MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kriżi tar-rimi tal-iskart fil-Kampanja
26.1.2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Crescenzio Rivellini, Erminia Mazzoni, Elisabetta Gardini f'isem il-Grupp PPE
B7‑0077/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tar-rimi tal-iskart fil-Kampanja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 191 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi li l-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin,
– is-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent,
– il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem,
– l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali,
– il-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b’mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 227 TFUE dwar id-dritt ta’ petizzjoni,
– wara li kkunsidra l-atti leġiżlattivi adottati mill-KE u mill-Istati Membri biex jipproteġu l-ambjent u s-saħħa pubblika,
– wara li kkunsidra d-direttiva dwar l-iskart adottata, li tispeċifika li miżuri ta’ ġestjoni tal-iskart iridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali,
– wara li kkunsidra l-petizzjonijiet imressqa lill-Parlament bejn l-2005-2010,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kampanja fl-aħħar 15-il sena kienet kemm-il darba milquta minn kriżijiet kbar ta’ ġbir u rimi tal-iskart li joħolqu sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li affettwaw ħafna l-popolazzjoni lokali,
B. billi l-periklu li ġej mill-iskart mhux miġbur fit-toroq jista’ jkollu konsegwenzi perikolużi għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent,
C. billi minkejja li kienet infurmata dwar is-sitwazzjoni, l-amministrazzjoni lokali kkonċernata s’issa ma kinitx kapaċi tiffaċja l-problema kif suppost u tevita l-aggravazzjoni tagħha, iż-żieda fl-iskumdità għar-residenti u l-periklu għas-saħħa pubblika u l-ambjent,
D. billi s-sitwazzjoni deskritta tikser il-liġi tal-UE, li tipprevedi t-twaqqif tal-istrateġija u miżuri ta’ ġestjoni li jippermettu l-konformità mal-eżiġenzi tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart,
E. billi l-Kummissjoni Ewropea nediet proċedura ta’ ksur kontra l-Italja minħabba l-applikazzjoni żbaljata tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart (Direttiva 2006/12/KE dwar l-iskart) fil-Kampanja u li fid-dawl tal-ksur kontinwu tal-liġi ambjentali tal-UE fil-Kampanja, adiet il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f’Lulju 2008,
F. billi l-Kummissjoni Ewropea, b’segwitu għall-proċedura ta’ ksur, iffriżat il-fondi għall-ġestjoni tal-iskart u r-rimi fl-Italja, u b’mod partikolari fir-reġjun tal-Kampanja,
G. billi l-QEĠ kkundannat lill-Italja fid-deċiżjoni tagħha tal-4 ta’ Marzu 2010 għaliex naqset li twaqqaf l-istallazzjonijiet meħtieġa biex tiżgura r-rimi tal-iskart urban b'mod adegwat (sentenza fil-Każ C-297/08),
H. billi huwa fundamentali li l-azzjonijiet meħtieġa jkunu kkompletati mill-adozzjoni u, aktar importanti, mill-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri strateġiċi fuq perjodu ta’ żmien twil, bħal netwerk suffiċjenti ta’ impjanti għat-trattament tal-iskart li jkunu konformi għal kollox mal-istandards stabbiliti mil-liġi Komunitarja, akkumpanjati minn strateġija koerenti għal perjodu ta’ żmien twil għall-ġestjoni tal-iskart bil-ħsieb li tingħata spinta lir-riċiklaġġ u l-ġbir ta’ skart separat,
1. Jilqa’ l-isforzi u l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet lokali li adottaw miżuri straordinarji fl-aħħar emerġenza tal-iskart urban li seħħet fil-Ħarifa 2010;
2. Jilqa’ l-finanzjament konċess mill-Komunità u jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa s-sitwazzjoni fil-Kampanja, li ġiet milquta mill-kriżi tal-iskart urban anke reċentement;
3. Jilqa’ l-isforzi riċenti tal-awtoritajiet reġjonali lokali biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tas-sentenza tal-Qorti qabel l-aħħar ta’ April;
4. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni kollha eżistenti dwar il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa u b’mod speċifiku fil-każ tal-ġestjoni tal-iskart fir-reġjun Taljan affettwat;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżblokka l-fondi tal-UE li baqa’ jekk il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfati bis-sħiħ mill-awtoritajiet Taljani u biex timmonitorja l-użu tas-sussidji tal-UE li baqa’ biex tara li jsir użu tajjb minnhom, waqt li tiżgura li l-ispejjeż futuri kollha jsiru bi qbil mal-pjanijiet approvati mill-UE, imressqa mill-awtoritajiet reġjonali u lokali bl-għan li jsolvu definittivament il-kriżi tal-ġestjoni tal-iskart fil-Kampanja, f'konformità sħiħa mal-liġi Komunitarja;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri kkonċernati.