MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istat tad-dritt fir-Russja
9.2.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Heidi Hautala, Werner Schulz, Bart Staes, Indrek Tarand f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0101/2011
B7‑0101/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istat tad-dritt fir-Russja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar is-sitwazzjoni fil-Federazzjoni Russa u b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Settembru 2009, tat-12 ta' Novembru 2009, tas-17 ta' Ġunju 2010 u tat-21 ta' Ottubru 2010,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (PCA) bejn, min-naħa l-waħda, il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, u min-naħa l-oħra, il-Federazzjoni Russa, u n-negozjati li nbdew fl-2008 dwar trattat ġdid bejn l-UE u r-Russja,
– wara li kkunsidra l-Konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1738 (2010) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem dwar ir-rimedji Legali għall-vjolazzjonijiet tal-jeddijiet tal-bniedem fir-reġjun tal-Kawkasu ta' Fuq tat-22 ta' Ġunju 2010 u tal-4 ta' Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b’mod partikolari l-Artikolu 14 li jgħid li kulħadd għandu jkun intitolat għal smigħ xieraq u pubbliku minn tribunal kompetenti, indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi, li r-Russja ilha parti għalih sa mill-1973,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, b’mod partikolari l-Artikolu 6 li jgħid li kulħadd għandu jkun intitolat għal smigħ xieraq u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal kompetenti, indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi, li r-Russja ilha parti għalih sa mill-1998,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Russja, b’mod partikolari l-Artikolu 118 tagħha li jgħid li l-Ġustizzja fil-Federazzjoni Russa għandha tkun amministrata mill-qrati biss, l-Artikolu 120 tagħha li jiddisponi li l-imħallfin huma indipendenti u subordinati biss għall-Kostituzzjoni Russa u għad-Dritt Federali,
– wara li kkunsidra l-istqarrijiet stampa maħruġin mill-President tal-PE Buzek fl-okkażjoni tas-sitt anniversarju tat-traġedja ta' Beslan tat-3 ta' Ottubru 2010, dwar Anna Politkovskaya u l-verdett ta' ħtija ta' Mikhail Khodorkovsky u Platon Lebedev: ir-raba’ anniversarju mill-assassinju tas-6 ta’ Ottubru 2010 u l-attakk bomba suwiċida fi Vladikavkaz, Kawkasu ta’ Fuq tal-10 ta’ Ottubru 2010,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-VP/RGħ tal-UE fil-każ Khodorkovsky/Lebedev tat-30 ta’ Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi bosta proċessi u proċedimenti ġudizzjarji matul l-aħħar snin tefgħu dubji fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Federazzjoni Russa; billi l-interferenza politika, in-nuqqasijiet proċedurali, il-korruzzjoni, il-għeluq, l-inġustizzji u t-theddid magħmul lix-xhieda għadhom impediment serju għalbiex issir il-ġustizzja fir-Russja,
B. billi l-investigazzjonijiet fl-abbużi tal-jeddijiet tal-bniedem huma bosta drabi ineffettivi, difettużi u ma jwasslu għal ebda kastig; billi n-nuqqas ta’ trasparenza tal-atti uffiċjali jippermettu li jkun hemm ħafna abbużi,
C. billi l-imwiet ta’ Anna Politkovskaya, Natalia Estemirova, Anastasia Barburova, Stanislav Markelov u Sergei Magnitsky għadhom ma ġewx spjegati u l-assillament ġudizzjarju ta’ Mikhael Khodorkovsky, Platon Lebedev, Oleg Orlov, Igor Vladimirovich Izmestiev, Mikhail u Larisa Cheprunov, Aleksandr Kalistratov, Alexey Sokolov u Alexey Nikiforov ġie rrappurtat f’bosta okkażjonijiet,
