Proċedura : 2011/2599(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0230/2011

Testi mressqa :

B7-0230/2011

Dibattiti :

PV 06/04/2011 - 14
CRE 06/04/2011 - 14

Votazzjonijiet :

PV 07/04/2011 - 6.4
CRE 07/04/2011 - 6.4

Testi adottati :

P7_TA(2011)0149

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 135kWORD 77k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0228/2011
30.3.2011
PE459.765v01-00
 
B7-0230/2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar dikjarazzjonijet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDC - IV)


Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDC - IV)  
B7‑0230/2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-erba' Deċennji tal-Iżvilupp tan-NU ddedikati għal: it-tkabbir ekonomiku u l-progress soċjali li jsostnu lilhom infushom (1961-1970), it-tnaqqis tal-qabża bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw (1970-1980), l-istabbiliment ta' ordni ekonomiku internazzjonali ġdid ibbażat fu il-ġustizzja (1980-1990), l-implimentazzjoni ta' sett koerenti ta' miżuri ta' politika interrelatati, konkreti u effikaċi fis-setturi kollha tal-iżvilupp u prijoritajiet ġodda għall-aċċelerazzjoni tat-tkabbir ekonomiku, it-tnaqqis tal-faqar estrem, it-titjib tas-sistema finanzjarja u kummerċjali internazzjonali, l-istabbiliment ta' ġestjoni makroekonomika soda, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp u sforz speċjali għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) (1990-2000),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986,

–   wara li kkunsidra l-Għanijiet tal-Millenju tal-Iżvilupp (MDG, 2000-2015) b'mira li l-faqar jitnaqqas b'nofs sal-2015,

–   wara li kkunsidra l-konferenzi preċedenti tan-NU dwar l-LDCs,

–   wara li kkunsidra l-konferenza tan-NU LDC-IV f'Istanbul, it-Turkija, mid-9 sat-13 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi 48 pajjiż bħalissa huma kklassifikati bħala LDCs, li minnhom 33 jinsabu fl-Afrika, 14 fl-Ażja u 1 fl-Amerika Latina; 16-il pajjiż minnhom huma m'għandhomx kosta u 12 huma gżejjer żgħar;

B.  billi l-għadd tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati kiber mindu n-NU stabbiliet din il-kategorija fl-1971, minn 25 għal 49 fl-2011, u 3 pajjiżi biss iggradwaw minnha; il-Botswana fl-1994, il-Kap Verde fl-2007 u l-Maldive f'Jannar 2011,

C. billi pajjiżi Afrikani għonja biż-żejt u l-minerali wkoll huma kklassifikati bħala Pajjiżi l-Anqas Żviluppati,

D. billi fil-konferenzi preċedenti dwar l-LDCs, pajjiżi membri tan-NU kkommettew irwieħhom li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-konferenzi, imma dan qatt ma wettquh; billi r-rakkomandazzjonijiet tal-konferenza tan-NU dwar l-LDCs jistgħu jitwettqu biss jekk jiġu ttrattati kwestjonijiet kruċjali sottostanti għal-LDCs, bħalma hija l-koerenza tal-politiki bejn il-kummerċ, l-agrikoltura, is-sajd, l-investiment u t-tibdil fil-klima,

E.  billi l-isforzi tal-MDG biex jinqered il-faqar jeħtieġ li jitqiesu bħala parti minn aġenda usa' tal-Konferenza tan-NU,

 

F.  billi l-assenza ta' Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp fil-livell nazzjonali u internazzjonali bejn il-kummeċ, l-investiment, l-agrikoltura u l-ispekulazzjoni fuq il-prezzijiet tal-kommoditajiet kellhom impatt negattiv fuq il-potenzjal tal-LDCs għal żvilupp sostenibli u komplew għarrqu l-faqar f'dawn il-pajjiżi,

