MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar Ħaiti
12.1.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Jacky Hénin, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑0034/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Ħaiti
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra s-Samit tal-G7 f'Iqaluit, il-Kanada, tas-6 ta' Frar 2010,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Ministerjali preparatorja li saret f'Montréal fil-25 ta' Jannar 2010,
– wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu tal-20 ta' Jannar 2010 dwar it-terremot f'Ħaiti, fil-preżenza tal-Barunissa Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin li saret fi Brussell fit-18 ta' Jannar 2010,
– wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja,
– wara li kkunsidra l-Missjoni ta’ Stabilizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti f’Ħaiti (MINUSTAH),
– wara li kkunsidra l-proposta ta' Michel Barnier tad-9 ta' Mejju 2006 "Għal Forza Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili: Għajnuna Ewropea",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi terremot li laqat lil Ħaiti fit-12 ta’ Jannar 2010 ħalla 250 000 persuna mejta u 300 000 feruti,
B. billi kważi żewġ miljun persuna minn Ħaiti tilfu darhom, jiġifieri 15% tal-popolazzjoni,
C. billi l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni tqis li 810 000 persuna spustjata għadhom qed jgħixu fil-kampijiet ta' Port-au-Prince u fil-pronvinji filwaqt li l-assoċjazzjonijiet tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem jikkundannaw il-kondizzjonijiet ta' għajxien "tal-biża'" fil-kampijiet, u speċjalment "ir-riskju ta' stupru u vjolenza sesswali" li jiffaċċjaw in-nisa,
D. billi sena wara li seħħet il-katastrofi, ir-rikostruzzjoni fil-pajjiż hija dgħajfa ħafna u billi l-epidemija tal-kolera mhix tagħmel għajr iżżid id-disgrazzji tal-pajjiż u diġà ħalliet 3600 persuna mejta minn wara nofs Ottubru 'l hawn,
E. billi din is-sitwazzjoni wasslet għal irvelli, b'mod partikolari kontra l-kampijiet tan-NU minn fejn jidher li ġejja l-epidemija,
F. billi parti kbira mill-għajnuna internazzjonali li kien hemm prevista partikolarment mill-Unjoni Ewropea jidher li ma waslitx,
G. billi s-sitwazzjoni drammatika li għadda minnha l-pajjiż saret aktar gravi bl-elezzjonijiet ġenerali tat-28 ta' Novembru 2010 meta żdiedu l-allegazzjonijiet ta' frodi u tnax-il kandidat talbu li dawn jiġu annullati; billi dawn l-elezzjonijiet tmexxew permezz tal-għajnuna tar-rappreżentanti tan-NU, l-OSA, l-Istati Uniti, Franza u l-Kanada,
H. billi wara dawn l-elezzjonijiet kien hemm demostrazzjonijiet ta' protesta qawwija fil-pajjiż kollu; billi l-missjoni teknika tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OSA) li ġiet biex tevalwa r-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali tat-28 ta' Novembru nhar l-10 ta' Jannar 2011 irrakkomandat li jitneħħa l-kandidat fil-poter, Jude Célestin u floku jittella' Michel Martelly,
I. billi kkunsidra n-nuqqas ta' żvilupp endemiku u l-faqar ekonomiku u soċjali estrem fil-pajjiż, meta qabel ma seħħet il-katastrofi, il-maġġoranza tat-12 il-miljun abitant ta' Ħaiti kienu jgħixu b'anqas minn żewġ dollari kuljum;
J. billi din il-qagħda ta' faqar estrem amplifikat l-effetti devastanti tat-terremot biex inħolqot l-akbar kriżi umanitarja f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin,
K. billi Franza u l-istituzzjonijiet internazzjonali (l-ewwel fosthom il-Fond Monetarju Internazzjonali) imponew fuq il-pajjiż dejn u ħlasijiet tal-imgħax fuq id-dejn kolossali, li wassal għas-sottożvilupp tiegħu;
1. Itenni mill-ġdid is-solidarjetà tiegħu mal-abitanti ta' Ħaiti vittmi tat-terremot u tal-kolera;
2. Jilqa' s-solidarjetà internazzjonali biex tingħata għajnuna lil Ħaiti, l-ewwelnett is-solidarjeta reġjunali, u partikolarment
– it-tobba u l-persunal speċjalizzat mibgħut minn Kuba li sa llum kkuraw aktar minn 50,000 persuna bil-kolera,
– l-għajnuna finanzjarja permezz tal-Fond Umanitarju tal-ALBA għall-Ħaiti,
– l-issuktar tal-appoġġ attiv permezz tal-Petrocaribe u l-ħolqien ta' pjan speċjali għall-forniment dirett ta' fjuwil għall-vetturi tal-għajnuna umanitarja,
– inizjattivi agrikoli għall-forniment ta' oġġetti tal-ikel u pjanijiet għall-produzzjoni, kif ukoll kampanja ta' riafforestazzjoni;
3. Jitlob li tinfetah inkjesta dwar il-fatt li ċerta għajnuna, partikolarment tal-Unjoni Ewropea, jista' jkun li qatt ma waslet Ħaiti, kif ukoll inkjesta dwar l-effettività tan-netwerk ta' tqassim tal-għajnuna; jitlob ukoll rendikont tal-għajnuna li filfatt ingħatat;
4. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kundizzjonijiet ta' għajxien fil-kampijiet u l-bżonn li kemm jista' jkun malajr tinstab akkomodazzjoni reali għal dawn il-familji;
5. Jitlob li jsir kulma hu possibbli u kemm jista' jkun malajr biex ikun hemm rikostruzzjoni effettiva tal-pajjiż;
6. Jenfasizza l-fatt li l-epidemija tal-kolera jidher li ġiet minn kamp tan-NU li jagħmel ħsara għall-kredibilità tal-azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti f'Ħaiti u jitlob li jsir dak kollu li hemm bżonn biex tiġi żgurata s-sikurezza sanitarja indispensabbli;
7. Jikkundanna bl-akbar qawwa kull indħil politku min-naħa tal-forzi barranin fil-ħajja tal-pajjiż u jitlob ukoll li ssir inkjesta dwar l-elezzjonijiet reċenti fil-pajjiż;
8. Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-prinċipju tas-sovranità u tal-integrità territorjali ta' Ħaiti jiġi rrispettat;
9. Jitlob l-implimentazzjoni tad-dritt għall-ażil effettiv, parkolarament għal vittmi tat-terremot li għandhom familjari jgħixu fit-territorju Ewropew;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President tal-Kummissjoni, lill-President u lill-Gvern ta' Ħaiti, kif ukoll lis-Sotto-Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji u l-Għajnuna ta' Emerġenza.