MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-allegat ksur tal-libertà ta' espressjoni u diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali fil-Litwanja
12.1.2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Simon Busuttil, Véronique Mathieu f'isem il-Grupp PPE-DE
B7‑0033/2011
dwar l-allegat ksur tal-libertà ta' espressjoni u diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali fil-Litwanja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 11 u 21 tal-Karta ta’ Drittijiet Fundamentali dwar in-non-diskriminazzjoni u l-libertà tal-istampa,
– wara li kkunsidra l-obbligi internazzjonali u dawk Ewropej rigward id-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jinsabu fil-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-12 ta’ Novembru 2010 il-Parlament tal-Litwanja ddeċieda li jniedi l-proċedura ta' kunsiderazzjoni tal-emenda għall-Kodiċi Amministrattiv tal-Litwanja li tiddikjara li l-promozzjoni pubblika ta' relazzjonijiet omosesswali għandha tiġi mmultata,
B. billi l-abbozzi ta’ modifiki għall-Kodiċi Amministrattiv tneħħew mill-aġenda tas-sessjoni plenarja tas-Seimas għaliex dawn ma ġewx eżaminati mill-kumitati parlamentari partikolari u għandhom qed jiġu eżaminati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Litwanja,
C. billi l-modifika proposta għall-Kodiċi Amministrattiv ingħatat valutazzjoni negattiva mid-Dipartement Legali tas-Seimas u mid-Dipartiment tal-Liġi Ewropea taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja,
D. billi fil-proġett tad-deċiżjoni tal-Gvern, imħejjija mill-Ministeru tal-Ġustizzja, il-modifika tal-Kodiċi Amministrattiv proposta ngħatat valutazzjoni negattiva u kien iddikjarat li tikkuntradixxi l-liġi internazzjonali, Ewropea u l-liġi Kostituzzjonali tal-Litwanja,
1. Isostni l-valuri u l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, b’mod partikolari r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tal-minoranzi kollha;
2. Itenni l-importanza li l-UE li tiġġieled kontra kull forma ta' diskriminazzjoni, u b'mod partikulari d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali;
3. Iwissi li l-modifiki proposti għadhom ma ġewx ivvutati mill-Pleanrja tal-Parlament Litwan u għadhom qed jiġu eżaminati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Litwanja;
4. Itenni l-importanza tar-rispett tad-dritt ta’ kull demokrazija – b’konformità sħiħa mad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni – li tiddiskuti, timmodifika, tadotta l-liġijiet u d-dispożizzjonijiet nazzjonali, mingħajr indħil fid-diskussjonijiet tal-parlamenti nazzjonali;
5. Jilqa’ l-pjan tal-awtoritajiet tal-Litwanja li jeżaminaw il-modifiki proposti li tqiesu f’kunflitt mal-liġi Ewropea, b’mod partikolari fir-rigward tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati u lill-President tar-Repubblika tal-Litwanja.