Proċedura : 2011/2514(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0057/2011

Testi mressqa :

B7-0057/2011

Dibattiti :

PV 19/01/2011 - 12
CRE 19/01/2011 - 12

Votazzjonijiet :

PV 20/01/2011 - 7.3
CRE 20/01/2011 - 7.3

Testi adottati :

P7_TA(2011)0022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 135kWORD 93k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0044/2011
17.1.2011
PE455.885v01-00
 
B7-0057/2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Bjelorussja


Rebecca Hams, Elisabeth Schroedter, Werner Schulz, u Heidi Hautala f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Bjelorussja  
B7‑0057/2011

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, b'mod partikolari dik tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar il-Bjelorussja,

  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK tal-25 ta’ Ottubru 2010 rigward miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja, li testendi kemm il-miżuri restrittivi kif ukoll is-suspensjoni tagħhom sal-31 ta’ Ottubru 2011,

  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-25 ta’ Ottubru 2010,

  wara li kkunsidra id-Dikjarazzjoni tar-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Bjelorussja mill-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE/ODIHR) u l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE (AP OSKE) tal-20 ta’ Diċembru 2010,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2008 dwar is-Sħubija tal-Lvant (COM(2008)0823),

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant maħruġa mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tad-19 u l-20 ta' Marzu 2009 u d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa fis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2006 dwar ir-rieda tal-Unjoni Ewropea li ġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Bjelorussja u mal-poplu tagħha fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV),

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Kunsill fil-konklużjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2009 rrikonoxxa l-possibilitajiet ġodda għal djalogu u kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Bjelorussja bil-għan li jitrawwem progress ġenwin fir-rigward tad-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u reġa' afferma r-rieda tiegħu li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-Bjelorussja, bil-kundizzjoni li jsir aktar progress fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u li jgħin lill-pajjiż biex jilħaq dawn l-objettivi,

B. billi d-Dikjarazzjoni ta’ Praga tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant affermat mill-ġdid l-impenji, fost oħrajn tal-Bjelorussja, għall-prinċipji tal-liġi internazzjonali u għall-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali,

C. billi l-Bjelorussja impenjat ruħha li tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-OSKE u l-Uffiċċju tal-Istituzzjonijiet Demokratiċi u tad-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) rigward titjib fil-liġi elettorali tagħha sabiex issir konformi mal-istandards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi u li tikkonsulta mal-OSKE rigward l-emendi proposti; billi l-Assemblea Nazzjonali tal-Bjelorussja għaddiet riforma tal-Kodiċi Elettorali mingħajr ma l-ewwel ikkonsultat lill-OSKE,

D. billi l-Kunsill huwa lest jintensifika aktar ir-relazzjonijiet mal-Bjelorussja u saħansitra jtejjeb l-istatus kuntrattwali tagħha, f’każ li jiġi stabbilit progress tanġibbli fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u t-twettiq ta’ elezzjonijiet fil-Bjelorussja,

E. billi l-Kunsill, wara li evalwa l-iżviluppi fil-Bjelorussja, iddeċieda li jestendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali Bjelorussi iżda li jissospendi l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE, it-tnejn li huma sal-31 ta' Ottubru 2011, inkluż Lukashenko,

F. billi skont id-Dikjarazzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE/ODIHR dwar ir-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Bjelorussja, "L-elezzjoni presidenzjali wriet li l-Bjelorussja għad fadlilha x'tagħmel biex tissodisfa l-impenji li ħadet fl-OSKE, għalkemm sar xi titjib speċifiku. Il-lejl tal-elezzjoni kien ikkaratterizzat mid-detenzjonijiet tal-biċċa l-kbira tal-kandidati presidenzjali, u ta' mijiet ta' attivisti, ġurnalisti u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili",

G. billi bħala reazzjoni għal dawn ir-riżultati preliminari, il-gvern Bjelorussu talab lill-OSKE biex titlaq mill-pajjiż billi qal li din l-organizzazzjoni kienet wettqet il-mandat tagħha u li m’għadx kien hemm bżonnha; billi l-għeluq tekniku tal-uffiċju tal-OSKE huwa skedat għall-31 ta’ Marzu 2011,

H. billi r-ripressjoni mill-pulizija fid-dimostrazzjoni tad-19 ta’ Diċembru 2010 u l-azzjonijiet repressivi tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi kontra l-oppożizzjoni demokratika, il-midja ħielsa u l-attivisti tas-soċjetà ċivili ġew ikkundannati bis-saħħa mill-President tal-Parlament Ewropew, mir-Rappreżentant Għoli tal-UE, u s-Segretarju Ġenerali tan-NU,

