MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża
17.1.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ioannis Kasoulides, Joseph Daul, Mario Mauro, Jaime Mayor Oreja, Ernst Strasser, Tunne Kelam, Doris Pack, Mário David, Francisco José Millán Mon, Gay Mitchell, Filip Kaczmarek, Marietta Giannakou, Carlo Casini, Ria Oomen-Ruijten, Hans-Gert Pöttering, Anna Záborská, Traian Ungureanu, Cristiana Muscardini, Andrzej Grzyb, Constance Le Grip, Lena Kolarska-Bobińska, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Artur Zasada, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Sławomir Witold Nitras f’isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0039/2011
B7‑0056/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, u b'mod partikolari dik tal-15 ta' Novembru 2007 dwar avvenimenti serji li jikkompromettu l-eżistenza tal-komunitajiet Insara u dik ta' komunitajiet reliġjużi oħra, dik tal-21 ta' Jannar 2010 dwar l-attakki li saru fuq il-komunitajiet Insara, dik tas-6 ta' Mejju 2010 dwar l-atroċitajiet tal-massa fi Joss, in-Niġerja, dik tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-libertà reliġjuża fil-Pakistan u dik tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-Iraq: il-piena tal-mewt (b'mod notevoli l-każ ta' Tariq Aziz) u l-attakki kontra l-komunitajiet Insara,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3 paragrafu 5 tat-TUE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
AA. billi l-istatistika dwar il-libertà reliġjuża f'dawn l-aħħar snin turi li 75% ta' atti ta' vjolenza reliġjuża jsiru kontra l-Insara, kif indikat fir-rapport tal-2009 dwar il-Libertà Reliġjuża fid-Dinja mħejji mill-organizzazzjoni "Għajnuna għall-Knisja fil-Bżonn"; billi fl-2010 kien hemm żieda fin-numru ta' attakki fuq il-komunitajiet Insara madwar id-dinja kif ukoll fin-numru ta' proċessi u sentenzi tal-mewt għall-blasfemija, li fil-biċċa l-kbira tal-każi jaffettwa lin-nisa,
B. billi fl-aktar attakk riċenti fuq il-knisja Koptika Nisranija fil-belt ta' Alexandrija fl-Eġittu nqatlu 23 persuna u ġew feruti mijiet oħra; billi dan l-attakk twettaq minn estremisti iżlamiċi vjolenti li x'aktarx għandhom rabta man-netwerk terroristiku Al-Qeada,
C. billi fl-4 ta' Jannar 2011 fl-Iżlamabad, Salam Taseer, gvernatur tal-provinċja Pakastini importanti Punjab, u famuż għall-kritika ħarxa tiegħu tal-Iżlamisti radikali, inqatel minn uffiċjal tal-puluzija,
D. billi l-massakru tal-1 ta' Novembru 2010 fil-Knisja Kattolika Sirjana tal-Madonna tal-Ħelsien fi Bagdad, li fih inqatlu 52 persuna, fosthom nisa u tfal,
E. billi attakki bħal dawn min-naħa ta' estremisti Iżlamiċi vjolenti huma wkoll attakki fuq ir-reġim attwali ta' dawn l-istati, immirati biex joħolqu kunflitt u biex jagħtu bidu għal gwerra ċivili bejn gruppi reliġjużi differenti,
F. billi d-djalogu bejn il-komunitajiet huwa kruċjali għall-promozzjoni tal-paċi u tal-fehim reċiproku bejn il-popli,
G. billi l-iżvilupp tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-libertajiet ċivili huwa l-bażi komuni li fuqha l-Unjoni Ewropea tibni r-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, u ġie previst fil-klawsola dwar id-demokrazija fil-ftehimiet bejn l-UE u l-pajjiżi terzi,
1. Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu għall-familji tal-vittmi tal-attakki li saru dan l-aħħar kontra denominazzjonijiet reliġjużi fl-Eġittu, il-Pakistan u l-Iraq;
2. Jikkundanna bil-qawwi l-vjolenza dinjija kontra l-Insara u l-persekuzzjoni tagħhom;
3. Jinsab imħasseb dwar l-exodus tal-Insara minn pajjiżi Iżlamiċi f'dawn l-aħħar snin;
4. Jilqa' r-reazzjoni tal-opinjoni pubblika fl-Eġittu li kkundannat bil-qawwi l-att terroristiku u li fehmet mill-ewwel li l-attakk sar biex jipperikola r-rabtiet soċjali b'saħħithom u fil-fond bejn l-Insara u l-Musulmani fl-Eġittu; jilqa' d-dimostrazzjonijiet konġunti min-naħa tal-Insara Koptiċi u l-Musulmani fl-Eġittu bi protesta kontra l-attakk; jilqa' wkoll il-kundanna pubblika tal-attakk min-naħa tal-President tal-Eġittu, Hosny Mubarak, mir-Re tal-Ġordan, Abdullah II, mill-Grand Mufti tal-Eġittu, it-Tabib Ali Gomaa, u minn xi mexxejja Musulmani oħra;
5. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-istati li fihom qegħdin jitwettqu livelli għoljin ta' attakki kontra denominazzjonijiet reliġjużi biex jieħdu responsabbiltà u jiżguraw it-tkomplija ta' prattiki reliġjużi pubbliċi u normali min-naħa tad-denominazzjonijiet reliġjużi kollha, biex iżidu fl-isforzi tagħhom biex jipprovdu protezzjoni affidabbli u effiċjenti għad-denominazzjonijiet reliġjużi f'pajjiżhom u jiżguraw is-sikurezza personali u l-integrità fiżika tal-membri tad-denominazzjonijiet reliġjużi fil-pajjiż biex b'hekk ikunu konformi mal-obbligi tagħhom fi ħdan ix-xena internazzjonali;
6. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-qattiel tal-gvernatur fl-Iżlamabad kienu uffiċjal tal-puluzija responsabbli għall-protezzjoni tiegħu; jitlob lill-gvern tal-Pakistan biex jelimina l-forzi estremisti Iżlamiċi fi ħdan il-forzi tas-sigurtà Pakistani u biex jiżgura li l-forzi għas-sigurtà jobdu l-konstituzzjoni u r-regola tal-liġi; jinsab imħasseb ukoll li l-liġi Pakistana kontra l-blasfemija, li l-maqtul Gvernatur Salam Taseer kien pubblikament kontriha, għadha qiegħda tintuża biex tippersegwita denominazzjonijiet reliġjużi, li jinkludu l-Insara bħal Asia Noreen, omm Nisranija b'ħamest it-tfal li ġiet ikkundannata għall-mewt, u li l-qattiel tal-Gvernatur Salam Taseer ġie ttrattat bħala eroj minn partijiet kbar tas-soċjetà Pakistana;
7. Jikkundanna l-interruzzjoni bl-użu tal-forza, min-naħa tal-awtoritajiet Torok, tal-quddiesa Nisranija ċċelebrata f'Jum il-Milied minn 300 Nisrani li għad fadal fil-parti okkupata taċ-Ċipru;
8. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/ il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex, fil-qafas tar-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati, jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tad-denominazzjonijiet reliġjużi, li jinkludu l-komunitajiet Insara; u biex jinkorporaw is-suġġett tal-libertà reliġjuża fil-politiki esterni Ewropej billi tiddaħħal klawsola vinkolanti dwar ir-rispett għal-libertà reliġjuża fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi;
9. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/ il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex jiżviluppaw b'urġenza strateġija tal-UE dwar l-infurzar tad-dritt tal-bniedem dwar il-libertà reliġjuża, li tinkludi lista ta' miżuri kontra stati li konxjament jonqsu milli jipproteġu denominazzjonijiet reliġjużi;
10. Jitlob lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/ il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, fid-dawl tal-avvenimenti li ġraw dan l-aħħar u tan-neċessità li qiegħda tiżdied biex tiġi analizzata u mifhuma l-evoluzzjoni ta' żviluppi kulturali u reliġjużi f'relazzjonijiet internazzjonali u soċjetajiet kontemporanji, biex tiġi żviluppata kapaċità permamenti għal riċerka strateġika, l-iżvilupp tal-politika u stħarriġ dwar ir-reliġjon u kwestjonijiet ta' kundanna ta' ħtija fis-Servizz Ewropew għal Azzjoni Esterna;11. Jistieden lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/ il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, biex jintegraw kapitolu dwar il-libertà reliġjuża fir-rapport Annwali tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
12. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tal-Istati Uniti għal-Libertà Reliġjuża Internazzjonali, li tissorvelja l-protezzjoni tal-libertà reliġjuża fid-dinja billi tipprovdi pariri u proposti politiċi lill-President tal-Istati Uniti u lis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, tista' sservi mudell tajjeb għall-Unjoni Ewropea;
13. Isostni kull inizjattiva mmirata biex tippromwovi d-djalogu, il-libertà reliġjuża u r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet; jistieden lill-awtoritajiet reliġjużi kollha biex jippromwovu t-tolleranza u biex jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenta u estremista;
14. Jistieden lill-organizzazzjonijiet Musulmani fl-Ewropa biex jimpenjaw ruħhom b'mod inekwivoku biex juru solidarjetà mal-komunitajiet Insara fuq il-bażi ta' rispett ugwali għal kull denominazzjoni;
14a.Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/ il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex ikun konformi mal-obbligu li jipparteċipa fi djalogu regolari mal-Knejjes skont l-Artikolu 17(3) tat-TFUE, biex jiġi żgurat li l-kwestjoni tal-persekuzzjoni tal-Insara tingħata prijorità u tiġi diskussa fuq bażi sistematika;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/ il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.