G. billi l-qagħda fl-LDCs kompliet sejra għall-agħar minħabba l-kriċi dinjija reċenti marbuta mat-tibdil fil-klima, mal-kriżijiet finanzjarji, tal-ikel u tal-enerġija, flimkien mal-isfidi strutturali eżistenti bħalma huma d-dejn, l-għajnuna kondizzjonali u regoli kummerjċali inġusti,

H. billi l-liberalizzazzjoni finanzjarja, inklużi l-flussi finanzjarji spekulattivi u volatili, li fuqhom l-LDCs ftit li xejn għandhom kontroll, iġġenerat instabilità sinifikanti fuq livell internazzjonali b’impatti diżastrużi fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

I.   billi, minkejja l-fatt li l-agrikoltura tifforma l-bażi ta' bosta mill-ekonomiji tal-LDCs u tirrappreżenta sa 90% tal-ħaddiema, is-sigurta tal-ikel hija mhedda mill-akkwist ta' artijiet agrikoli minn investituri barranin, u d-donaturi għandhom jirrispettaw u jirfdu dawn il-prijoritajiet,

J.   billi kull LDC jeħtieġlu jidentifika prijoritajiet u soluzzjonijiet f'lokhom fil-kuntest nazzjonali tiegħu, abbażi tal-parteċipazzjoni demokratika tal-popolazzjoni fil-proċessi deċiżjonali,

1.  Jemmen li jeħtiġilna nisiltu t-tagħlimiet min-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet ta' konferenzi preċedenti tan-NU dwar l-LDCs, ħaġa li tirrikjedi bidla radikali tal-politika tal-iżvilupp, favur il-ġustizzja soċjali, it-tqassim mill-ġdid tal-għana fi ħdan l-LDCs u fost in-nazzjonijiet bil-għan li jinġiebu 'l quddiem il-koeżjoni soċjali u l-prevenzjoni tal-kunflitti;

2.  Jistieden lill-pajjiżi industrijalizzati b'mod ġenerali u lill-Istati Membri tal-UE b'mod partikolari, li għadhom lura milli jwettqu l-impenn tagħhom ta' mira ta' 0.7% tal-baġit qabel l-2015;

3.  Jemmen li r-IV konferenza tan-NU għandha tiffoka fuq il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp bħala fattur importanti fit-tibdil tal-politiki, fil-livell nazzjonali u f'dak internazzjonali; jitlob għalhekk li l-oqsma kollha tal-politika – bħall-kummerċ, l-ambjent, l-agrikoltrua, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, l-investiment u l-finanzi – għandhom jitfasslu b'tali mod li jirfdu l-ħtiġijiet tal-LDCs għall-iżvilupp sostenibbli, bil-għan li jiġġieldu l-faqar u jiggarantixxu dħul u għajxien deċenti;

4.  Jitlob lill-UE tiżgura li l-PAK tkun konsistenti mal-politika ta' żvilupp sostenibbli tal-LDCs u li jitwaqqfu l-prattiki ta' dumping bħlama huma s-sussidji tal-esportazzjoni minħabba li jimminaw is-sigurtà tal-ikel u s-sistemi tal-agrikoltura sostenibbli fl-LDCs;

5.  Jitlob miżuri regolatorji inkluż il-kontroll tal-prezzijiet li għandhom jiġu implimentati fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali biex jipprevjenu spekulazzjoni eċċessiva fuq il-kommoditajiet, li jkunu pass importanti biex nindirizzaw l-ispekulazzjoni fuq il-kommoditajiet, speċjalment tal-ikel u tal-enerġija;

6.  Jistieden lill-UE u lil pajjiżi żviluppati oħra jneħħu l-ostakoli strutturali, li jżommu lil-LDCs milli jirrealizzaw id-drittijiet fondamentali tagħhom għal żvilupp sostenibbli, billi jirriformaw il-politiki ekonomiċi internazzjonali, inklużi: riforma tad-WTO, regolazzjoni tal-kummerċ internazzjonali, l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu vinkolanti biex jiġġieled il-ħrib illeċitu tal-kapital u l-evażjoni tat-taxxa fl-LDCs; l-implimentazzjoni ta' politika li tiggarantixxi trasparenza sħiħa fit-tranżazzjonijiet finanzjarji internazzjonali;