I. billi l-persuni li pprotestaw u l-kandidati tal-oppożizzjoni li ġew arrestati huma meqjusa bħala kriminali iktar milli priġunieri politiċi mir-Reġim Bjelorussu u għalhekk għandhom ir-riskju li jiffaċċjaw penali massimi mhux raġonevoli,

J. billi l-avukati li jirrappreżentaw lil min ipprotesta, lill-oppożizzjoni politika jew il-familji tagħhom huma mhedda bit-tneħħija tal-liċenzja/tal-warrant tagħhom,

K. billi wara dawn l-avvenimenti drammatiċi l-Pajjiżi Membri tal-UE reġgħu naqsu milli jagħmlu sforz konġunt u b’hekk intbagħtu messaġġi kontradittorji Minsk li r-relazzjonijiet setgħu jkomplu bħal qabel,            

1. Jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni mwettqa mill-forzi tal-pulizija u s-servizzi tal-KGB kontra l-persuni li pprotestaw f'jum l-elezzjoni u l-arresti tal-massa li saru wara dawn l-avvenimenti u jesprimi s-solidarjetà tiegħu għall-vittmi ta' din il-vjolenza; iqis dan bħala ksur ovvju tal-prinċipji demokratiċi bażiċi, bħal-libertà tal-assemblea u l-libertà tal-espressjoni, kif ukoll tad-drittijiet tal-bniedem;

2. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-proċedimenti kriminali mwettqa mill-awtoritajiet Bjelorussi kontra kważi kull kandidat presidenzjali, il-kapijiet tal-oppożizzjoni demokratika kif ukoll kontra għadd kbir ta' attivisti tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti, għalliema u studenti, li jistgħu jwasslu għal sentenzi ta' sa 15-il sena ħabs; jitlob għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti u imparzjali tal-avvenimenti;

3. Jitlob il-ħelsien bla ebda kundizzjoni tal-persuni li pprotestaw kollha li għadhom detenuti u jitlob li jitwaqqgħu minnufih l-akkużi u l-proċedimenti kriminali; jitlob, fl-istess ħin, lill-awtoritajiet Bjelorussi jipprovdu aċċess mingħajr ostakli tad-detenuti għall-familjari, l-għajnuna legali u l-kura medika;

4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex iwaqqfu immedjatament kull forma ta' abbuż, intimidazzjoni jew theddid kontra l-attivisti tas-soċjetà ċivili inklużi rejds, tfittxijiet u konfiska ta' materjali f'appartamenti privati, binjiet ta' midja indipendenti u uffiċji ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll espulsjonijiet mill-universitajiet u postijiet tax-xogħol;

5. Jitlob lill-gvern ta’ Minsk biex jerġa’ jqis id-deċiżjoni tiegħu li ma jestendix il-missjoni tal-Uffiċċju tal-OSKE fil-Bjelorussja u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jerġgħu jikkooperaw ma’ din l-organizzazzjoni bil-ħsieb li titwitta t-triq għat-twettiq mill-ġdid tal-elezzjonijiet presidenzjali;

6. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jeżaminaw mill-ġdid il-politika tal-UE dwar il-Bjelorussja, jenfasizza l-ħtieġa li l-PEV u l-għajnuna nazzjonali għall-Bjelorussja jiġu orjentati mill-ġdid biex ikunu żgurati l-iżolazzjoni tar-reġim u fl-istess ħin l-appoġġ imtejjeb xieraq għas-soċjetà ċivili; itenni l-importanza tal-użu effikaċi tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Kunsill biex jikkunsidra l-possibbiltà li jissospendi l-parteċipazzjoni tal-Bjelorussja fl-attivitajiet tas-Sħubija tal-Lvant fis-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant f'Budapest jekk ma jsirux tibdiliet ġenwini;

7. Huwa tal-opinjoni li l-UE għandha tistabbilixxi, abbażi ta' kundizzjonalità stretta, pjan direzzjonali ta' sanzjonijiet implimentati pass pass bl-ewwel waħda tkun ir-riattivazzjoni tal-projbizzjoni tal-ħruġ ta' viżi sakemm kull min ġie detenut u arrestat jinħeles filwaqt li jiġu rtirati l-akkużi kontrihom; jindika li n-nuqqas ta' azzjoni f'waqtha f'dan ir-rigward mill-awtoritajiet Bjelorussi għandu jirriżulta fl-impożizzjoni ta' miżuri ġodda u aktar stretti, eż. sanzjonijiet ekonomiċi u diplomatiċi;

8. Jistieden, f’dan ir-rigward, lill-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jerġgħu japplikaw minnufih il-projbizzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għall-awtoritajiet Bjelorussi b’kariga għolja, bl-estensjoni għall-uffiċjali tal-istat, il-membri tal-ġudikatura u l-uffiċjali tas-sigurtà li jistgħu jitqiesu responsabbli għat-tbagħbis fl-elezzjoni u għar-repressjonijiet brutali u l-arresti postelettorali ta' membri tal-oppożizzjoni, u biex jiġu ffriżati l-assi tagħhom; jenfasizza li sanzjonijiet għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm il-priġunieri politiċi u d-detenuti kollha jinħelsu u terġa’ titqies id-deċiżjoni li jingħalaq l-uffiċċju tal-OSKE;

9. Jistenna li l-Istati Membri tal-UE ma jdgħajfux l-azzjoni tal-UE b'inizjattivi bilaterali mar-reġim Bjelorussu li jikkompromettu l-kredibilità u l-effikaċja tal-politika barranija Ewropea;

10. Iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE u lill-Istati Membri biex jappoġġaw id-demokrazija fil-Bjelorussja billi jżidu l-għajnuna finanzjarja għall-midja indipendenti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jżidu l-għadd ta’ boroż ta’ studju għall-istudenti Bjelorussi;

11. Jilqa' l-inizjattiva li tiġi organizzata l-konferenza tad-donaturi tal-organizzazzjoni 'Solidarjetà mal-Bjelorussja' f'Varsavja u f'Vilnjus u jistenna li l-Unjoni Ewropea tkun kontributur ewlieni; jenfasizza l-ħtieġa ta' miżuri speċifiċi ta' appoġġ għall-persuni detenuti u l-familji tagħhom, u għal min qed jaffaċċja miżuri repressivi fil-Bjelorussja;

12. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex iżżid l-għajnuna finanzjarja lill-Università Ewropea tal-Istudji Umanistiċi (EHU) ibbażata f'Vilnjus, il-Litwanja, li hija lesta li taċċetta studenti li tkeċċew mill-Universitajiet Bjelorussi wara r-repressjoni vjolenti postelettorali presidenzjali;

13. Huwa tal-opinjoni li avvenimenti sportivi bħall-Kampjonat Dinji tal-Ħoki fuq is-Silġ fl-2014, ma għandhomx isiru l-Bjelorussja waqt li jkun hemm priġunieri politiċi f'dan il-pajjiż u jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali biex jissospendu l-parteċipazzjoni Bjelorussa fl-avvenimenti sportivi internazzjonali sakemm jinħelsu l-priġunieri politiċi;

14. Jistieden lill-Kunsill iqis l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet intelliġenti u mmirati fuq kumpaniji ta' proprjetà tal-Gvern Bjelorussu sakemm il-priġunieri politiċi kollha jinħelsu bla kundizzjonijiet; Jirrakkomanda lill-Istati Membri tal-UE u lil pajjiżi oħra b'ideoloġija simili biex jeżaminaw mill-ġdid ir-relazzjonijiet ekonomiċi mal-Bjelorussja, u f’dan ir-rigward jirrakkomanda li l-komunità tan-negozju Ewropew teżamina mill-ġdid il-kundizzjonijiet, li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni tagħhom mal-kumpaniji u l-impriżi kummerċjali Bjelorussi; jistieden, fl-istess ħin, lill-Pajjiżi Membri biex jevitaw li jiffaċilitaw u jippromwovu n-negozju ta’ kumpaniji Ewropej fil-Bjelorussja;

15. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħaffu n-negozjati mal-Bjelorussja għal ftehim ta' faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi sabiex jissaħħu l-kuntatti bejn in-nies u tintwera rieda konkreta tal-UE biex tiftaħ il-bibien għall-Bjelorussja;

16. Jiddispjaċih dwar il-pożizzjoni tal-Federazzjoni Russa li tagħraf l-elezzjonijiet u d-deskrizzjoni tar-repressjoni bħala “kwistjoni interna”; jenfasizza r-rwol importanti tal-ġirien tal-Bjelorussja u tal-Unjoni Ewropea li jinnormalizzaw is-sitwazzjoni u li jinkoraġġixxu l-ħelsien immedjat u bla kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni, il-gvernijiet tal-Istati Membri, il-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Bjelorussja u l-Assemblei Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE.

Avviż legali - Politika tal-privatezza