Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0236/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0236/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tagħlimiet li għandna nisiltu rigward għas-sikurezza nukleari fl-Ewropa wara l-inċident nukleari fil-Ġappun

4.4.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Corien Wortmann-Kool, Pilar del Castillo Vera, Peter Liese, Herbert Reul, Lena Kolarska-Bobińska, Romana Jordan Cizelj, Jean-Pierre Audy f'isem il-Grupp PPE-DE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0236/2011

Proċedura : 2011/2650(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0236/2011
Testi mressqa :
B7-0236/2011
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0236/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tagħlimiet li għandna nisiltu rigward għas-sikurezza nukleari fl-Ewropa wara l-inċident nukleari fil-Ġappun

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/EURATOM tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Enerġija tat-28 ta’ Frar u l-21 ta' Marzu,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Marzu,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu fl-okkażjoni tal-10 u l-15 anniversarju tad-diżastru nukleari fis-sit ta' Chernobyl,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi t-terremot reċenti, li ħalla eluf ta' vittmi, fil-Grigal tal-Ġappun wassal biex ingħalqu numru ta' reatturi nukleari operattivi fil-Ġappun u billi t-tsunami ta' wara b'mewġ kbir, ogħla minn 10 metri li mhux biss qerdu n-netwerks tal-enerġija eżistenti iżda wkoll is-sistemi ta' provvista ta' riżerva u ta' emerġenza tal-installazzjoni nukleari ta' Fukushima Daiichi; billi n-nuqqas ta' kapaċità ta' tkessiħ ta' wara wasslet għat-tisħin żejjed ta' xi elementi ta' materjal nukleari u għat-tidwib ta' partijiet tal-qalba tar-reattur nukleari; billi sa issa l-IAEA ddeskriviet dawn l-iżviluppi bħala inċident serju (livell 6) fuq l-iskala internazzjonali INES,

B.  billi fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi tenħtieġ kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-istandards għas-sikurezza nukleari fl-Ewropa,

C. billi l-kompożizzjoni tat-taħlita ta’ enerġija fl-UE tibqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri iżda fl-istess ħin is-sikurezza nukleari hija kwistjoni b’interess trasnazzjonali u tista’, għalhekk, tiġi indirizzata b’mod aktar effettiv fi ħdan il-kompetenza regolatorja tal-UE,

D. billi skont il-figuri tal-Kummissjoni l-enerġija nukleari kellha sehem ta’ 13.4% tal-konsum gross tal-enerġija interna fl-2008 bi projezzjoni ta’ żieda għal 15% fl-2030 f’xenarju normali,

E.  billi r-rapport ta’ Mejju 2010 “Project Europe 2030” minn grupp ta’ riflessjoni stabbilit mill-Kunsill Ewropew jenfasizza l-ħtieġa li l-Ewropej jagħtu bidu għal diskussjoni serja dwar il-ħtieġa ta’ enerġija nukleari sikura fl-Ewropa u li l-Ewropa ma tistax tirrinunzja għal dan is-sors ta’ enerġija,

1.  Jilqa’ r-reazzjoni immedjata tal-Kummissjoni rigward l-avvenimenti serji fil-Ġappun billi tat bidu għal valutazzjonijiet mal-Ewropa kollha tar-riskju u tas-sikurezza għall-installazzjonijiet tal-enerġija nukleari, l-“istress tests”, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri; jilqa’ l-appoġġ tal-Kunsill Ewropew għall-valutazzjonijiet tar-riskju u tas-sikurezza komprensivi u trasparenti kif ukoll dwar ir-rieżami tal-qafas għas-sikurezza nukleari;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn il-valutazzjonijiet isiru sa tmiem din is-sena b’mod indipendenti u kkoordinat mill-awtoritajiet kompetenti (jew l-awtoritajiet ta’ sikurezza) għall-iinstallazzjonijiet nukleari kollha eżistenti u ppjanati fl-UE; jenfasizza li l-valutazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq sistema ta’ valutazzjoni iebsa u armonizzata li tkopri kull tip ta’ riskju konċepibbli f’xenarju realistiku Ewropew bħal terremoti, għargħar jew avvenimenti mhux mistennija bħal attakki terroristiċi jew ċibernetiċi jew meta jitfarrak ajruplan; jenfasizza l-importanza tal-involviment sħiħ tal-Grupp ta' Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG) u l-għarfien tal-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Nukleari tal-Ewropa tal-Punent (WENRA) fl-iżvilupp tal-valutazzjonijiet tar-riskju u s-sikurezza;

3.  Jisħaq li għandha tiġi żgurata l-azzjoni immedjata tal-Istat Membru kkonċernat, inkluż s-sospensjoni temporanja tal-attività jew l-għeluq definittiv, f'każ li impjant tal-enerġija nukleari jfalli l-istress test;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li dawn l-istress tests kif ukoll l-istandards ta’ sikurezza, sigurtà u ġestjoni tal-iskart nukleari sussegwenti ma jiġux applikati biss fi ħdan l-UE, iżda għal impjanti tal-enerġija nukleari mibnija jew ippjanati fil-pajjiżi terzi ġirien tal-UE u internazzjonalment; jemmen li l-UE, f’dan ir-rigward, għandha tagħmel użu sħiħ mill-organizzazzjonijiet u l-enitatajiet internazzjonali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal dibattitu fi ħdan l-IAEA bl-objettiv li jiġi stabbilit qafas għas-sikurezza nukleari akbtar iebes internazzjonalment; jistieden lill-Istati Membri b’faċilitajiet tal-enerġija nukleari jinvolvu lill-Istati Membri ġirien fis-superviżjoni tas-sikurezza;

