MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża
17.1.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Willy Meyer, Ilda Figueiredo, Bairbre de Brún, Takis Hadjigeorgiou, Kyriacos Triantaphyllides, Nikolaos Chountis f'isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑0052/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Karta tan-NU u l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundmanetali tal-UE,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u tad-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-UNHCR dwar il-ġlieda kontra "d-diffamazzjoni tar-reliġjonijiet",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fl-1 ta' Jannar 2011 attakk terroristiku fuq knisja tal-Insara Kopti f'Lixandra kkawża 21 mewt u ħalla tużżani ta' nies midruba sew mill-komunità Nisranija kif ukoll minn dik Musulmana,
B. billi fl-24 ta' Diċembru 2010 saru attakki fuq bosta knejjes f'Maiduguri u billi fil-25 ta' Diċembru 2010 seħħew attakki bil-bombi fil-belt Niġerjana ta' Jos, li fihom inqatlu 38 persuna ċivili u sfaw midruba tużżani oħrajn,
C. billi fil-25 ta' Diċembru 2010 f'Jolo (fil-Filippini) fi knisja Nisranija splodiet bomba li ħalliet ħafna nies midruba,
D. billi fil-25 ta' Diċembru 2010 fil-villaġġi ta' Rizokarpaso u Ayia Triada fil-peniżola ta' Karpasia fil-parti okkupata ta' Ċipru ir-reġim ta' okkupazzjoni Tork interrompa bil-forza l-quddiesa Nisranija li kienet ċed tiġi ċċelebrata miċ-Ċiprijotti Griegi magħluqa fiż-żona,
E. billi skont l-Artikolu 18 tal-Karta tan-NU u l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundmanetali tal-UE "kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, kif ukoll il-libertà li juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, waħdu jew ma' oħrajn, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti",
F. billi bosta riżoluzzjonijiet tal-UNHCR jistiednu "lill-Istati kollha biex, fi ħdan il-qafas legali nazzjonali tagħhom, f'konformità ma' strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jieħdu l-miżuri kollha f'lokhom ħalli jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni, l-intolleranza, u l-atti ta' vjolenza, intimidazzjoni u ġegħil motivati mill-intolleranza reliġjuża, inklużi attakki fuq il-postijiet reliġjużi, u biex jinkoraġġixxu l-fehim, it-tolleranza u r-rispett rigward il-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin",
1. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki bil-bombi fil-knisja taż-Żewġ Qaddisin f'Lixandra, fin-Niġerja u fil-Filippini; jikkundanna bis-sħiħ kull forma ta' diskriminazzjoni u intolleranza bbażata fuq reliġjon u twemmin, kontra nies reliġjużi, apostati u bla twemmin;
2. Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u lil dawk li narbu fl-attaki li saru dan l-aħħar kontra denominazzjonijiet reliġjużi; jistieden lill-gvernijiet ikkonċernati biex jinvestigaw l-attakki ħalli jiżguraw li ma jibqgħux bla kastig;
3. Jikkundanna l-interruzzjoni bil-forza, min-naħa tar-reġim ta' okkupazzjoni Tork, tal-quddiesa Nisranija ċċelebrata f'Jum il-Milied mit-300 Nisrani li għad fadal fil-parti okkupata ta' Ċipru; jenfasizza li dan jikkostitwixxi ksur tad-dritt bażiku tal-bniedem tal-eżerċizzju tal-libertà tar-reliġjon, tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tat-Tielet Ftehim ta' Vjenna (1975) li jipprovdi dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien taċ-Ċiprijotti Griegi magħluqa fil-parti okkupata ta' Ċipru;
4. Jenfasizza li d-dritt tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem li huwa garantit minn bosta strumenti legali internazzjonali; itenni, fl-istess ħin, l-impenn tiegħu favur il-kunċett fundamentali ta' l-interdipendenza tad-drittijiet tal-bniedem kollha;
5. Jikkundanna l-istrumentalizzazzjoni tar-reliġjon f'diversi kunflitti politiċi; jappoġġa kull inizjattiva li għandha l-għan li tippromwovi d-djalogu u r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet reliġjużi; jistieden lill-gvernijiet u lil-awtoritajiet reliġjużi kollha biex jippromwovu t-tolleranza, ir-rispett tal-libertà tar-reliġjon u biex jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda; jitlob lill-gvernijiet biex jiggarantixxu l-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin; jerġa' jtenni l-impenn tiegħu favur il-valur tas-sekulariżmu;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.