Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0058/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0058/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża

17.1.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Heidi Hautala, Margrete Auken, Raül Romeva i Rueda, Nicole Kiil-Nielsen f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0039/2011

Proċedura : 2011/2521(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0058/2011
Testi mressqa :
B7-0058/2011
Testi adottati :

B7‑0058/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapporti annwali tiegħu dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-minoranzi reliġjużi fid-dinja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) tal-1950,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar t-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni bbażata fuq Reliġjon u Twemmin tal-1981,

–   wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u b'mod partikolari r-rapporti tagħha tad-29 ta' Lulju 2010 u tad-19 ta' Frar 2010,

–   wara li kkunisdra l-konklużjonijiet tal-Kunsill adotatti fit-8 ta' Diċembru 2009 dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin li fihom il-Kunsill jenfasizza l-importanza strateġika ta' din il-libertà u tal-ġlieda kontra l-intolleranza reliġjuża,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà wara l-attakk kontra l-kongregazzjoni fi knisja Kopta f'Lixandra, l-Eġittu, fl-1 ta' Jannar 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, Buzek, dwar l-isplużjoni qattiela fil-knisja Eġizzjana, fl-1 ta' Jannar 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea ripetutement esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tar-reliġjon, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tal-ħsieb u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha,

B.  billi l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi jistqarr li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed ikollu jew jadotta r-reliġjon jew it-twemmin tal-għażla tiegħu, kif ukoll il-libertà li, waħdu jew f'komunità ma' oħrajn u fil-pubbliku jew fil-privat, jimmanifesta r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu bil-qima, l-osservanza, il-prattika u t-tagħlim,

C. billi l-ibertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon tapplika għal dawk li jħaddnu reliġjon, iżda wkoll għall-atei, għall-anjostiċi u għall-persuni li m'għandhomx twemmin,

D.  billi gruppi oħra ta' nies bħal refuġjati, persuni spostati f'pajjjiżhom, persuni li jfittxu l-asil, migranti, persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom u minoranzi etniċi, reliġjużi u lingwistiċi lkoll iabbtu wiċċhom ma' għadd dejjem akbar ta' vjolazzjonijiet tad-dritt tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin tagħhom; ifakkar, f'dan ir-rigward, il-prinċipju tan-non-refoulement, skond l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar l-Istatus tar-Refuġjati,

E.  filwaqt li jfakkar li l-liġi internazzjonali mhijiex maħsuba biex tipproteġi r-reliġjonijiet, l-ideoloġiji jew il-valuri astratti, iżda tipproteġi lill-individwu li, waħdu jew f'komunità, jeżerċita, fil-privat jew fil-pubbliku, il-libertà tiegħu ta' ħsieb, kuxjenza u reliġjon,

F.  billi attakk fuq Insara Kopti qatel u darab ċivili innnoċenti f'Lixandra fl-1 ta' Jannar 2011;

G. billi ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tal-Milied fil-knisja lokali ta' San Sinesios fil-villaġġ ta' Rizokarpaso fit-Tramuntana ta' Ċipru sfat interrotta bil-forza fil-25 ta' Diċembru 2010,

H. billi żewġ Insara Iraqini nqatlu f'Mosul fit-22 ta' Novembru 2010; billi sensiela ta' attakki fuq inħawi Nsara qatlu ċivili innoċenti f'Bagdad fl-10 ta' Novembru 2010; billi dawn l-attakki seħħew wara li militanti Iżlamisti kienu ħatfu f'idejhom katidral Sirjak Kattoliku f'Bagdad fil-31 ta' Ottubru 2010, u ħallew mejta aktar minn 50 ruħ,

I.   billi l-assassinju ta' Salman Taseer, Gvernatur tal-Punjab, fl-4 ta' Jannar 2011, kif ukoll il-każ ta' Asa Bibi fil-Pakistan ipprovokaw protesti mill-komunità internazzjonali,

J.   billi l-Ewropa, bħal partijiet oħra tad-dinja, mhijiex ħielsa minn każijiet ta' ksur tal-libertà reliġjuża, minn attakki fuq membri ta' minoranzi reliġjużi abbażi tat-twemmin tagħhom, jenfasizza f'dan ir-rigward il-kontroversja dwar il-minaretti fl-Isvizzera, li tirreferi għal projbizzjoni tal-bini ta' minaretti ġodda, u li għandha titqies bħala espressjoni tal-intolleranza,

1.  Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' diskriminazzjoni u intolleranza bbażata fuq reliġjon u twemmin u atti ta' vjolenza kontra kwalunkwe komunità reliġjuża; jenfasizza mill-ġdid li d-dritt tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem;

2.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet u lill-awtoritajiet fil-pajjiżi kollha kkonċernati biex jissuktaw bl-isforzi tagħhom bil-għan li jipproteġu minn attakki vjolenti komunitajiet reliġjużi vulnerabbli, inklużi l-minoranzi Nsara, u biex jagħmlu ħilithom kollha ħalli dawk responsabbli għal atti bħal dawn jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

3.  Ifakkar lill-gvernijiet fil-pajjiżi kollha kkonċernati dwar l-obbligu tagħhom li jiggarantixxu li l-membri tal-komunitajiet reliġjużi jgawdu l-aspetti kollha tal-libertà tar-reliġjon u li jipprevjenu kull diskriminazzjoni kontrihom;

4.  Jerġa' jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili huma prinċipji u għanijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi;

5.  Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex jagħtu aktar attenzjoni għas-suġġett tal-libertà tar-reliġjon u għas-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi fil-ftehimiet u fil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi kif ukoll fir-rapporti dwar id-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jerġa' jsostni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha li jfittxu jippromwovu d-djalogu u r-rispett reċiproku bejn ir-reliġjonijiet u bejn komunitajiet oħra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet reliġjużi kollha biex jippromwovu t-tolleranza u biex jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenta u estremista;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm mekkaniżmu ta' segwitu, inkluża l-ħatra ta' membru tal-Kumitat rilevanti biex isegwi l-iżviluppi huma u għaddejjin kif ukoll il-miżuri meħuda mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-korpi tan-NU;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-parlament u lill-gvern tal-Eġittu, lill-parlament u lill-gvern tal-Iraq u lill-parlament u lill-gvern tal-Pakistan.

.