MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-adozzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea
17.1.2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Cecilia Wikström, Renate Weber, Sonia Alfano, Luigi de Magistris, Diana Wallis f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0029/2011
B7‑0038/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-adozzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-20 ta' Novembru 1989, b'mod partikolari l-Artikolu 21,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tal-Adozzjoni Bejn il-Pajjiżi (iffirmata fl-Aja fl-1993) u l-Konvenzjoni Ewropea tal-25 ta' Jannar 1996 dwar l-Eżerċizzju tad-Drittijiet tat-Tfal (ETS Nru. 160),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-titjib tal-leġiżlazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-adozzjoni tat-tfal (A4–0392/1996),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2008 dwar strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (2007/2093 (INI)),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-benessri ta' kull tifel u tifla huwa tal-akbar importanza,
B. billi l-Istati Membri kollha tal-UE huma firmatarji għall-Konvenzjoni tad-29 ta' Mejju 1993 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tal-Adozzjoni Bejn il-Pajjiżi,
C. billi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni tal-Aja jiddeskrivu l-familja bħala l-grupp fundamentali fis-soċjetà u l-ambjent naturali għat-trobbija u għall-benessri tat-tfal fil-maġġoranza kbira tal-każijiet, u bħala l-ewwel għażla għall-kura tat-tfal,
D. billi jekk ma tkunx disponibbli l-kura primarja tat-tfal mill-familja, l-adozzjoni għandha tkun fost l-għażliet sekondarji naturali disponibbli, filwaqt li t-tqegħid tat-tfal fil-kura istituzzjonali għandu tabilħaqq ikun l-aħħar għażla,
E. billi fl-Istati Membri l-fehmiet dwar il-prinċipji li għandhom jirregolaw l-adozzjonijiet tat-tfal, il-proċeduri tal-adozzjoni u l-konsegwenzi legali tal-adozzjoni jvarjaw,
F. billi l-approvazzjoni ta' prinċipji u prattiki komuni riveduti fir-rigward tal-adozzjoni tat-tfal tgħin biex jitnaqqsu d-diffikultajiet ikkawżati mid-differenzi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u fl-istess ħin jippromwovu l-interessi tat-tfal li huma adottati,
G. billi fl-Ewropa l-problema tat-tfal abbandunati qed issir aktar serja u urġenti u biex tiġi indirizzata din l-isfida huwa importanti li jitħares id-dritt tat-tfal li jiġu adottati anki fil-livell internazzjonali biex ikun evitat li t-tfal ikunu sfurzati jgħixu fl-orfanatrofji,
H. billi hemm konvenzjonijiet fis-seħħ dwar il-protezzjoni tat-tfal u r-responsabilitajiet tal-ġenituri, primarjament: il-Konvenzjoni Ewropea tal-1967 dwar l-adozzjoni tal-minorenni, li timmira li tqarreb il-liġijiet tal-Istati Membri fejn l-adozzjoni tinvolvi ċ-ċaqliq ta' tfal minn pajjiż għall-ieħor, u l-Konvenzjoni tal-1993 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tal-Adozzjoni Bejn il-Pajjiżi,
I. billi, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali saret torbot: billi, skont l-Artikolu 24 tal-Karta, "It-tfal għandu jkollhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom". Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tat-Trattat ta' Lisbona jistqarr li "l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal" taqa' fl-ambitu tal-objettivi tal-Unjoni,
J. billi l-ksur tad-drittijiet tat-tfal, il-vjolenza kontra tagħhom u t-traffikar tat-tfal għall-adozzjonijiet illegali, il-prostituzzjoni, ix-xogħol illegali, iż-żwieġ furzat, u t-tallaba fit-toroq jew għal kull skop illegali ieħor, jibqgħu ta' problema fl-UE,
K. billi l-interessi tal-tfal huma ta' importanza fundamentali,
1. Jistieden biex tiġi analizzata l-possibbiltà ta' koordinazzjoni fuq livell Ewropew tal-politika u l-istrateġiji relatati mal-istrument tal-adozzjoni internazzjonali, skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni tal-Aja dwar l-adozzjoni bejn il-pajjiżi u standards oħra internazzjonali, biex ittejjeb l-assistenza fis-servizzi ta' informazzjoni, it-tħejjija għall-adozzjoni bejn il-pajjiżi, l-ipproċessar ta' proċeduri ta' applikazzjoni għal adozzjoni internazzjonali, u s-servizzi ta' wara l-adozzjoni, b'kunsiderazzjoni għall-fatt li l-konvenzjonijiet internazzjonali kollha marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal jirrikonoxxu d-dritt tat-tfal orfni jew abbandunati li jkollhom familja u jkunu protetti;
2. Iqis li adozzjoni fil-pajjiż ta' oriġini tat-tfal jew billi tinstab familja permezz ta' adozzjoni internazzjonali, trid titwettaq skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, u li t-tqegħid f'istitut għandu jintuża biss bħala soluzzjoni temporanja; tista' titqies soluzzjoni alternattiva ta' akkoljenza f'familja, bħall-'foster care';
3. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Konferenza tal-Aja, mal-Kunsill tal-Ewropa, u mal-organizzazzjonijiet tat-tfal biex jiżviluppaw qafas li jiżgura t-trasparenza u l-monitoraġġ effettiv tal-iżvilupp tat-tfal abbandunati u adottati u biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom biex ikun evitat it-traffikar tat-tfal;
4. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikolari lil tfal bi bżonnijiet speċjali, bħal tfal li jeħtieġu kura medika u tfal b'diżabilità;
5. Jirrikonoxxi li ċ-ċertifikati tat-twelid jgħinu biex it-tfal jiġu protetti kontra vjolazzjonijiet bbażati fuq dubji dwar l-età u l-identità tagħhom; jemmen li sistema affidabbli li tirreġistra t-twelid tista' tnaqqas l-adozzjonijiet illegali;
6. Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri kollha biex jipparteċipaw b'mod attiv fil-ġlieda kontra l-adozzjonijiet illegali;
7. Jistieden lill-Istituzzjonijiet kollha tal-UE biex jieħdu rwol aktar attiv fil-Konferenza tal-Aja biex jagħmlu pressjoni fuq il-Konferenza sabiex ittejjeb, tissimplifika u tiffaċilita l-adozzjoni internazzjonali filwaqt li jonoraw u jissalvagwardjaw il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal minn pajjiżi terzi;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri.