Proċedura : 2011/2599(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0228/2011

Testi mressqa :

B7-0228/2011

Dibattiti :

PV 06/04/2011 - 14
CRE 06/04/2011 - 14

Votazzjonijiet :

PV 07/04/2011 - 6.4
CRE 07/04/2011 - 6.4

Testi adottati :

P7_TA(2011)0149

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 136kWORD 84k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0228/2011
30.3.2011
PE459.761v01-00
 
B7-0228/2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar dikjarazzjonijet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati


Nirj Deva, Jan Zahradil f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati  
B7‑0228/2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra li fl-1971 in-NU għarfu li l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) huma 'l-iktar parti fqira u dgħajfa' tal-komunità internazzjonali,

–   wara li kkunsidra l-kriterji stabbiliti mill-Kumitat tan-NU għall-Politika tal-Iżvilupp (CDP) biex jidentifikaw l-LDCs,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tal-Laqgħa ta' Livell Għoli tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDG), f'Settembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni ta' Brussell (BPoA) għal-LDCs addottat fit-tielet Konferenza tan-NU dwar l-LDCs, fi Brussell, f'Mejju 2001,

–   - wara li kkunsidra li l-għan ġenerali tal-Programm ta' 10 snin hu li jnaqqas sewwa il-faqar estrem u l-ġuħ bis-saħħa ta' interventi speċifiċi f’oqsma marbutin flimkien,

–   - wara li kkunsidra d-deċiżjoni meħuda fl-2008 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU biex tissejjaħ ir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-LDCs (LDC-IV),

–   - wara li kkunsidra li l-laqgħa LDC-IV se tivvaluta r-riżultati tal-BPoA, hekk kif dan jasal fi tmiemu, fejn se jipproponi azzjonijiet ġodda li se jkunu qed jindirizzaw sfidi ġodda għall-iżvilupp li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-LDCs, inklużi it-tibdil fil-klima, l-ikel, l-enerġija u l-kriżi ekonomika u finanzjarja,

–   - wara li kkunsidra li fir-IV-LDC se jkunu diskussi l-prattiki tajbin u t-tagħlimiet, se jkunu identifikati l-ostakoli u r-restrizzjonijiet u l-passi li hemm bżonn jittieħdu, se jkunu identifikati l-isfidi l-ġodda għal-LDCs u l-passi meħtieġa; se jkun affermat mill-ġdid l-impenn dinji li jindirizza l-ħtiġijiet speċjali tal-LDCs; se jkunu introdotti miżuri ta' għajnuna internazzjonali addizzjonali; se tkun ifformulata u addottata sħubija mġedda,

–   - wara li kkunsidra l-proċess preparatorju kontinwu għar-IV-LDC fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali,

–   - wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) A/RES/63/227, A/RES/64/213 u A/C.2/65/L.55 dwar l-LDCs,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (ECOSOC) dwar l-Implimentazzjoni tal-Programm ta' azzjoni għal-LDCs 2001-2010 (E/2009/31),

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-SĠ tan-NU dwar l-Implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni għal-LDCs għad-Deċenju 2001-2010 (A/65/80),

–   - wara li kkunsidra l-ħidma li qed issir mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Ogħla Rappreżentanza għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati, il-Pajjiżi li qed Jiżviluppaw li m'Għandhomx Aċċess Dirett għall-Baħar, u Stati ta' Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw (UN-OHRLLS), sa mill-2020,

 

–   - wara li kkunsidra l-Programm ta’ Almaty għall-Pajjiżi li qed Jiżviluppaw li m'Għandhomx Aċċess Dirett għall-Baħar, il-Programm ta’ Barbados u l-Istrateġija tal-Mawrizju għall-Istati ta' Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw,

–   - wara li kkunsidra r-rapporti tal-Grupp ta' Persuni Eminenti tan-NU għar-IV Konferenza tan-NU dwar l-LDCs,

–   - wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-UE "Kollox ħlief l-Armi"

–   - wara li kkunsidra r-Reġim tar-Regoli tal-Oriġini tas-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati tal-UE (UE-SPĠ), tal-1 ta' Jannar 2011,

–   - wara li kkunsidra l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi,

–   - wara li kkunsidra l-Infurzar tal-Liġi Forestali fuq il-Governanza u l-Kummerċ,

–   - wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-KE dwar il-Pożizzjoni tal-UE rigward ir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-LDCs, mid-9 sat-13 ta' Mejju 2011, u s-16 ta' Frar 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi t-48 LDC huma l-iktar pajjiżi foqra u vulnerabbli fil-komunità internazzjonali,

B.  billi mill-1981 il-komunità internazzjonali stabbilixxiet tliet Programmi ta' Azzjoni, biex jorganizzaw l-appoġġ globali għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-LDCs,

C. billi r-LDC-IV li għandha ssir f'Istanbul, it-Turkija, mid-9 sat-13 ta' Mejju 2011, se tagħmel evalwazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni tal-BPoA, u se taddotta Programm Ġdid ta' Azzjoni li għandu jibda jħalli r-riżultati bejn l-2011-2020,

D. billi r-LDC-IV se tidentifika politiki u sfidi li l-LDCs se jħabbtu wiċċhom magħhom fid-deċenju li ġej, u se tafferma mill-ġdid l-impenn dinji għall-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-LDCs,

E.  billi hemm bżonn li jiġu organizzati miżuri ta' għajnuna internazzjonali addizzjonali li tiffavorixxi l-LDCs u li tkun ifformulata sħubija ġdida bejn l-LDCs u ls-sieħba fl-iżvilupp,

F.  billi l-medja tal-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tela' biss minn 0,34 għal 0,39 bejn l-2000 u l-2010 u l-medja tal-LDCs jinsabu biss fuq l-iskala 2 mis-7 indikaturi tal-MDGs, il-faqar, in-nutrizzjoni, l-edukazzjoni, ir-rata ta' mortalità tat-tfal taħt il-ħames snin, il-mortalità tat-trabi, l-ilma tax-xorb u s-sanità,

G. billi l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (l-ODA) żdiedet sew, l-għajnuna mogħtija għadha lura ħafna mill-mira stabbilita mill-BPoA, u l-maġġoranza tal-LDCs għadhom qed iħabbtu wiċċhom mal-faqar estrem, man-nuqqas ta' infrastrutturi, man-nuqqas ta' kapaċità produttiva u man-numru dejjem jikber ta' nies qiegħda,

H. billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-kriżi fis-sigurtà alimentari, is-swieq tal-komoditajiet, il-kriżi fl-enerġija, taw prova tal-vulnerabbiltà estrema tal-LDCs għax-xokkijiet minn barra, u d-dgħufija tal-miżuri tal-appoġġ internazzjonali,

I.   billi matul id-deċenju tliet pajjiżi biss, il-Botswana, il-Kap Verde u il-Maldive ma baqgħux fost l-LDCs,

J.   billi l-proċess preparatorju kontinwu tar-LDC-IV jinkludi medda wiesgħa ta' persuni interessati u wkoll mekkaniżmu konsultattiv, li jinvolvi konsultazzjonijiet nazzjonali u reġjonali, il-parlamenti, is-soċjetà ċivili u s-settur privat,

K. billi t-triq parlamentari għar-LDC-IV se tilħaq il-quċċata tagħha bil-Forum Parlamentari fit-8 ta' Mejju 2011, ġewwa Istanbul,

L.  billi l-UE, bħala l-akbar donatur, żiedet l-ODA bi 78%, minn EUR 8.3 biljuni fl-2000 għal EUR 14,7 fl-2009,

M. billi l-UE teħtieġ torganizza r-riżorsi u tgħin fl-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni l-ġdid ,

N. billi l-UE teħtieġ issegwi pożizzjoni komuni effikaċi għar-LDC-IV,

O. billi l-UE m'għandhiex tħalli li l-kriżi kontinwa ekonomika u finanzjarja tikkomprometti s-sħubija ta' żvilupp mal-LDCs,

1.  Jenfasizza li l-għajnuna tal-UE lill-LDCs għandha tkun orjentata primarjament lejn il-ħolqien tal-għana u l-iżvilupp tal-ekonomija tas-suq, li huma l-prerekwiżiti bażiċi biex jinqered il-faqar;

2.  Iħeġġeġ lill-UE tkompli tmexxi l-appoġġ għal-LDCs, billi tirrealizza l-impenji li ħadet għal dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess tas-suq u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, it-tnaqqis tad-dejn, l-affermazzjoni mill-ġdid tal-importanza li tilħaq l-mira li żżidd il-perċentwal tal-ODA għal-LDCs minn 0,15 sa 0,20% tad-Dħul Nazzjonali Gross (DNG), billi timmobilizza, għal dan il-għan, ir-riżorsi domestiċi waqt li żżid sew l-effiċjenza u t-trasparenza ta' dawn il-fondi;

3.  Jenfasizza r-rwol tal-Parlament Ewropew u r-rwol deċiżiv tiegħu fl-approvazzjoni tal-baġit tal-UE għall-iżvilupp; huwa għalhekk konvint li l-Parlament Ewropew għandu jkun involut aktar mill-qrib fit-tħejjija tal-istrateġija tal-UE għall-iżvilupp; huwa essenzjali wkoll li jkun hemm mekkaniżmu li bih wieħed ikun jista' jirrapporta lura;

4.  Jitlob biex tingħata prijorità lit-tkabbir ekonomiku bħala element ewlieni għall-iżvilupp u għat-tnaqqis tal-faqar ġenerali fil-pajjiżi LDC;

5.  Jitlob għal tnaqqis fl-ostakoli tal-kummerċ u fis-sussidji li jikkawżaw distorsjoni tal-kummerċ, sabiex jiżdied is-sehem tal-LDCs fil-kummerċ dinji. L-abolizzjoni tas-sussidji tal-esportazzjonijiet agrikoli, kif maqbula fin-negozjati taċ-Ċiklu ta' Doha għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), għandha tkun implimentata mill-aktar fis;

6.  Iqis li r-LDC-IV għandha tkun orjentata għall-kisba ta’ riżultati, b'miri u ndikaturi ċari, abbażi ta' monitoraġġ effiċjenti u trasparenti u b'mekkaniżmi ta' segwitu;

7.  JIsħaq fuq il-ħtieġa li ssir enfasi fuq il-ħruġ mill-kategorija LDC, u biex jintuża dak li ħareġ mis-summit dwar l-MDGs ta' Settembru 2010 bħala qafas li jaċċellera l-qrid tal-faqar, joħloq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv, il-governanza xierqa, u l-bini tal-kapaċità;

8.  Iħeġġeġ lill-UE biex ikollha metodu kkoordinat aħjar sabiex tindirizza u tipprevjeni għerq il-kawża tal-konflitti fl-LDCs, u tappoġġa l-isforzi biex jinkisbu l-kapaċitajiet għall-bini ta' stati paċifiċi u demokratiċi;

9.  Iħeġġeġ lill-G20 ikompli jindirizza bħala prijorità l-politiki dwar il-volatilità fil-prezzijiet tal-ikel u dwar is-sigurtà alimentari, u biex jikkontribwixxi biex jiftaħ iktar l-aċċess għas-swieq għal-LDCs;

10. Jitlob li jkun hemm żieda fil-ħila tal-LDCs biex jiffaċċjaw it-tibdil fil-klima, waqt li jinkoraġġixxi t-trasferiment tat-teknoloġiji, u t-tisħiħ tal-azzjoni skont il-Qafas tal-Adattament ta’ Cancun, kif ukoll ukoll politiki sostenibbli ambjentali skont il-Ftehim ta' Kopenħagen;

11. Iħeġġeġ lill-UE u s-sħab LDC tagħha jtejbu l-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni abbażi tal-governanza xierqa, tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ugwaljanza;

12. Iqis li hu meħtieġ li lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jingħatalhom kontribut b'sistemi aktar effiċjenti tat-taxxa, u governanza tajba fejn tidħol it-taxxa; jemmen li l-assistenza tal-UE għar-riforma fiskali għandha timxi lejn l-investigazzjoni ta' kif l-LDCs jistgħu jwessgħu l-bażi fiskali u l-fluss tad-dħul fiskali;

13. Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb l-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp, skont id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi u l-Aġenda ta’ Accra;

14. Filwaqt li jqis id-disposizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona u d-deċiżjoni approvata mill-Kunsill f'Mejju 2005, jitlob għall-ħtieġa li tkun segwita politika koerenti li tinkludi l-oqsma tal-kummerċ u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, it-tibdil fil-klima, it-trasport, l-enerġija, is-sigurtà alimentari, il-migrazzjonijiet kif ukoll il-politiki tas-sajd u tal-agrikoltura komuni tagħha;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza