MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża
17.1.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Fiorello Provera, Nikolaos Salavrakos, Mario Borghezio, Oreste Rossi, Francesco Enrico Speroni, Niki Tzavela, Lorenzo Fontana, Mara Bizzotto f'isem il-Grupp EDF
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0039/2011
B7‑0039/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-libertà reliġjuża,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u tad-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili huma prinċipji u għanijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi,
B. billi, skont il-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u b'mod partikulari l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed jidbel ir-reliġjon jew it-twemmin, u l-libertà li b'mod individwali jew f'komunità ma' oħrajn u fil-pubbliku jew fil-privat, jimmanifesta r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu bil-qima, l-osservanza, il-prattika u t-tagħlim,
C. billi l-komunitajiet Insara madwar id-dinja kollha dejjem aktar qegħdin ibatu mill-intolleranza reliġjuża,
D. billi f'quddiesa tas-Sena l-Ġdida f'Lixandra, l-Eġittu, attakk suwiċida b'bomba kkawża l-mewt ta' 21 Nisrani Kopt,
E. billi l-Eġittu, il-Pakistan, il-Palestina, l-Iraq, l-Iran, in-Niġerja, iċ-Ċina, il-Korea ta' Fuq, il-Vjetnam, il-Malasja, il-Mjanmar u n-Nepal huma biss uħud mill-pajjiżi li fihom seħħew attakki ripetuti kontra l-Insara f'dawn l-aħħar ġimgħat,
F. billi l-intimidazzjoni u l-vjolenza kontra l-komunitajiet Insara, b'mod partikolari fil-Lvant Nofsani, għandhom l-għan li jeliminaw il-preżenza tagħhom mir-reġjun, u billi l-preżenza tal-Insara bħala simbolu tal-Punent ripetutament issemmiet minn gruppi terroristiċi speċifiċi,
G. billi, skont l-iState Department tal-Istati Uniti tal-Amerika, l-Insara tal-Iraq, li ilhom jgħixu fir-reġjun għal kważi 2 000 sena, raw il-komunità tagħhom tonqos minn waħda ħajja ta' miljun għal madwar 400 000 membru,
H. billi fil-Libanu, li ilu ma jkollu ċensiment uffiċjali mill-1932, il-popolazzjoni Nisranija naqset għal 30%, u bosta Libaniżi Nsara ħarbu waqt il-gwerra ċivili,
I. billi fix-Xatt tal-Punent l-għadd ta' Nsara naqas għal biss 2% tal-popolazzjoni totali u billi l-gvern tal-Iżrael jistma li fl-Iżrael, ix-Xatt tal-Punent u f'Gaża għad hemm 210 000 Nisrani, waqt li f'Betlem, il-post fejn twieled Ġesù, l-Insara dari kienu 80% tal-popolazzjoni filwaqt li llum huma anqas minn terz,
J. billi, fi tmiem is-seklu 20, l-Insara kienu jirrappreżentaw madwar 20% tal-popolazzjoni tal-Lvant Nofsani, imma issa huwa stmat li huma anqas minn 10%,
K. billi l-Insara fid-dinja jfittxu l-appoġġ tal-Ewropa, minħabba li l-Ewropa hija predominantement Nisranija,
1. Jenfasizza li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon hija dritt fundamentali tal-bniedem garantit minn strumenti legali internazzjonali, u jikkundanna bil-qawwa kull tip ta' vjolenza, diskriminazzjoni u intolleranza abbażi tar-reliġjon u t-twemmin kontra l-komunitajiet Insara madwar id-dinja kollha;
2. Jikkundanna l-attakki reċenti kontra l-Insara Kopti fl-Eġittu u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi; jerġa' jtenni t-talba tiegħu li l-Gvern Eġizzjan jiżgura s-sikurezza personali u l-integrità fiżika tal-Insara Kopti u tal-membri tal-minoranzi reliġjużi l-oħra fil-pajjiż; jistieden lill-Gvern Eġizzjan biex jiggarantixxi li l-Insara Kopti u membri ta' komunitajiet u minoranzi reliġjużi oħra jgawdu l-firxa sħiħa ta' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali – inkluż id-dritt li jagħżlu u jibdlu r-reliġjon tagħhom liberament – u biex jipprevjeni kwalunkwe diskriminazzjoni kontrihom;
3. Jikkundanna l-interruzzjoni bil-forza, min-naħa tal-awtoritajiet Torok, tal-quddiesa Nisranija ċċelebrata f'Jum il-Milied mit-300 Nisrani li għad fadal fil-parti okkupata ta' Ċipru;
4. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà fil-qafas tar-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi, biex jagħtu attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi, b'mod speċjali dik tad-denominazzjonijiet Insara;
5. Jistieden lill-awtoritajiet reliġjużi kollha jippromwovu t-tolleranza u jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenta u estrema;
6. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna li għadu kemm twaqqaf jistabbilixxi sistema permanenti li tissorvelja s-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża u jirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lil-Parlament tal-Eġittu u lil-Lega Għarbija.