7.  Huwa tal-fehma li d-dħul mit-taxxa huwa essenzjali biex l-Istati LDC jkunu jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet bażiċi taċ-ċittadini tagħhom u jiddependu anqas mill-għajnuna barranija; iqis li t-trattament tal-aspett tal-iżvilupp relatat mat-tassazzjoni għandu jingħata prijorità permezz tal-implimentazzjoni ta' sistemi tat-taxxa effikaċi u vijabbli biex jiżguraw sors sostenibbli tal-finanzjament meħtieġ għall-iżvilupp;

8.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali għandha timmira li toħloq ambjent internazzjonali li jiffavorixxi t-twettiq tad-drittijiet soċjali u ekonomiċi tal-popli tal-LDCs: sigurtà tal-ikel, ilma, djar u għajxien sostenibbli, kif ukoll aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-edukazzjoni, ħalli joħorġu mill-faqar estrem;

9.  Jitlob l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni tan-NU tal-1986 dwar id-Dritt għal-Iżvilupp li jistipula li "l-Istati għandhom id-dmir li jikkooperaw ma' xulxin biex jiżguraw l-iżvilupp u jeliminaw l-ostakoli għall-iżvilupp (...), jirrealizzaw drittijiethom u jaqdu dmirijiethom b'tali mod li jippromwovu ordni ekonomiku internazzjonali ġdid ibbażat fuq l-ugwaljanza, l-interdependenza u l-interess reċiproku ta' Stati sovrani";

10. Jistieden lill-pajjiżi LDC li krew l-artijiet agrikoli tagħhom lil investituri barranin, askapitu tas-sigurtà tal-ikel lokali, biex jerġgħu jaħsbu l-politika tagħhom u jagħtu lill-popolazzjonijiet tagħhom aċċess żgurat għall-art, l-ilma u r-riżorsi vitali oħra;

11. Iħeġġeġ lin-NU u lill-UE biex, fl-okkażjoni tar-IV konferenza tan-NU dwar l-LDCs, jindirizzaw bis-serjetà l-impatti ħżiena tal-akkwist tal-artijiet agrikoli, bħalma huma l-esproprju tal-bdiewa ż-żgħar u użu mhux sostenibbli tal-art u tal-ilma;

12. Iqis li l-adozzjoni mill-Istati Uniti tal-Amerika tal-liġi l-ġdida dwar "il-Minerali ta' Kunflitt" hija pass enormi 'l quddiem fil-ġlieda kontra l-isfruttament illegali tal-minerali fl-Afrika, li jiffinanzja l-gwerer ċivili u l-kunflitti; huwa tal-fehma li n-NU għandha toħroġ bi proposta simili biex tiżgura t-traċċabbiltà tal-minerali importati fis-suq dinji;

13. Jitlob il-kanċellazzjoni tad-djun tal-pajjiżi LDC, minħabba li huma djun odjużi kuntrattati mid-dittaturi kontra l-interessi tal-popolazzjoni tagħhom, u jinsisti li kwalunkwe maħfra tad-djun m'għandhiex tingħadd bħala għajnuna barranija għall-iżvilupp (ODA);

14. Jitlob li ssir valutazzjoni sistematika tar-riskji klimatiċi f'kull aspett tal-pjanifikazzjoni ta' politika u tad-deċiżjonijiet, inkluż fil-kummerċ, l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel eċċ.; u jitlob li r-riżultat ta' din il-valutazzjoni jintuża għat-tfassil ta' linji gwida ċari għall-politika ta' kooperazzzjoni għall-iżvilupp sostenibbli;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza