MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja
17.1.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Marek Henryk Migalski, Konrad Szymański, Edvard Kožušník, Ryszard Antoni Legutko, Michał Tomasz Kamiński, Adam Bielan, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Janusz Wojciechowski, Mirosław Piotrowski, Jacek Olgierd Kurski, Tadeusz Cymański f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0044/2011
B7‑0053/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni politika fil-Bjelorussja,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2008 dwar is-Sħubija tal-Lvant (COM(2008)0823),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant maħruġa mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tad-19 u l-20 ta' Marzu 2009 u d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fis-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant fi Praga tas-7 ta' Mejju 2009,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant maħruġa mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Ministri Barranin dwar is-Sħubija tal-Lvant tat-13 ta' Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-Bjelorussja tal-2897 laqgħa tal-Kunsill tar-Relazzjonijiet Esterni tat-13 ta' Ottubru 2008, tal-2974 laqgħa tal-Kunsill tar-Relazzjonijiet Esterni tas-17 ta' Novembru 2009 u tat-3041 laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-25 ta' Ottubru 2010,
– wara li kkunsidra d-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Bjelorussja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi ġie rikonoxxut b'mod wiesa' li r-reġim ta' Lukashenko m'għandux leġittimità demokratika billi jopponi kostantement l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali ħielsa u ġusti, u għalhekk jibqa' l-aħħar dittatorjat tal-Ewropa,
B. billi l-aħħar elezzjoni presidenzjali fil-Bjelorussja saret fid-19 ta' Diċembru 2010,
C. billi skont stħarriġ indipendenti differenti, fosthom dak li sar minn Belsat TV, Lukashenko kiseb bejn 30-45% tal-voti u r-riżultati uffiċjali ddikjaraw li ngħata appoġġ ta' 80%,
D. billi, skont l-osservaturi uffiċjali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), il-proċeduri elettorali ma twettqux bi trasparenza u responsabbiltà fl-għadd tal-voti, għalkemm ġie osservat xi titjib matul il-kampanja elettorali partikolarment aċċess akbar għall-midja għall-kandidati tal-oppożizzjoni,
E. billi r-riżultati preliminari tal-missjoni ta' osservazzjoni tal-OSKE juru li l-elezzjoni fil-Bjelorussja ma laħqitx l-istandards demokratiċi rikonoxxuti internazzjonalment,
F. billi l-azzjonijiet tal-awtoritajiet Bjelorussi wara l-elezzjonijiet presidenzjali ġew iddenunzjati mill-Istati Membri tal-UE, b'mod partikolari mill-Polonja, il-Ġermanja u l-Isvezja, kif ukoll mill-Barunissa Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà flimkien mas-Segretarju tal-Istat Amerikan Hillary Clinton f'dikjarazzjoni konġunta maħruġa fit-23 ta' Diċembru 2010,
G. billi l-pulizija sfrattat dimostrazzjoni paċifika kontra r-riżultati tal-elezzjoni presidenzjali reċenti fil-Bjelorussja,
H. billi wieħed mill-avversarji tal-President Lukashenko fl-elezzjoni presidenzjali reċenti Vladimir Neklyaev ingħata xebgħa kbira mill-pulizija u ntefa' l-ħabs fejn għadu qed jinżamm ma' tliet kandidati presidenzjali oħra bla aċċess għall-kura medika,
I. billi seba' kandidati presidenzjali u aktar minn għoxrin kap tal-oppożizzjoni huma akkużati li organizzaw dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern u diżordni kbira,
J. billi l-awtoritajiet Bjelorussi qed iwettqu tfittxijiet fid-djar tal-kapijiet tal-oppożizzjoni u tal-ġurnalisti, fosthom ta' membri tal-organizzazzjoni Charter 97, li l-fundatur tagħha nstab mejjet fit-3 ta' Settembru 2010,
K. billi s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem demokratiċi u ċivili fil-Bjelorussja għad mhijex sodisfaċenti minkejja li sar xi titjib fil-passat bħall-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha fl-2008,
L. billi fit-2 ta' Novembru 2009, il-President Bjelorussu Alexander Lukashenko qal li ‘r-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea bħala sieħba konsolidata b'saħħitha jikkostitwixxu wieħed mill-fatturi fundamentali biex jiġu żgurati l-indipendenza u s-sovranità tal-Bjelorussja, kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku, xjentifiku u teknoloġiku’,
1. Jikkundanna l-ksur reċenti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Bjelorussja kontra membri tas-soċjetà ċivili, il-midja indipendenti u l-kapijiet tal-oppożizzjoni, b'mod partikolari l-avversarji tal-President Lukashenko fl-elezzjonijiet presidenzjali reċenti;
2. Jistieden lill-Gvern Bjelorussu jeħles immedjatament lill-priġunieri politiċi kollha li ntbagħtu l-ħabs b'rabta mal-elezzjoni presidenzjali reċenti, fosthom l-erba' kandidati presidenzjali: Andrei Sannikov, Ales Mikhalevich, Mikola Statkevich u Vladimir Neklyaev u ħafna persuni oħra li ġew arrestati talli eżerċitaw id-dritt tagħhom li juru l-fehmiet politiċi tagħhom;
3. Jistieden lill-Gvern Bjelorussu jissospendi l-arrest domiċiljari fis-seħħ ta' diversi priġunieri politiċi oħra, inkluż il-kandidat presidenzjali tad-Demokrazija Kristjana Bjelorussa, Vital Rhymasheuski;
4. Jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi jirtiraw l-akkużi kollha kontra l-kandidati presidenzjali u l-kapijiet tal-oppożizzjoni b'rabta mal-elezzjonijiet presidenzjali reċenti;
5. Jitlob li tinħoloq missjoni ta' osservazzjoni tal-UE biex tintbagħat il-Bjelorussja biex teżamina s-sitwazzjoni politika attwali u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew;
6. Jistieden lill-Gvern Bjelorussu jikkonferma r-rieda tiegħu li joħloq kundizzjonijiet favorevoli għal kooperazzjoni aktar siewja bejn l-UE u l-Bjelorussja;
7. Jistieden lill-Gvern Bjelorussu biex iwaqqaf minnufih l-arresti u l-interrogazzjonijiet ta' avversarji politiċi veri u preżunti u biex itejjeb radikalment il-kundizzjonijiet għas-soċjetà ċivili, il-midja indipendenti u l-oppożizzjoni politika li joperaw fil-Bjelorussja;
8. Jesprimi t-tama li l-Qorti Kostituzzjonali Bjelorussa tħassar ir-riżultati tal-elezzjoni għal raġunijiet ta' irregolarità u li għaldaqstant il-Gvern Bjelorussu jippermetti li terġa' ssir l-elezzjoni presidenzjali 2010 skont l-istandards approvati mill-ODIHR tal-OSKE u bil-preżenza fit-territorju ta' missjoni tal-UE għall-osservazzjoni tal-elezzjonijiet għal żmien twil u li għalhekk ir-riżultat tagħha jingħata rikonoxximent internazzjonali u jerġa' jagħti l-leġittimità demokratika lill-kariga tal-President tal-Bjelorussja kif mitlub ukoll minn seba' partiti tal-oppożizzjoni fl-10 ta' Jannar 2011;
9. Jitlob li jiġġeddu u jittawlu s-sanzjonijiet tal-UE kontra rappreżentanti tal-awtoritajiet Bjelorussi li kienu sospiżi fl-2008;
10. Jemmen li l-UE għandha tistabbilixxi, abbażi ta' kundizzjonalità stretta, pjan direzzjonali ta' sanzjonijiet implimentati pass pass bl-ewwela waħda tkun ir-riattivazzjoni tal-projbizzjoni tal-ħruġ ta' viżi sakemm kull min ġie detenut u arrestat jinħeles filwaqt li jiġu rtirati l-akkużi kontrihom. In-nuqqas ta' azzjoni f'waqtha f'dan ir-rigward mill-awtoritajiet Bjelorussi jirriżulta fl-impożizzjoni ta' miżuri ġodda u aktar stretti, eż. sanzjonijiet ekonomiċi u diplomatiċi;
11. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-komunità demokratika internazzjonali kollha biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lis-soċjetà ċivili u lill-oppożizzjoni politika fil-Bjelorussja, speċjalment permezz tas-simplifikazjzoni tal-ħruġ tal-viżi għal min tilef xogħlu u opportunitajiet edukattivi minħabba l-azzjonijiet tiegħu bħala kap tal-oppożizzjoni;
12. Jitlob is-simplifikazzjoni u aċċessibbiltà aħjar tal-fondi tal-UE għall-organizzazzjonijiet Bjelorussi rreġistarti u pprojbiti mill-awtoritajiet Bjelorussi;
13. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jagħtu l-appoġġ finanzjarju tagħhom lill-midja indipendenti, pereżempju lil Belsat TV, Radio Racja jew lir-Radju Ewropew għall-Bjelorussja; fl-istess ħin jikkundanna l-każ tal-finanzjament ta' programmi mxandra mit-Televiżjoni Nazzjonali Bjelorussa mir-riżorsi tal-Kummissjoni Ewropea;
14. Jirrakkomanda lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u lil pajjiżi oħra b'ideoloġija simili biex jeżaminaw mill-ġdid ir-relazzjonijiet ekonomiċi mal-Bjelorussja; f'dan ir-rigward jirrakkomanda li l-komunità tan-negozju tal-UE teżamina mill-ġdid il-kundizzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni tagħhom mal-kumpaniji u l-impriżi kummerċjali Bjelorussi;
15. Jagħti importanza kbira lil-liberalizzazzjoni tad-drittijiet politiċi, ċivili u tal-bniedem u lit-tisħiħ tal-istst tad-dritt fil-Bjelorussja u jenfasizza li jekk jibqgħu jinkisru dan se jwassal għal deterjorament tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bjelorussja, inkluża l-impożizzjoni mill-ġdid ta' sanzjonijiet politiċi u ekonomiċi mmirati;
16. Jistieden lill-Gvern Bjelorussu jagħti permess lill-kapijiet tal-oppożizzjoni biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-Euronest;
17. Jistieden lill-awtoritajiet internazzjonali u Bjelorussi biex iwettqu investigazzjoni xierqa dwar il-mewt ta' Oleg Bebenin, fundatur ta' Charter 97 u konsulent tal-kandidat presidenzjali Andrei Sannikov, li ġismu nstab fit-3 ta' Settembru 2010;
18. Itenni li l-Unjoni Ewropea lesta terġa' tagħti spinta lir-relazzjoni tagħha mal-Bjelorussja fil-qafas tal-PEV bil-kundizzjoni li l-Gvern Bjelorussu juri appoġġ inkondizzjonat għall-valuri demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem bażiċi, billi jissodisfa punti ta' riferiment ċari;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Parlamenti u l-Gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-Commonwealth tal-Istati Indipendenti u lill-Parlament u l-Gvern tal-Bjelorussja.