D. billi Mikhail Khordorkovsky u sieħbu fin-negozju Platon Lebedev ingħataw verdett ta’ ħtija għal tbagħbis mill-qorti ta' Moska tad-distrett ta' Khamovnichesky fit-30 ta’ Diċembru 2010; billi l-prosekuzzjoni, il-proċess u l-verdett intwerew internazzjonali bħala li kienu politikament motivati; billi l-interferenza u l-għemil ta' pressjoni politiċi ġew kritikati bis-saħħa mill-komunità internazzjonali,
E. billi fit-28 ta’ Diċembru 2010, Igor Vladimirovic Izmestiev ġie kkundannat għomru l-ħabs mill-qorti tal-belt ta’ Moska; billi s-Sur Izmestiev kien l-ewwel senatur li qatt ingħata sentenza ta’ għomru l-ħabs; billi tqajjem f'livell internazzjonali t-tħassib dwar irregolaritajiet proċedurali u interferenza politika;
F. billi kif tmexxew il-każijiet kontra Mikhail Khodorkovsky u Platon Lebedev, kif ukoll in-nuqqas ta' bidu ta' investigazzjonijiet dwar l-imwiet ta' Sergey Magnitsky, Anna Politkovskaya, Natalya Estemirova u Stanislav Markelov iħammġu l-perċezzjoni tar-Russja fid-dinja,
G. billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet Fundamentali fid-Dinja 2009 u l-politika tal-UE fuq il-materja tal-21 ta’ Ottubru 2010 talbu lill-Kunsill tal-UE jikkunsidra li jekk ma tinbeda l-ebda investigazzjoni allura jkun hemm projbizzjoni fuq id-dħul ta' dawk l-uffiċjali Russi involuti fil-mewt ta' Magnitsky, u l-iffriżar tal-beni tagħhom; billi fl-istess riżoluzzjoni il-Parlament Ewropew ikkunsidra li l-każ ta’ Magnitsky kien eżempju lampanti tan-nuqqasijiet serji tas-sistema ġudizzjarja fir-Russja,
H. billi l-użu mifrux tad-Dritt Russu fuq l-Attivitajiet Estremisti ntuża kontra l-attivisti tal-jeddijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi u l-gruppi reliġjużi; billi l-liġi hija vaga fit-terminoloġija u l-kontenut tagħha u hija użata arbitrarjament; billi l-Artikoli 280, 281 u 282 tal-Kodiċi Kriminali Russu huma tal-akbar tħassib f’dan is-sens; billi l-proċessi konċernanti l-estremiżmu u l-imsmmijin Artikolu fihom nuqqasijiet u manipolazzjonijiet tal-proċedura ġudizzjarja; billi fl-2010, il-Lista Federali tal-Materjali Estremisti ġiet aġġornata 27 darba, b’total issa ta’ 748 entrata u l-Lista tal-Organizzazzjonijiet Estremisti ġiet aġġornata fl-2010, b’total issa ta’ 18-il organizzazzjoni,
I. billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundannat lill-Federazzjoni Russa għall-vjolazzjonijiet serji tal-jeddijiet tal-bniedem fil-Kawkasu ta’ Fuq f’aktar minn 150 sentenza; billi l-implimentazzjoni tas-sentenza għadha substandard b’mod drastiku; billi r-responsabilità għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tas-sentenzi taqa’ l-aktar fuq l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet ġudizzjarji,
J. billi l-infurzar ġudizzjarju u tal-liġi ma rnexxielux iwaqqaf is-sitwazzjoni ta’ impunità bla rażan għall-vjolazzjoni tal-jeddijiet tal-bniedem fil-Kawkasu ta’ Fuq; billi ma ġie ggarantit l-ebda rimedju legali għal vjolazzjonijiet serji tal-jeddijiet tal-bniedem, attakki, assassinji, sparizzjonijiet forzati u każijiet ta’ maltrattament u detenzjoni arbitrarja f’ċerti nħawi tal-Kawkasu ta’ Fuq; billi n-normalizzazzjoni tal-Kawkasu ta’ Fuq hija impossibbli mingħajr ma tkun żgurata r-responsabilità politika għall-vjolazzjonijiet tal-jeddijiet tal-bniedem u jkun żgurat li jinġieb lura l-istat tad-dritt,
K. billi l-ġurnalisti indipendenti, l-attivisti tas-soċjetà ċivili, l-avukati u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun spiss sfaw vittmi ta’ theddid u ta’ atti ta’ vjolenza, torment u intimidazzjoni, u l-attivitajiet tagħhom kienu ristretti minn membri ta’ korpi tal-infurzar tal-ligi,
L. billi f’bosta okkażjonijiet il-President Russu Medvedev wiegħed li se jsaħħaħ l-istat ta' dritt filwaqt li iddikajra li l-kompitu tiegħu hu li joħloq qrati moderni assolutament indipendenti li jimxu flimkien mal-livell ta’ żvilupp ekonomiku tal-pajjiż,
M. billi l-Partenarjat għall-Modernizzazzjoni UE-Russja, konkluż fis-Samit tal-UE-Russja tas-7 ta' Diċembru 2010, fih proposti u proġetti konkreti fil-pjan tiegħu ta' ħidma għal koperazzjoni u assistenza fil-qasam tal-jeddijiet tal-bniedem u l-istat ta’ dritt,
N. billi l-UE tkun tista’ tiżviluppa partenarjat ġenwin mar-Russja fl-oqsma tal-kummerċ, is-sigurtà, u l-ġustizzja jekk kemm-il darba jiġu żgurati l-osservanza tad-dritt kif ukoll l-effettività tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji,
O. billi l-Istati Membri tal-UE ma rnexxielhomx jibnu politika koerenti tal-jeddijiet tal-bniedem f’dak li għandu x’jaqsam mar-Russja; billi l-inkonsistenzi u n-nuqqas ta’ kordinazzjoni fil-politika tal-jeddijiet tal-bniedem tal-Istati Membri tal-UE wasslu għal pożizzjoni dgħajfa tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni u l-promozzjoni tal-jeddijiet tal-bniedem fir-Russja,
1. Huwa tal-fehma li n-nuqqas ta’ indipendenza tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji qiegħed fil-qalba tal-impunità fir-Russja u jfisser it-tħassib tiegħu dwar ir-rapporti ta’ proċessi politikament motivati, proċedimenti inġusti u nuqqas ta’ investigazzjoni ta’ reati serji bħalma huma l-assassinji, l-assillamenti u vjolenza oħra;
2. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi Russi jwettqu dmirijiethom b’mod effettiv, imparzjali u indipendenti ħalli jġibu lill-perpetraturi quddiem il-ħaqq; jistiednu lill-awtoritajiet Russi jiżguraw li jkun osservat is-smigħ xieraq fil-prosekuzzjoni tal-imputati kollha fis-sistema ġudizzjarja tal-pajjiż; iħeġġeġ lir-Russja twettaq rieżami fil-fond tal-leġiżlazzjoni domestika u tar-regoli ta’ prattika legali;
3. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji Russi jġibu quddiem il-ħaqq li dawk responsabbli mill-assillament u l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti, avukati u difensuri tal-jeddijiet tal-bniedem u li jżommu lill-awtoritajiet politikament responsabbli għal kull nuqqas li jħarsu u jiggarantixxu l-integrità fiżika tagħhom skont l-istrumenti internazzjonali u reġjonali relevanti ta’ jeddijiet tal-bniedem;
4. Jiddenunzja l-verdett ta' ħtija mogħti lil Mikhail Khordorkovsky u sieħbu fin-negozju Platon Lebedev għal tbagħbis mill-qorti ta’ Moska tad-distrett ta’ Khamovnichesky fit-30 ta’ Diċembru bħala politikament motivat; jikkundanna bil-qawwa l-interferenza politika fil-proċess; jiddeplora l-multitudni ta’ vizzji fil-proċedimenti ġudizzjarji u jikkundanna l-pressjoni u t-theddid ripetuti fuq xhieda mill-Prosekuzzjoni;
5. Iqis li bl-inosservanza tal-istat ta’ dritt, it-tieni verdetti ta’ ħtija tas-Sur Khodorkovsky u s-Sur Lebedev sa mill-2005 jiswew ta’ daqqa ta’ ħarta f’saħħitha lill-osservanza tal-istat tad-dritt u jrendu bla ebda sinifikat l-istqarrijiet u l-aġenda ta' modernizzazzjoni tal-President tar-Russja, is-Sur Dimitry Medvedev;
6. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-President Medvedev li jitlob lill-esperti legali fil-qafas tal-Kunsill Presidenzjali tal-Jeddijiet tal-Bniedem jiflu l-każ ta' Khodorkovsky/Lebedev u Sergey Magnitsky;
7. Ifisser tħassib dwar l-irregolaritajiet proċedurali u l-interferenza politika li ġew irrapportati li tqanqlu fir-rigward tal-każ ta’ Igor Vladimirovic Izmestiev u jħeġġeġ lill-Ombudsman tal-Federazzjoni Russa jiftaħ mill-ġdid il-fajls ħalli jibda r-rieżami tal-prosekuzzjoni, il-proċess u l-issentenzjar;
8. Iħeġġeġ lill-Ombudsman tal-Federazzjoni Russa jikkummissjona rieżami tal-akkużi u l-proċedimenti li għaddejin bħalissa fil-qorti taċ-ċirkolu Nru 363 tad-distrett ta’ Khamovniki ta’ Moska, kontra r-Rebbieħ tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb tal-2009, is-Sur Oleg Orlov, il-President tal-Human Rights Center Memorial, li hu mixli ta’ kalunnja kontra l-president Ċeċen Ramzan Kadyrov wara li qal li jżomm lis-Sur Kadyrov responsabbli mill-ħtif u l-qtil ta’ membru ewlieni tal-Memorial fiċ-Ċeċnja, is-Sa Natalia Estemirova fil-15 ta’ Lulju 2009 fi Grozny; ifakkar li għadha ma saret l-ebda investigazzjoni effettiva tal-assassinju msemmi; filwaqt li s-Sur Oleg Orlov qed jissogra tliet snin ħabs;
9. Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill, fl-assenza ta’ mossi pożittivi mill-awtoritajiet Russi li jibdew jikkoperaw u jinvestigaw il-każ ta’ Sergey Magnitsky, li jinsisti li l-awtoritajiet Russi jipproċedu kontra min hu responsabbli u jqis l-impożizzjoni ta’ projbizzjoni tad-dħul fl-UE ta’ uffiċjali Russi involuti f’dan il-każ, u jħeġġeġ l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-UE jikkoperaw fl-iffriżar tal-kontijiet tal-bank u l-assi l-oħra ta’ dawn l-uffiċjali Russi fil-Pajjiżi Membri kollha tal-UE;
10. Jikkundanna l-assillament ġudizzjarju tad-dimostranti leġittimi tal-hekk-imsejħa Strateġija 31 – dimostrazzjonijiet li saru b’appoġġ għall-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni Russa li tiggarantixxi l-libertà tal-assemblea fir-Russja; jiddenunzja s-sentenzi kollha imposti fuq id-dimostranti f’dak li għandu x’jaqsam, b’mod partikolari, għal dik ta’ 15-il ġurnata mogħtija lill-eks Deputat Prim Ministru, is-Sur Borys Nemtsov, minħabba li ħa sehem fid-dimostrazzjoni ta’ Diċmebru tal-Istrateġija 31 f’Moska;
11. Iħeġġeġ lill-Kunsull jimplimenta kompletament l-imsemmija riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, Id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2009, u l-politika tal-UE fuq il-materja, tal-21 ta' Ottubru 2010; jistieden lill-Kunsill mingħajr dewmien jippreżenta pjan lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-Paragrafu 120 ta’ dan ir-rapport u jinforma regolarment lill-Parlament dwar il-progress fl-implimentazzjoni;
12. Jikkundanna l-użu u l-abbuż mifrux mill-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-liġi Russa dwar it-taqbida kontra l-attività estremista, li hija vaga, u tal-Artikolu 280 'Appelli Pubbliċi għal Bidla bl-Użu tal-Forza tas-Sistema Kostituzzjonali tal-Federazzjoni Russa', l-Artikolu 281 'Sabotaġġ' u l-Artikolu 282 'Inċitament għall-Għedwa Nazzjonali, Razzjali jew Reliġjuża, tal-Kodiċi Kriminali Russu b’mod partikolari;
13. Jikkundanna t-12-il każ kriminali li għaddejin bħalissa kontra x-Xhieda ta’ Ġeħova; jiddenunzja b’mod partikolari l-każ kontra s-Sur Aleksandr Kalistratov, President tal-Organizzazzjoni Reliġjuża Lokali Gorno-Altaysk, għad-distribuzzjoni ta’ letteratura reliġjuża, skont l-Artikolu 282(1) tal-Kodiċi Kriminali Russu, li jinkludi l-inċitament għall-mibegħda jew l-għedwa u d-denigrazzjoni tad-dinjità umana; inoltre jiddenunzja x-xiljiet jixtiebhu kontra Mikhail u Larisa Cheprunov,
14. Iħeġġeġ lill-Ombudsman ta’ Ingushetia jinvestiga b’mod effettiv l-għajbien ta’ Zalina Idrisovna Elkhoroeva u tas-Sur Israil Torshkhoev fix-xhur li għaddew kif ukoll it-tortura matul id-detenzjoni illegali ta’ Adam Khamkhoiev, f’Ingushetia;