5.  Ifakkar li f’April 2009 l-Parlament Ewropew ivvota favur it-tisħiħ tad-direttiva dwar is-sikurezza nukleari, jiġifieri, billi għamel il-prinċipji ta’ sikurezza tal-IAEA rekwiżit legali aktar milli volontarju; jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri ma kkunsidrawx it-tħassib tal-Parlament Ewropew; jinnota wkoll sal-lum mhux l-Istati Membri kollha ttrasponew id-direttiva riveduta dwar is-sikurezza nukleari fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom; jafferma l-importanza ta’ kooperazzjoni vera dwar id-direttiva dwar il-ġestjoni tal-iskart nukleari u l-fjuwil użat u jistieden lill-Kunsill jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni, sabiex sa tmiem din is-sena, tressaq proposta dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari skont ir-riżultati tal-valutazzjonijiet dwar ir-riskju u s-sikurezza li qegħdin jiġu żviluppati bħalissa, b'kunsiderazzjoni ta' analiżi dettaljata dwar l-inċident nukeari fil-Ġappun, biex tistabbilixxi standards għas-sikurezza nukleari armonizzati ġodda; jitlob li din il-proposta għandha tkun immirata għall-ogħla standards applikabbli u biex tiżgura t-titjib kontinwa tagħhom;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rapporti li skonthom, il-kumpanija li topera l-installazzjoni, infurmat lill-awtoritajiet regolatorji dwar bosta nuqqasijiet ta’ ispezzjoni ftit qabel ma seħħ l-inċident nukleari ta’ Fukushima; jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl ta’ nuqqasijiet regolatorji potenzjali bħal dawn, biex tanalizza l-effettività, il-kompetenza u l-indipendenza tas-superviżjoni regolatorja fl-Ewropa u biex tissuġġerixxi titjib fejn ikun meħtieġ; jitlob lill-Kummissjoni, għal dan l-iskop, teżamina l-possibilitajiet li tistabbilixxi awtorità regolatorja għas-sikurezza nukleari tal-UE fuq il-bażi tal-qafas WENRA bil-kompetenzi meħtieġa biex jiġi żgurat approċċ komuni għas-sikurezza nukleari;

8   Jitlob li jkun hemm approċċ ħolistiku favur kultura ta’ sikurezza, li tinkludi standards ta’ sikurezza, entità regolatorja b’saħħitha u indipendenti, riżorsi finanzjarji u umani xierqa, kif ukoll informazzjoni adegwata għaċ-ċittadini;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni ssostni u tintensifika l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Ewropej għas-sikurezza nukleari;

10. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex testendi l-Programm Qafas tal-Euratom għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ biex ikopri s-snin 2012 u 2013, li jfisser kontribut importanti għat-titjib fil-prestazzjoni tas-sikurezza nukleari u l-ħarsien mir-radjazzjoni;. jitlob għal programm ta’ riċerka ambizzjuż dwar is-sikurezza nukleari u l-ġestjoni tal-iskart fl-MFF li jmiss; jenfasizza li bil-ħsieb ta’ żidiet potenzjali fid-domanda għall-elettriku fil-ġejjieni, l-enerġija mill-fużjoni jista’ jkollha l-potenzjal li tikkontribwixxi kunsiderevolment għall-produzzjoni tal-elettriku u s-sħana; għalhekk, jitlob li l-impenji internazzjonali tal-UE jiġu rispettati għal dan l-iskop;

11. Jitlob għall-użu sħiħ mad-dinja kollha tal-ambitu ġeografiku tal-Istrument għall-Kooperazzjoni għas-Sikurezza Nukleari (NSCI), pereżempju biex jiġu ffinanzjati attivitajiet fil-Ġappun, u kooperazzjoni msaħħa bejn l-NSCI u ċ-Ċentru Siżmiku għas-Sikurezza Internazzjonali tal-IAEA (ISSC);

12. Jenfasizza li l-enerġija nukleari fil-preżent hija indispensabbli biex tiġi żgurata l-provvista ta’ enerġija b’ammont baxx ta’ karbonju fl-Ewropa. jenfasizza l-importanza anki ikbar tal-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli wara l-avvenimenti reċenti; jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Effiċjenza Enerġetika u d-distribuzzjoni ta’ teknoloġiji sostenibbli b’ammont baxx ta’ karbonju bħas-CCS jew il-faħam nadif u s-sorsi rinnovabbli tal-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni u kif ukoll lil ENTSO-E, ENTSO-G u ACER jimmonitorjaw mill-qrib l-iżviluppi possibbli u tiġbed il-konklużjonijiet neċessarji minnhom, speċjalment fir-rigward tar-rekwiżiti tal-iżvilupp tan-netwerk ta’ distribuzzjoni u konsegwenzi oħra;

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa biex jimmodernizzaw u jespandu l-infrastruttura Ewropea tal-enerġija u biex jikkolegaw flimkien in-netwerks bejn il-fruntieri sabiex jiġi evitat il-qtugħ totali tal-elettriku possibbli li jista’ jwassal għal inċidenti devastanti kif ġara reċentement fil-Ġappun;

14. Jenfasizza l-importanza ta' tekonoloġiji għall-ħażna tal-enerġija u netwerks ta' distribuzzjoni intelliġenti sabiex tkun tista’ tinżamm provvista fl-enerġija għall-ġejjieni li wieħed jista’ jorbot fuqha;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-aġenziji, l-entitajiet u n-netwerks tal-UE msemmija f’din ir-riżoluzzjoni.