MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-adozzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea
17.1.2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Hannes Swoboda f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0029/2011
B7‑0037/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-adozzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-20 ta' Novembru 1989, b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tal-Adozzjoni Bejn il-Pajjiżi (iffirmata fl-Aja fl-1993) u l-Konvenzjoni Ewropea tal-25 ta' Jannar 1996 dwar l-Eżerċizzju tad-Drittijiet tat-Tfal (ETS Nru 160),
– wara li kkunisidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-titjib tal-leġiżlazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-adozzjoni tat-tfal (A4–0392/96),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2008 dwar strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (2007/2093 (INI)),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-dritt sostantiv dwar l-adozzjoni huwa kompetenza tal-Istati Membri,
B. billi l-mod li bih l-adozzjoni internazzjonali tiġi implimentata fl-UE jiddependi mir-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri dwar l-adozzjoni,
C. billi l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti l-adozzjoni ta' miżuri marbuta mad-dritt tal-familja,
D. billi hemm konvenzjonijiet internazzjoniali fis-seħħ dwar il-protezzjoni tat-tfal u r-responsabilitajiet tal-ġenituri, partikolarment il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1993 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tal-Adozzjoni Bejn il-Pajjiżi, li 81 pajjiż huma partijiet kontraenti tagħha,
E. billi sar progress konsiderevoli b'riżultat tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1993 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tal-Adozzjoni Bejn il-Pajjiżi, li tirregola u tiffaċilita l-adozzjoni bejn il-pajjiżi fl-UE u f'pajjiżi terzi,
F. billi l-UE tista' tagħmel ħilitha biex ittejjeb l-funzjonament tal-Konvenzjoni tal-Aja bejn l-Istati Membri billi telimina burokrazija żejda u billi tippermetti li l-proċeduri tal-adozzjoni jiġu kompluti aktar maljar filwaqt li jitħarsu d-drittijiet prijoritarji tat-tfal,
G. billi l-għadd ta' adozzjonijiet internazzjonali, fid-dinja kollha, żdied b'rata kbira bil-maġġoranza l-kbira tal-adozzjonijiet internazzjonali li attwalment jinvolvu tfal li jiċċaqalqu minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għal pajjiżi żviluppati,
H. billi fl-Ewropa l-problema tat-tfulija prekarja, partikolarment tat-tfal abbandunati u li jiddaħħlu f'istituti, għadha problema serja u urġenti, u huwa importanti li jitħares id-dritt tat-tfal għal ħajja f'familja,
I. billi l-ħarsien tad-drittijiet tagħhom huwa wieħed mill-objettivi tal-Unjoni Ewropea,
1. Jistieden lill-awtorità kompetenti biex tanalizza l-mod li bih l-adozzjoni internazzjonali tiġi implimentata bejn l-Istati Membri f'livell Ewropew, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali, partikolarment il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tal-Adozzjoni Bejn il-Pajjiżi, bl-għan li tittejjeb l-assistenza fis-servizzi ta' informazzjoni, it-tħejjija għall-adozzjoni bejn il-pajjiżi, l-ipproċessar ta' proċeduri ta' applikazzjoni għal adozzjoni internazzjonali, u s-servizzi ta' wara l-adozzjoni, b'kunsiderazzjoni għall-fatt li l-konvenzjonijiet internazzjonali kollha marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal jirrikonoxxu d-dritt tat-tfal orfni jew abbandunati li jkollhom familja;
2. Jitlob li l-proċeduri nazzjonali eżistenti jiġu ssimplifikati u kkoordinati; għal dan l-għan il-Kummissjoni tista' tibda riċerka sostanzjata biex possibilment tivvaluta l-fattibbiltà u l-ħtieġa ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ u ta' tixrid tal-aħjar prassi fl-Ewropa kollha, sabiex tippromwovi u tħeġġeġ omoġeneità effikaċi tal-proċeduri implimentati fl-Istati Membri skont il-konvenzjonijiet internazzjonali;
3. Iqis li l-adozzjoni għandha titħeġġeġ primarjament, kull meta jkun possibbli u fl-aqwa interessi tat-tfal, fil-pajjiż tal-oriġini tat-tfal, b'soluzzjoni alternattiva ta' akkoljenza f'familja, bħall-fostering jew kura residenzjali, jew billi tinstab familja permezz tal-adozzjoni internazzjonali, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, filwaqt li t-tqegħid f'istitut jintuża biss bħala soluzzjoni temporanja;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw qafas b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Konferenza tal-Aja, il-Kunsill tal-Ewropa u l-organizzazzjonijiet tat-tfal biex jiżguraw il-valutazzjoni effikaċi tax-xejriet fir-rigward tat-tfal abbandunati u adottati u biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom biex jipprevjenu t-traffikar tat-tfal għall-adozzjoni;
5. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikolari lil tfal bi bżonnijiet speċjali, bħal tfal li jeħtieġu kura medika u tfal b'diżabilità;
6. Jirrikonoxxi li salvagwardji proċedurali u kontroll adegwat tad-dokumenti kollha tal-adozzjoni, inklużi ċ-ċertifikati tat-twelid, jgħinu biex iħarsu lit-tfal mill-ksur ta' drittijiethom minħabba dubji dwar l-età jew l-identità; jemmen li sistema affidabbli li tirreġistra t-twelid tista' tipprevjeni t-traffikar tat-tfal għall-adozzjoni;
7. Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri biex jipparteċipaw attivament fil-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal għall-adozzjoni u biex jippromwovu t-trasparenza tal-ispejjeż fl-attivitajiet kollha li jseħħu fil-pajjiżi li fihom tiġi ddikjarata l-adozzjoni;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri.