MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Bjelorussja
17.1.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Helmut Scholz, Rui Tavares, Marisa Matias, Marie-Christine Vergiat, Cornelia Ernst f'isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑0055/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Bjelorussja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Riżultati u l-Konklużjonijiet Preliminari tal-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE/ODIHR) u tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE (AP OSKE) tal-20 ta' Diċembru 2010 dwar l-Elezzjonijiet Presidenzjali tal-Bjelorussja fid-19 ta' Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bjelorussja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-OSKE bagħat lil madwar 452 osservatur internazzjonali minn 44 pajjiż, fosthom 63 membru tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE,
B. billi l-missjoni tal-OSKE għall-osservazzjoni tal-elezzjonijiet ikkonkludiet li l-Bjelorussja għad fadlilha x'tagħmel biex tissodisfa l-obbligi tagħha fl-OSKE, għalkemm sar xi titjib speċifiku; billi l-proċess ġenerali tal-votazzjoni ġie vvalutat bħala wieħed tajjeb iżda ddeterjora b'mod sinifikanti matul l-għadd tal-voti, u għalhekk ikkomprometta l-passi li ttieħdu biex jittejjeb il-proċess tal-elezzjonijiet; billi l-parti l-kbira tal-għadd saret b'mod mhux trasparenti, ġeneralment fis-silenzju, u dan ikkomprometta il-kredibilità tiegħu; billi f'bosta każijiet, l-osservaturi ġew ostakolati u ma kellhomx opportunità vera li josservaw l-għadd; billi f'xi każijiet iċ-ċifri rreġistrati fir-rapporti tal-postijiet tal-votazzjoni kienu differenti meta waslu għand il-Kummissjoni Elettorali Territorjali,
C. billi l-lejl tal-elezzjoni kien ikkaratterizzat mill-vjolenza, ir-repressjoni ta' dimostrazzjoni u l-arrest ta' madwar 703 persuni, li fosthom kien hemm sebgħa mid-disa' kandidati presidenzjali, kif ukoll ġurnalisti; billi l-biċċa l-kbira tad-detenuti nħelsu wara li għamlu żmien qasir il-ħabs; billi saru rapporti ta' maltrattament tal-parteċipanti fid-dimostrazzjoni u tal-persuni arrestati,
D. billi 27 ruħ, fosthom il-kandidati presidenzjali u ġurnalisti, huma akkużati li "organizzaw diżordni kbira", akkuża li tista' twassal għal sentenzi ta' sa 15-il sena ħabs,
E. billi saru rapporti li l-priġunieri mhumiex qed jingħataw kura medika, li l-avukati tagħhom qed jiġu mhedda li se titteħdilhom il-liċenzja, u li l-qraba tal-priġunieri mhumiex qed jitħallew iżuruhom,
F. billi saru rapporti dwar repressjonijiet kontra partiti tal-oppożizzjoni, organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u midja mhux statali; billi l-iżviluppi reċenti juru sitwazzjoni ta' persekuzzjoni tal-oppożizzjoni politika għal raġunijiet politiċi,
1. Jiddeplora bil-qawwa n-nuqqas tal-awtoritajiet Bjelorussi li jissodisfaw l-impenn tagħhom favur elezzjonijiet presidenzjali ġusti u trasparenti; jenfasizza li l-proċedura mhux trasparenti tal-għadd tqajjem dubji dwar il-leġittimità tar-riżultat tal-elezzjonijiet;
2. Jikkundanna l-vjolenza u r-repressjoni tad-dimostrazzjoni fid-19 ta' Diċembru 2010 kif ukoll l-mewġa enormi ta' arresti tal-kapijiet tal-oppożizzjoni, il-partitarji tagħhom u l-ġurnalisti;
3. Huwa tal-fehma li l-Bjelorussja teħtieġ djalogu pubbliku nazzjonali mal-forzi politiċi demokratiċi kollha dwar il-futur tal-pajjiż u r-riformi demokratiċi bla ndħil minn barra; jistieden lill-ġirien tal-Bjelorussja, lill-UE u l-Istati Membri tagħha u lir-Russja biex jirrispettaw is-sovranità tal-pajjiż u d-dritt tal-poplu tiegħu li jiddetermina l-iżvilupp tiegħu;
4. Ifakkar lill-awtoritajiet Bjelorussi li l-eżistenza u l-azzjoni politika bla xkiel tal-partiti politiċi demokratiċi u ta' soċjetà ċivili b'saħħitha, indipendenti u attiva huma ta' importanza vitali għall-funzjonament xieraq ta' kull stat demokratiku; għalhekk jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jiggarantixu l-integrità tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam politiku u soċjali, partikolarment bħalissa l-libertajiet demokratiċi u d-drittijiet politiċi għaċ-ċittadini kollha tal-Bjelorussja, fosthom l-NGOs u l-partiti demokratiċi kollha;
5. Jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jissokta u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet mas-sħab tiegħu fil-Bjelorussja; jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex ma jostakolawx, iżda jappoġġjaw it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn is-soċjetajiet ċivili tal-UE u l-Bjelorussja; jenfasizza li din hija kundizzjoni bażika għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet tajba tal-viċinat bejn l-UE u l-Bjelorussja;
6. Jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex iwaqqfu minnufih l-kawża kriminali kontra l-organizzaturi u l-parteċipanti tad-dimostrazzjoni paċifika fid-19 ta' Diċembru u biex jeħilsu l-priġunieri politiċi kollha;
7. Jitlob li ssir investigazzjoni trasparenti u indipendenti taċ-ċirkustanzi tar-repressjoni tad-dimostrazzjoni fid-19 ta' Diċembru 2010 u li jittieħdu l-miżuri xierqa kontra min kien responsabbli mill-vjolenza u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
8. Jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jiggarantixxu l-libertà tal-espressjoni u tal-midja u biex iwaqqfu r-repressjoni tal-midja mhux statali;
9. Jinnota li l-politika tal-UE vis-à-vis l-Bjelorussja ma rnexxietx u kkontribwiet għall-iżviluppi reċenti, u huwa tal-fehma li t-tnedija mill-ġdid ta' djalogu politiku kritiku u miftuħ mal-Gvern u l-Parlament tal-Bjelorussja tkun l-aħjar mod li bih jiġu appoġġjati r-riformi demokratiċi fil-pajjiż; itenni l-pożizzjoni tiegħu li r-rappreżentanti tal-Bjelorussja m'għandhomx jiġu esklużi mill-istrutturi għall-kooperazzjoni bħas-Sħubija tal-Lvant u l-Assemblea Parlamentari EURONEST iżda li dawn il-fora għandhom jintużaw għad-djalogu dwar it-tilwim kollu;
10. Jappoġġja r-rifjut tal-Kummissjoni li tirreaġixxi dwar l-iżviluppi reċenti billi tiżola lill-poplu Bjelorussu, kif ukoll l-intenzjoni tagħha li tibda proċess ta' faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi, biex tippromwovi l-kuntatti mas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari fir-rigward tal-iskambji tal-istudenti;
11. Huwa tal-fehma li d-direzzjonijiet politiċi differenti tal-UE u tar-Russja bħala pajjiżi influwenti fil-viċinat tal-pajjiżi huma kontroproduċenti għall-iżvilupp fil-Bjelorussja; jistieden lir-RGħ/VP tal-Kummissjoni, Catherine Ashton biex tiddiskuti mal-kontroparti tagħha fir-Russja approċċ kooperattiv lejn il-viċinat komuni, inkluża l-Bjelorussja;
12. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jeżaminaw mill-ġdid ir-relazzjonijiet mal-Bjelorussja, fosthom ir-relazzjonijiet ekonomiċi u l-appoġġ finanzjarju, bl-għan li jtemmu s-subordinazzjoni tagħha għall-interess unilaterali tal-UE fir-rigward tal-provvista ta' enerġija;
13. Jitlob lill-President tal-Parlament Ewropew, kif propost mill-Konferenza tal-Presidenti fit-13 ta' Jannar 2011, biex imur il-Bjelorussja bil-mandat li jwitti t-triq għall-bidu ta' djalogu politiku komprensiv u inklużiv mal-awtoritajiet Bjelorussi, inklużi l-membri tal-Parlament Bjelorussu kif ukoll rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Bjelorussa, dwar il-kwistjonijiet kollha ta' interess għall-parteċipanti u biex jinsisti fuq it-talba tal-PE biex jinħelsu minnufih il-priġunieri kollha detenuti fil-kuntest tad-dimostrazzjonijiet tad-19 ta' Diċembru 2010 bħala prekundizzjoni għal kull pass ieħor fir-relazzjoni futura bejn l-UE u l-Bjelorussja;
14. Jistieden lill-Bjelorussja biex tikkontribwixxi għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħha mal-UE u mal-ġirien l-oħra tagħha u biex tieħu l-miżuri xierqa biex jingħeleb l-iżolament tal-pajjiż; huwa tal-fehma li l-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi, il-permess biex jerġa' jinfetaħ l-uffiċċju tal-OSKE f'Minsk u l-akkoljenza tad-delegazzjoni mill-Parlament Ewropew ikunu passi importanti f'din id-direzzjoni;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Parlament u l-awtoritajiet Bjelorussi, lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE.