Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0040/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0040/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża

17.1.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Adrian Severin, Hannes Swoboda, David-Maria Sassoli, Richard Howitt, Gianni Pittella, Patrizia Toia f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0039/2011

Proċedura : 2011/2521(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0040/2011
Testi mressqa :
B7-0040/2011
Testi adottati :

B7‑0040/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu u b'mod partikolari dik tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-Iraq: il-piena tal-mewt (partikolarment fil-każ ta' Tariq Aziz) u attakki kontra komunitajiet Insara, u tal-21 ta' Jannar 2010 dwar attakki reċenti fuq komunitajiet Insara,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar t-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni bbażata fuq Reliġjon u Twemmin ta' l-1981,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea ripetutement esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tar-reliġjon, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tal-ħsieb u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha,

B.  billi l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi jistqarr li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed ikollu jew jadotta r-reliġjon jew it-twemmin tal-għażla tiegħu, u l-libertà, b'mod individwali jew f'komunità ma' oħrajn u fil-pubbliku jew fil-privat, li jimmanifesta r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu bil-qima, l-osservanza, il-prattika u t-tagħlim,

C. billi attakk fuq Insara Kopti qatel u darab ċivili innnoċenti f'Lixandra fl-1 ta' Jannar 2011; billi fid-diskors tiegħu wara l-attakk il-President Hosni Mubarak qal li dan l-attakk kien immirat lejn in-nazzjon Eġizzjan: Kopti u Musulmani,

D. billi ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-Milied fil-knisja lokali ta' San Sinesios fil-villaġġ ta' Rizokarpaso fit-Tramuntana ta' Ċipru sfat interrotta bil-forza fil-25 ta' Diċembru 2010,

E.  billi żewġ Insara Iraqini nqatlu f'Mosul fit-22 ta' Novembru 2010; billi sensiela ta' attakki fuq inħawi Nsara qatlu ċivili innoċenti f'Bagdad fl-10 ta' Novembru 2010; billi dawn l-attakki seħħew wara li militanti Iżlamisti kienu ħatfu f'idejhom katidral Sirjak Kattoliku f'Bagdad fil-31 ta' Ottubru 2010, u ħallew mejta aktar minn 50 ruħ,

F.  billi l-assassinju ta' Salman Taseer, Gvernatur tal-Punjab, fl-4 ta' Jannar 2011 kif ukoll il-każ ta' Asa Bibi fil-Pakistan ipprovokaw protesti mill-komunità internazzjonali,

 

G. billi l-Ewropa, bħal partijiet oħra tad-dinja, mhijiex ħielsa minn każijiet ta' ksur tal-libertà reliġjuża, minn attakki fuq membri ta' minoranzi reliġjużi abbażi tat-twemmin tagħhom, u mid-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' reliġjon,

1.  Jikkundanna l-attakki reċenti kontra minoranzi Nsara f'diversi pajjiżi u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi;

2.  Jesprimi t-tħassib gravi tiegħu dwar l-abbuż tar-reliġjon minn dawk li jwettqu attakki terroristċi f'diversi nħawi tad-dinja;

3.   Jenfasizza mill-ġdid li l-libertà tar-reliġjon, tal-kuxjenza u tal-ħsieb hija dritt fundamentali tal-bniedem u jikkundanna bil-qawwa kull tip ta' vjolenza, diskriminazzjoni u intolleranza abbażi tar-reliġjon u t-twemmin kontra nies reliġjużi, apostati u dawk li ma jemmnux;

4.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet u lill-awtoritajiet fil-pajjiżi kollha kkonċernati biex jissuktaw bl-isforzi tagħhom bil-għan li jipproteġu minn attakki vjolenti komunitajiet reliġjużi vulnerabbli, inklużi l-minoranzi Nsara, u biex jagħmlu ħilithom kollha ħalli dawk responsabbli għal atti bħal dawn jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

5.  Ifakkar lill-gvernijiet fil-pajjiżi kollha kkonċernati dwar l-obbligu tagħhom li jiggarantixxu li l-membri tal-komunitajiet reliġjużi jgawdu l-aspetti kollha tal-libertà tar-reliġjon u li jipprevjenu kull diskriminazzjoni kontrihom;;

6.  Jerġa' jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili huma prinċipji u għanijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi;

7.  Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà  / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex jagħtu aktar attenzjoni għas-suġġett tal-libertà tar-reliġjon u għas-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi fil-ftehimiet u fil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi kif ukoll fir-rapporti dwar id-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jerġa' jsostni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha li jfittxu jippromwovu d-djalogu u r-rispett reċiproku bejn ir-reliġjonijiet u bejn komunitajiet oħra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet reliġjużi kollha biex jippromwovu t-tolleranza u biex jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenta u estremista;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-parlament u lill-gvern tal-Eġittu, lill-parlament u lill-gvern tal-Iraq u lill-parlament u lill-gvern tal-Pakistan.