas-Sur Gbagbo, li kienet ta' theddida għall-proċess elettorali kollu kemm hu billi ma ħallitux jiffunzjona b’mod effettiv;

5.  Jilqa' d-dikjarazzjonijiet ta' diversi parteċipanti tal-komunità internazzjonali li jesprimu appoġġ għall-proċess elettorali fil-Côte d’Ivoire u jirrikonoxxu lis-Sur Ouattara bħala r-rebbieħ leġittimu tal-elezzjoni;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa għal monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni politika konfuża li għadha qed tirrenja fil-pajjiż u dwar l-atti ta’ vjolenza, li f’xi każijiet, allegatament kienu jinvolvu l-forzi ta’ sigurtà tal-Côte d’Ivoire; jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha biex juru l-akbar moderazzjoni sabiex is-sitwazzjoni ma tiddeġenerax aktar u biex jiġi protett l-istat tad-dritt ;

7.  Jilqa' l-isforzi kollha ta' medjazzjoni u jistieden lill-forzi politiċi kollha fil-Côte d’Ivoire biex jappoġġaw b'mod attiv tranżizzjoni paċifika u b'hekk jevitaw qasma fil-pajjiż;

8.  Jikkundanna b'mod qawwi l-atti ta' intimidazzjoni kontra l-osservaturi tal-Unjoni Ewropea u kontra ċ-ċittadini tal-UE b’mod ġenerali fil-Côte d’Ivoire li ġiegħlu l-missjoni tirtira għal raġunijiet ta' sigurtà;

9.  Jfaħħar l-impenn tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għall-proċess elettorali fil-Côte d'Ivoire u jilqa’ d-determinazzjoni tagħha li tikkunsidra l-adozzjoni ta’ snzjonijiet immirati kontra dawk li jostakolaw it-tranżizzjoni paċifika;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill tal-UE u lill-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, il-Barunessa Catherine Ashton, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-ONUCI, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-ECOWAS, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE.