Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0237/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0237/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-Dikjarazzajoni tal-Kummissjoni – it-tagħlimiet li għandna nisiltu għas-sikurezza nukleari fl-Ewropa wara l-inċident nukleari fil-Ġappun

4.4.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Marita Ulvskog f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0236/2011

Proċedura : 2011/2650(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0237/2011
Testi mressqa :
B7-0237/2011
Testi adottati :

B7‑0237/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-Dikjarazzajoni tal-Kummissjoni – it-tagħlimiet li għandna nisiltu għas-sikurezza nukleari fl-Ewropa wara l-inċident nukleari fil-Ġappun

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/EURATOM tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Parlament Ewropew dwar is-sikurezza nukleari,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-livelli massimi permissibbli ta’ kontaminazzjoni radjoattiva ta’ ikel, tas-16 ta’ Frar 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-problema tas-sikurezza nukleari 15-il sena wara l-inċident ta’ Chernobyl, u l-konsegwenzi tiegħu fuq is-saħħa, tat-3 ta’ Mejju 2001,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Enerġija tat-28 ta’ Frar u tal-21 ta' Marzu,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Marzu,

–   wara li kkunsidra d-diżastru nukleari fl-impjant tal-enerġija nukleari ta' Fukushima Daiichi, fil-Ġappun,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-inċident nukleari fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Fukushima Daiichi, wara t-terremot u t-tsunami sussegwenti li laqtu l-Ġappun fil-11 ta’ Marzu, kellu konsegwenzi vasti, apparti l-aspetti materjali, li kellhom impatt fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, li l-vastità tiegħu għada trid tkun determinata,

B.  billi l-kawża vera tal-falliment tas-sistemi tat-tkessiħ, li wassal għad-diversi sitwazzjonijiet ta’ perikolu fl-impjant tal-enerġija nukleari ta' Fukushima Daiichi, kien il-qtugħ tad-dawl u li l-qtugħ tad-dawl jista’ jseħħ fl-Istati Membri kollha minħabba serje ta’ fatturi,

C. billi minkejja t-tħassib kbir ikkawżat mill-inċident fil-Ġappun, l-enerġija nukleari probabilment se tibqa’ parti mit-taħlita ta' enerġija attwali anke fil-futur, inkluż f’ħafna Stati Membri, u għalhekk l-ogħla livelli disponibbli ta’ sigurtà jridu jkunu żgurati fl-impjanti tal-enerġija kollha sabiex inkunu ppreparati għal sitwazzjoni ta’ perikolu mhux mistennija bl-aħjar mod possibbli,

D. billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Enerġija jenfasizzaw l-importanza ta' strateġija komprensiva dwar l-enerġija biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini, l-industrija u l-ekonomija tal-UE jkollhom enerġija mingħajr periklu, żgura, sostenibbli u bi prezz moderat, li tikkontribwixxi għall-kompetittività Ewropea, u jirrikonoxxu f'dan ir-rigward l-importanza ta' suq u infrastruttura tal-enerġija kompletament integrati,

E.  billi l-inċident nukleari tenna l-ħtieġa għal trasformazzjoni kbira tal-mudell enerġetiku Ewropew, bis-sejħa għall-introduzzjoni rapida ta' miżuri bħaż-żieda fl-enerġiji rinnovabbli, mira vinkolanti rigward l-iffrankar tal-enerġija, flimkien mal-inċentivi fiskali u finanzjarji xierqa,

F.  billi hemm ħtieġa ta’ analiżi dwar kif din il-bidla kbira fil-politika għall-enerġija tal-Ewropa għandha ssir u għal skemi ta’ appoġġ kontinwu u konsistenti għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, jiġifieri l-enerġiji rinnovabbli, u għall-indirizzar effettiv ta’ kwalunkwe ostakli għal użu iktar mifrux tagħhom,

G. billi s-sigurtà tal-provvista ma għandhiex tintlaħaq għad-detriment tas-sikurezza ta’ attivitajiet marbuta mal-produzzjoni tal-enerġija, u għandha tingħata prijorità lill-miżuri min-naħa tat-talba għall-enerġija u lill-iżgurar tad-diversifikazzjoni tal-mezzi għall-produzzjoni tal-elettriku,