15. Jitlob lir-Russja li jsir ħaqq minn dawk responsabbli mill-għajbien sfurzat jew il-qtil ekstraġudizzjarju ta’ Ali Dzhaniev, Yusup Dobriev, Yunus Dobriev u Magomed Adzhiev li ilu mhux magħruf min huma sa mit-28 ta’ Diċembru 2009 f’San Pietruburgu, u Zelimkhan Akhmetovich Chibiev, Magomed Khaybulaevich Israpilov, Dzhamal Ziyanidovich Magomedov, Akil Dzhavatkhanovich Abdullaev u Dovar Nazimovich Asadov, li ilu mhux magħruf min huma sa mil-lejl tal-24-25 ta’ Settembru; similment jitlob lir-Russja li jsir ħaqq minn dawk responsabbli għat-theddid pubbliku espress kontra d-difensur tal-jeddijiet tal-bniedem minn Ingushetia, Magomed Mutsolgov, u l-assalt sever kontra d-difensur tal-jeddijiet tal-bniedem Dagestani Sapiyat Magomedova;
16. Jitlob lir-Russja li jsir ħaqq minn dawk responsabbli mid-detenzjoni illegali u t-tortura ta’ Islam Umarpashaev, Ċeċen ta’ 24 sena, li ġie detenut illegalment mill-11 ta’ Diċembru 2009 sat-2 ta’ April 2010;
17. Jisħaq li għandhom isiru investigazzjoni sħiħa u inkjesta li tiżgura li jkun hemm ir-responsabilità politika għall-assedju ta’ Beslan tal-1 ta’ Marzu 2004; jinsisti dwar il-ħtieġa li jingħataw lura l-jeddijiet tal-vittmi u l-familji tal-vittmi, u li jingħatalhom kumpens adegwat;
18. Jitlob lill-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet ġudizzjarji Russi jimplimentaw kompletament id-deċiżjonijiet kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u jipproteġu lil min jilmenta kontra l-assillament u t-theddid; jiħsaq li għandha ssir investigazzjoni indipendenti u kif imiss fil-każijiet li fihom il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis li l-investigazzjonijiet li saru qabel ma kinux adegwati; jappoġġja bis-saħħa r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta’ Dick Marty dwar ‘Ir-rimedji legali għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kawkasu ta’ Fuq’ tal-4 ta’ Ġunju 2010;
19. Jiddeplora d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Russi li ma jħallux lill-korrispondent tal-Guardian Luke Harding jidħol meta mar lura Moska fil-5 ta’ Frar wara żjara fir-Renju Unit, u li jqegħduh fuq titjira lura lejn Londra minkejja l-fatt li kellu l-akkreditament u l-viża meħtieġa;
20. Iħeġġeġ lir-Russja tirratifika l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha minn Għajbien Impost tan-NU u jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-ġurisdizzjoni universali ħalli tkun żgurata r-responsabilità politika għal vjolazzjonijiet gravi tad-Dritt tal-Jeddijiet tal-Bniedem;
21. Itenni s-sejħa tiegħu għall-intensifikazzjoni tal-konsultazzjoni bejn l-UE u r-Russja dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem, sabiex din issir aktar effettiva u orjentata lejn ir-riżultati bil-parteċipazzjoni tal-Ministeri Russi tal-Ġustizzja u tal-Intern u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fi Brussell u Moska u bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament Ewropew fil-livelli kollha;
22. Huwa tal-fehma li l-pjan ta’ ħidma tal-Partenarjat għall-Modernizzazzjoni fih passi pożittivi fil-qasam tal-istat tad-Dritt bħala l-qafas għal sistem tal-appell għall-każijiet kriminali u ċivili, jisħaq il-ħtieġa li l-pjan ta’ ħidma jiġi żviluppat u elaborat aktar fil-qasam tal-jeddijiet tal-bniedem, l-istat tad-Dritt u t-taqbida kontra l-korruzzjoni;
23. Jisħaq li l-istat tad-Dritt għandu jkun fil-qafas tal-partenarjat komprensiv ġdid u l-ftehim ta’ koperazzjoni mal-Federazzjoni Russa, f’dak li għandu x’jaqsam, b’mod partikolari, mal-inklużjoni ta’ klawsola operattiva dwar il-jeddijiet tal-bniedem;
24. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jiffinalizzaw politika koerenti u konsistenti dwar il-jeddijiet tal-bniedem lejn ir-Russja msejsa fuq ir-rispett reċiproku tal-istat tad-Dritt, id-demokrazija u l-jeddijiet tal-bniedem;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.