Proċedura : 2011/2514(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0044/2011

Testi mressqa :

B7-0044/2011

Dibattiti :

PV 19/01/2011 - 12
CRE 19/01/2011 - 12

Votazzjonijiet :

PV 20/01/2011 - 7.3
CRE 20/01/2011 - 7.3

Testi adottati :

P7_TA(2011)0022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 145kWORD 88k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0044/2011
12.1.2011
PE455.872v01-00
 
B7-0044/2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja


Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ioannis Kasoulides, Jacek Protasiewicz, Laima Liucija Andrikienė, Elena Băsescu, Piotr Borys, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Gunnar Hökmark, Tunne Kelam, Lena Kolarska-Bobińska, Krzysztof Lisek, Cristian Dan Preda, Ria Oomen-Ruijten, Jacek Saryusz-Wolski, Peter Šťastný, László Tőkés, Traian Ungureanu, Corien Wortmann-Kool, Paweł Zalewski f'isem il-Grupp PPE-DE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja  
B7‑0044/2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, b'mod partikolari dik tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar il-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK tal-25 ta' Ottubru 2010 rigward miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja, li testendi kemm il-miżuri restrittivi kif ukoll is-sospensjoni tagħhom sal-31 ta' Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-25 ta' Ottubru 2010,

–   wara li kkunsidra id-Dikjarazzjoni tar-riżultati u konklużjonijiet preliminari dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Bjelorussja mill-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE/ODIHR) u l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE (AP OSKE) tal-20 ta’ Diċembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2008 dwar is-Sħubija tal-Lvant (COM(2008)0823),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant maħruġa mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tad-19 u l-20 ta' Marzu 2009 u d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa fis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2006 dwar id-disponibilità tal-Unjoni Ewropea li ġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Bjelorussja u l-poplu tagħha fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi d-Dikjarazzjoni ta' Praga – iffirmata b'mod konġunt mill-Gvern Bjelorussu – tiddikjara li: "Il-parteċipanti tas-Samit ta' Praga jaqblu li s-Sħubija tal-Lvant għandha tkun imsejsa fuq l-impenn favur il-prinċipji tal-liġi internazzjonali u l-valuri fundamentali, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali",

B.  billi fil-25 ta' Ottubru 2010 l-Kunsill "appella lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jiżguraw li l-elezzjonijiet (presidenzjali) isiru f'konformità man-normi u l-istandards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi u mal-impenji tal-Bjelorussja fl-OSKE u n-NU",

C. billi l-Kunsill tenna "d-disponibilità tiegħu li japprofondixxi r-relazzjonijiet tiegħu mal-Bjelorussja skont l-iżviluppi fil-Bjelorussja favur id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt kif ukoll id-disponibilità tiegħu li jgħin lill-pajjiż jilħaq dawn l-objettivi. Skont il-progress li jkun sar fil-Bjelorussja f'dawn l-oqsma, qal li huwa lest li jieħu l-passi meħtieġa biex jittejbu r-relazzjonijiet kuntrattwali mal-Bjelorussja",

 

D. billi l-Kunsill, wara li evalwa l-iżviluppi fil-Bjelorussja, iddeċieda li jestendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali Bjelorussi iżda li jissospendi l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE, it-tnejn li huma sal-31 ta' Ottubru 2011,

E.  billi l-Bjelorussja impenjat ruħha li tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-OSKE u l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) rigward titjib fil-liġi elettorali tagħha sabiex issir konformi mal-istandards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi u li tikkonsulta mal-OSKE rigward l-emendi proposti; billi l-Assemblea Nazzjonali tal-Bjelorussja għaddiet riforma tal-Kodiċi Elettorali mingħajr ma l-ewwel ikkonsultat lill-OSKE,

F.  billi, skont id-Dikjarazzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE u tal-ODIHR tal-OSKE dwar ir-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Bjelorussja, "L-elezzjoni presidenzjali wriet li l-Bjelorussja għad fadlilha x'tagħmel biex tissodisfa l-impenji li ħadet fl-OSKE, għalkemm sar xi titjib speċifiku. Il-lejl tal-elezzjoni kien ikkaratterizzat mid-detenzjonijiet tal-biċċa l-kbira tal-kandidati presidenzjali, u ta' mijiet ta' attivisti, ġurnalisti u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili",

G. billi r-repressjoni mill-pulizija fid-dimostrazzjoni tad-19 ta' Diċembru 2010 u iktar miżuri li ttieħdu mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi kontra l-oppożizzjoni demokratika, il-midja ħielsa u l-attivisti tas-soċjetà ċivili ġew ikkundannati mill-President tal-Parlament Ewropew, mir-Rappreżentant Għoli tal-UE u mis-Segretarju Ġenerali tan-NU,

