Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0197/2011/REV1Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0197/2011/REV1

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Mawritanja

16.3.2011

imressqa wara l-mistoqsijiet b’talba għal tweġiba orali B7‑000018/2011 u B7‑000038/2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

João Ferreira f’isem il-grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0193/2011

Proċedura : 2011/2586(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0197/2011
Testi mressqa :
B7-0197/2011
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0197/2011/rev

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Mawritanja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd iridu jkunu bbażati fuq l-ilħuq ta’ objettivi ekonomiċi u soċjali f’oqsma relatati mas-sajd permezz ta’ kooperazzjoni xjentifika u teknika mill-qrib, u kundizzjonijiet li jsalvagwardjaw l-l-isfruttar sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut,

 

B.   billi l-kooperazzjoni trid tkun ibbażata fuq l-interess komuni u tieħu s-sura ta’ inizjattivi u miżuri li, kemm jekk jittieħdu b’mod konġunt u kemm jekk jittieħdu separatament, ikunu kumplementari u jiżguraw politiki konsistenti,

 

C.  billi s-settur tas-sajd u l-industriji relatati jwettqu rwol importanti fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku kemm tal-pajjiżi terzi u kemm tal-Istati Membri,

 

D.  billi s-settur tas-sajd huwa estremament importanti għall-ekonomija tal-Mawritanja, fejn jirrappreżenta 10% tal-PGD tal-pajjiż u bejn 35% u 50% tal-esportazzjonijiet tagħha, kif ukoll jikkontribwixxi 29% tad-dħul tal-baġit nazzjonal,

 

E.   billi s-settur tas-sajd fil-Mawritanja jiġġenera madwar 45 000 impjieg, direttament u indirettament, u jgħoddu madwar 36% tar-rata tal-impjiegi totali tal-pajjiż, fejn 31% minn dawn l-impjiegi huma r-riżultat ta’ sajd artiġjanali u 12% ta’ sajd industrijali,

 

F.   billi l-UE ilu jkollha ftehimiet dwar is-sajd mal-Mawritanja sa mill-1987 u mill-1996 ’il quddiem, taħt il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni, dawn il-ftehimiet ħadu dimensjoni sinifikanti ta’ kooperazzjoni, inklużi objettivi speċifiċi fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd fil-Mawritanja,

 

G.  billi mil-lat finanzjarju l-Ftehim dwar is-Sajd bejn l-UE u l-Mawritanja huwa l-aktar wieħed importanti minn fost il-ftehimiet dwar is-sajd kollha li huma ffirmati mill-UE,

 

H.  billi d-diversi linji ta’ appoġġ previsti fid-diversi ftehimiet dwar is-sajd bejn l-UE u l-Mawritanja ġew implimentati b’mod inadegwat ħafna,

 

I.    billi, apparti l-port ta’ Nouadhibou, fit-tramuntana tal-pajjiż, m’hemm l-anqas port wieħed tas-sajd fi ’l fuq minn 700 km ta’ linja tal-kosta Atlantika,

 

J.    billi, minħabba l-iżvilupp skars tas-settur tas-sajd fil-Mawritanja, il-pajjiż huwa mċaħħad mill-valur miżjud li kien jottjena kieku kien qed jisfrutta r-riżorsi tas-sajd tiegħu hu stess (inklużi l-ipproċessar u l-bejgħ tal-ħut),

 

K.  billi l-iżgurar tal-iżvilupp tas-settur tas-sajd ikun jirriżulta fi żvilupp ekonomiku u soċjali għall-Mawritanja, billi joħloq aktar impjiegi, awtonomija, sovranità u indipendenza,

 

L.   billi l-Kummissjoni għadha ma ressqitx l-evalwazzjoni ex-post tal-ftehim dwar is-sajd mal-Mawritanja,

 

M.  billi n-nuqqas ta’ mezzi għat-twettiq tal-monitoraġġ u s-sorveljanza fuq il-baħar jagħmilha aktar probabbli li r-riżorsi tas-sajd se jiġu sfruttati ż-żejjed u li l-bijodiversità se tonqos,

 

1.   Jiddeplora l-fatt li parti sinifikanti mill-objettivi tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd (FSS) ma ntlaħqux; hu tal-fehma li l-progress inadegwat li sar lejn dawn l-objettivi, b’mod partikolari fil-qasam tal-kooperazzjoni xjentifika u teknika, fissret li l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd fil-Mawritanja ma kienx possibbli;

 

2.   Jagħraf il-fatt li l-linji ta’ appoġġ għas-settur tas-sajd tal-Mawritanja li se jissemmew hawn taħt ma ġewx implimentati b’mod sodisfaċenti: il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp tal-industrija tradizzjonali ta’ skala żgħira tas-sajd ta’ mal-kosta u tal-industriji relatati mas-sajd; l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-portijiet u kundizzjonijiet aħjar għall-ħatt tal-qabdiet; l-iżvilupp ta’ proġetti tal-akkwakultura; monitoraġġ u sorveljanza fuq il-baħar imtejba;

 

3.   Iqis li hu meħtieġ li titwettaq evalwazzjoni komprensiva u dettaljata tar-raġunijiet għala ma ntlaħqux b'mod adegwat l-objettivi spjegati fil-FSS, b’mod partikolari fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u d-diversi linji ta’ appoġġ għas-settur tas-sajd fil-Mawritanja; jenfasizza li din l-evalwazzjoni trid tinvolvi l-awtoritajiet tal-Mawritanja;

 

4.   Jemmen li l-UE għandha tappoġġja l-kostruzzjoni l-aktar rapida possibbli ta' faċilitajiet adegwati biex il-ħut jittella’ l-art matul il-linja tal-kosta ċentrali u tan-nofsinhar tal-Mawritanja, ħalli l-ħut li jkun inqabad fl-ilmijiet tal-Mawritanja jkun jista’ jittella’ l-art f'portijiet nazzjonali u mhux barra l-pajjiż, kif spiss jiġri;

 

5.   Hu tal-fehma li, minbarra li jistimula l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż, l-iżviluppar tas-settur tas-sajd fil-Mawritanja (inklużi l-qabdiet, l-ipproċessar u l-ikkummerċjar) jista' joffri benefiċċji importanti f'dawk li huma l-kwalità u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel, filwaqt li jżid l-aptit tal-poplu lokali li jiekol il-ħut bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd;

 

6.   Jirrimarka li l-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd b’mod ġenerali spiss spiċċaw biex saru sempliċement trasferiment ta’ approprjazzjonijiet lil terzi pajjiżi bi skambju għad-dritt li jisfruttaw ir-riżorsi tas-sajd tagħhom, f’dan il-każ il-FSS mal-Mawritanja huwa eżempju tajjeb ta’ dan; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din il-viżjoni restrittiva tal-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd tmur kontra l-ispirtu tagħhom u kontra l-objettivi espliċiti tagħhom;

 

7.   Jenfasizza li, fil-futur medju, il-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd għandhom jippromwovu l-isfruttament sostenibbli min-naħa tal-pajjiż terz tar-riżorsi tiegħu stess, kemm għall-konsum intern u kemm għall-esportazzjoni, u b’hekk ikun jista’ jgawdi mill-ġid li jiġi prodott, li se jibqa' fil-pajjiż;

 

8.   Hu tal-fehma li l-isfruttament tar-riżorsi ta’ pajjiż terz minn sidien ta’ bastimenti barranin, inklużi dawk mill-UE, għandu jiġi ristrett għal riżorsi li mhumiex użati mill-popolazzjoni tal-pajjiż innifsu;

 

9.   Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa vitali li tiġi salvagwardjata l-konservazzjoni, fuq perjodu medju u fit-tul, tal-ekosistemi tal-baħar; jitlob li l-kooperazzjoni mal-Mawritanja tiġi msaħħa b’mod sinifikanti f’dan il-qasam ukoll;

 

10. Jirrakkomanda l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ indikaturi adattati li se jagħmluha possibbli li jiġi mmoniterjat l-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd waqt li jkunu fis-seħħ; jenfasizza li dan l-immoniterjar għandu jwassal għall-adozzjoni effettiva ta' proċeduri korrettivi, li għandhom jiġu kkoordinati mal-pajjiż terz, fejn ikunu instabu diverġenzi mill-objettivi ddikjarati;

 

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq l-evalwazzjoni ex-post tal-FSS bejn l-UE u l-Mawritanja, u tal-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd l-oħra, mingħajr dewmien;

 

12. Jemmen li l-ftehimiet tas-sajd bejn l-UE u pajjiżi terzi għandhom jiġu preċeduti minn dibattitu wiesa’ li se jippermetti l-parteċipazzjoni effikaċi tal-pubbliku u tal-organizzazzjonijiet soċjali fid-diversi pajjiżi u jinvolvi kemm lill-parlamenti nazzjonali u kemm lill-Parlament Ewropew, u b’hekk jiġi ggarantit li n-negozjati fi ħdan il-qafas operattiv tal-istituzzjonijiet ta’ kull wieħed mill-pajjiżi jkunu demokratiċi u trasparenti;

 

13. Jenfasizza d-dritt li għandhom il-pajjiżi li jagħtu prijorità lill-iżvilupp tas-settur u tas-suq tas-sajd tagħhom, billi jintaxxaw il-prodotti impurtati, jimponu kriterji minimi tal-kwalità u kriterji tekniċi u jikkumbattu d-dumping;

 

14. Jappoġġja l-istabbiliment ta’ rabtiet ekonomiċi aktar ġusti u aktar ekwi li jappoġġjaw il-ġlieda kontra l-inġustizzja profonda u l-inugwaljanzi soċjali, il-ġuħ, il-mard u l-faqar;

 

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern tal-Mawritanja.