1.  Jenfasizza li l-konklużjonijiet preliminari tad-dikjarazzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE u tal-ODIHR tal-OSKE jinnutaw li: "Filwaqt li l-proċess ġenerali tal-votazzjoni ġie vvalutat bħala wieħed tajjeb, il-proċess iddeterjora b'mod sinifikanti matul l-għadd tal-voti u kkomprometta l-passi li ttieħdu biex tittejjeb l-elezzjoni. (...) Il-parti l-kbira tal-għadd saret b'mod mhux trasparenti, ġeneralment fis-silenzju, li kkomprometta il-kredibilità tiegħu. F'bosta każijiet, l-osservaturi ġew ostakolati u ma kellhomx opportunità vera li josservaw l-għadd. F'xi każijiet iċ-ċifri rreġistrati fir-rapporti tal-postijiet tal-votazzjoni kienu differenti meta waslu għand il-Kummissjoni Elettorali Territorjali (TEC)";

2.  F'dan ir-rigward, jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi jirrepetu l-elezzjonijiet presidenzjali;

3.  Jikkundanna l-użu ta' forza brutali mill-pulizija u s-servizzi tal-KGB kontra dawk li pprotestaw fil-Jum tal-Elezzjoni u b'mod partikolari jesprimi l-għadab tiegħu dwar attakk brutali fuq is-Sur Niakliayeu, billi ż-żewġ każijiet huma eżempji ta' ksur serju tal-prinċipji bażiċi tad-demokrazija, bħal-libertà tal-assemblea u l-libertà tal-espressjoni, kif ukoll tad-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jikkundanna lill-awtoritajiet Bjelorussi talli ma tawx aċċess bla xkiel lid-detenuti għall-assistenza legali, u fuq kollox, għall-assistenza medika;

5.  Jikkundanna l-arresti u d-detenzjonijiet ta' aktar minn 700 dimostrant u ta' sebgħa mid-disa' kandidati presidenzjali alternattivi;

6.  Huwa preokkupat dwar il-proċedimenti kriminali li qed jitmexxew mill-awtoritajiet Bjelorussi kontra kważi l-kandidati presidenzjali kollha, il-kapijiet tal-oppożizzjoni demokratika (Anatol Liebiedzka u Pavel Seviarynets) kif ukoll kontra għadd kbir ta' attivisti tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti, għalliema u studenti, li jistgħu jwasslu għal sentenzi ta' sa 15-il sena ħabs;

7.  Jikkundanna r-repressjoni u l-abbuż tal-attivisti tas-soċjetà ċivili li saru wara Jum l-Elezzjoni, inklużi tfittxijiet tal-massa f'appartamenti privati, uffiċċji tal-midja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tkeċċijiet mill-universitajiet u l-postijiet tax-xogħol;

8.  Jitlob b'insistenza li jinħeles minnufih u inkundizzjonatament kull min ġie detenut matul Jum l-Elezzjoni u warajh kif ukoll il-priġunier tal-kuxjenza rikonoxxut minn Amnesty International (Mikalay Autukhovich);

9.  Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Bjelorussi li jwaqqfu l-missjoni tal-Uffiċċju tal-OSKE fil-Bjelorussja u jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirtiraw din id-deċiżjoni minnufih u jerġgħu jiftħu l-uffiċċju;

10. Jikkundanna l-imblukkar ta' għadd ta' websajts ewlenin tal-Internet, inklużi kanali ta' netwerking u websajts tal-oppożizzjoni, f'Jum l-Elezzjoni fil-Bjelorussja; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni attwali dwar il-midja fil-Bjelorussja ma tikkonformax mal-istandards internazzjonali u għalhekk jitlob lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirreveduha u jemendawha;

11. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jeżaminaw mill-ġdid il-politika tal-UE rigward il-Bjelorussja, inklużi r-relazzjonijiet ekonomiċi; jenfasizza l-ħtieġa li l-PEV u l-għajnuna nazzjonali għall-Bjelorussja jiġu orjentati mill-ġdid biex ikun żgurat appoġġ xieraq għas-soċjetà ċivili; itenni l-importanza tal-użu effikaċi tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;

12. F'dan il-kuntest, jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw id-demokrazija fil-Bjelorussja b'żieda sinifikanti tal-għajnuna finanzjarja għall-midja indipendenti (inklużi TV Belsat, ir-Radju Ewropew għall-Bjelorussja, Radio Racyja u oħrajn) u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, biex iżidu l-għadd ta' boroż ta' studju għall-istudenti Bjelorussi, li ġew repressi għall-attivitajiet ċiviċi tagħhom u li tkeċċew mill-universitajiet, u biex jikkontribwixxu lill-konferenza tad-donaturi tal-organizzazzjoni 'Solidarjetà mal-Bjelorussja' li se ssir f'Varsavja fit-2 ta' Frar 2010 minbarra l-konferenza suċċessiva f'Vilnjus;

13. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tibqa' tagħti u żżid l-għajnuna finanzjarja lill-Università Ewropea tal-Istudji Umanistiċi (EHU) ibbażata f'Vilnjus, il-Litwanja, li hija lesta li taċċetta studenti li tkeċċew mill-Universitajiet Bjelorussi wara r-repressjoni vjolenti ta' wara l-elezzjonijiet presidenzjali fid-19 u l-20 ta' Diċembru 2010 fil-Bjelorussja;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmu ta' reġistrazzjoni tal-NGOs li jiġu miċħuda r-reġistrazzjoni fil-Bjelorussja għal raġunijiet politiċi, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-programmi tal-Kummissjoni. Minħabba l-ħtieġa li tissaħħaħ is-soċjetà ċivili fil-Bjelorussja, il-parteċipazzjoni tal-NGOs Bjelorussi fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili dwar is-Sħubija tal-Lvant għandha tissokta;

15. Jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf il-kooperazzjoni attwali u tirtira l-għajnuna tagħha għall-midja tal-istat fil-Bjelorussja;

16. Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea tieħu l-inizjattiva biex tanalizza l-possibilitajiet li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' appoġġ speċjali għal għajnuna finanzjarja u teknika effikaċi u diretta għas-soċjetà ċivili, il-midja indipendenti u l-organizzazzjonijiet politiċi fil-Bjelorussja;

17. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jerġgħu japplikaw minnufih il-projbizzjoni tal-viża għall-awtoritajiet Bjelorussi ewlenin, filwaqt li jestenduha għall-uffiċjali tal-istat, il-membri tal-ġudikatura u l-uffiċjali tas-sigurtà li jistgħu jitqiesu responsabbli għat-tbagħbis fl-elezzjoni u għar-repressjonijiet brutali u l-arresti ta' wara l-elezzjoni ta' membri tal-oppożizzjoni (is-sanzjonijiet għandhom jibqgħu fis-seħħ tal-anqas sakemm il-priġunieri u d-detenuti politiċi kollha jinħelsu u jiġu rtirati l-akkużi kontrihom); jilqa' l-eżempju tajjeb tal-Gvern Pollakk u tal-Parlament Litwan li imponew ir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar tagħhom stess għar-rappreżentanti tar-reġim ta' Minsk u li fl-istess ħin issimplifikaw l-aċċess għall-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini Bjelorussi;

18. Iħeġġeġ lill-gvernijiet demokratiċi Ewropej kollha, pereżempju lill-Isvizzera u lin-Norveġja, biex jimponu sanzjonijiet simili fuq ir-rappreżentanti tar-reġim Bjelorussu; jesprimi d-diżappunt tiegħu bid-dikjarazzjoni tal-President tal-Federazzjoni Russa, li saret fl-20 ta' Diċembru 2010;

19. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jiffriżaw l-għajnuna makrofinanzjarja kollha mogħtija permezz ta' self mill-FMI kif ukoll permezz ta' operazzjonijiet ta' self minn programmi tal-BEI u tal-BERŻ;

20. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jissospendu l-parteċipazzjoni tal-Bjelorussja fl-attivitajiet tas-Sħubija tal-Lvant sakemm iseħħ tibdil ġenwin fil-Bjelorussja, fejn qabel xejn għandhom jinħelsu l-membri kollha tal-oppożizzjoni politika;

21. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE u lill-Istati Membri biex inaqqsu kemm jista' jkun il-kuntatti mal-awtoritajiet Bjelorussi;

22. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jiffriżaw l-assi ta' BELTETH Export u ta' impriżi Bjelorussi oħra tal-esportazzjoni tal-armi;

23. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jintensifikaw il-ħidma fuq id-direttivi dwar in-negozjati għall-ftehimiet ta' riammissjoni u ta' faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi (ħlief il-passaporti diplomatiċi) biex jittejbu l-kuntatti interpersonali;

24. Jistieden lis-sħab internazzjonali tal-Unjoni Ewropea biex jadottaw pożizzjoni komuni u jsegwu strateġija simili fir-rigward tar-reġim Bjelorussu;

25. Jesprimi l-opinjoni tiegħu li avvenimenti sportivi, bħall-Kampjonati Dinjija tal-Hockey fuq is-Silġ fl-2014, m'għandhomx isiru fil-Bjelorussja waqt li jkun għad hemm priġunieri politiċi f'dak il-pajjiż;

26. Jistieden lis-sħab tal-Unjoni Ewropea jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex tinħoloq kummisjsoni internazzjonali għal investigazzjoni oġġettiva u dettaljata dwar l-avvenimenti tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2010;

27. Jappoġġja t-talba tal-oppożizzjoni Bjelorussja biex jinħoloq uffiċċju għar-rappreżentanza politika tal-oppożizzjoni demokratika Bjelorussa u s-soċjetà ċivili fi Brussell; jenfasizza li l-komunità tal-UE u s-sħab tagħha għandhom jistabbilixxu l-appoġġ finanzjarju xieraq għall-uffiċċju;

28. Jenfasizza li l-Bjelorussja tintlaqa' fil-familja Ewropea sakemm l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem jitħarsu f'dan il-pajjiż;

29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Bjelorussja u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE.

Avviż legali - Politika tal-privatezza