H. billi b'mod parallel ma’ iktar riċerka approfondita fis-soluzzjonijiet għall-ġestjoni tal-iskart nukleari, jeħtieġ li nkomplu bir-riċerka fl-effetti tar-radjazzjoni, u wkoll bir-riċerka bl-għan tat-titjib tas-sikurezza ta’ impjanti tal-enerġija eżistenti. Jenfasizza madankollu li dan m’għandux isir a spejjeż tar-riċerka f'forom alternattivi ta' enerġija, bħall-enerġija rinnovabbli, u jitlob li tingħata malajr żieda fil-finanzjament għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni f’forom oħra ta’ enerġija sostenibbli,

I.   billi l-konsegwenzi ta' inċident nukleari jinħassu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, u għalhekk jinħtieġu kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib u l-qsim tal-informazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea u ma’ pajjiżi terzi sabiex ikun hemm ġestjoni aħjar fl-eventwalità ta’ inċident nukleari,

J.   billi pajjiżi ġirien qed jippjanaw il-bini ta’ impjanti nukleari f’żoni ta’ riskju għoli sismiku u ta’ għarar,

K. billi hemm bżonn ċar ta’ djalogu pubbliku miftuħ dwar l-enerġija nukleari f'kull Stat Membru sabiex tkun imħeġġa l-kuxjenza pubblika dwar l-effetti tal-enerġija nukleari qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni politika;

L.  billi intensifikazzjoni tal-proċeduri demokratiċi bbażati fuq it-trasparenza u livell għoli ta’ informazzjoni trid tkun żgurata bl-involviment tal-partijiet interessati kollha, inklużi ċ-ċittadini,

M. billi l-organizzazzjoni tax-xogħol fl-industrija nukleari fl-Ewropa llum tieħu l-forma ta' sottokuntrattar fuq skala kbira, b’taħriġ li ma jkunx dejjem adegwat, b’livelli ta’ espożizzjoni perikolużi għall-ħaddiema kkonċernati, u probabilment it-telf tal-kontroll finali fuq l-affidabilità fl-iktar stadji kritiċi tal-proċessi,

N. billi t-Trattat Euratom kien iffirmat fl-1957 u l-istennijiet espressi fit-Trattat Euratom ħamsin sena ilu rigward l-enerġija nukleari, jeħtieġ li jiġu rieżaminati,

1.  Jestendi l-appoġġ sħiħ u s-simpatija tiegħu lill-poplu tal-Ġappun affettwat minn dan l-inċident nukleari, u lill-ħaddiema tal-enerġija li qiegħdin fuq quddiem fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Fukushima Daiichi;

2.  Jirrikonoxxi li hu importanti li nisiltu kull tagħlima immedjata mill-inċident ta’ Fukushima Daiichi u li nimmiraw għall-ogħla livelli ta’ sikurezza skont il-prinċipji fundamentali tas-sikurezza nukleari;

3.  Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tintroduċi evalwazzjoni tar-riskju u tas-sikurezza komprensiva (“testijiet tal-istress”) tal-impjanti kollha tal-enerġija nukleari tal-UE, iżda jiddispjaċih li dawn se jitwettqu biss fuq bażi volontarja; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni tressaq malajr proposta konkreta li tiddeskrivi r-rekwiżiti u l-elementi speċifiċi tat-“testijiet tal-istress” imsemmija hawn fuq, li jridu jsiru minn entitajiet indipendenti; jenfasizza l-ħtieġa li pajjiżi terzi ġirien ikunu involuti f’evalwazzjoni simili tas-sikurezza u r-riskju għall-impjanti eżistenti u eventwali fil-futur;

4.  Jenfasizza li t-“testijiet tal-istress”għandhom iqisu s-sitwazzjoni usa’ ta’ kawżi multipli u kumplessi, għaliex it-terremot fil-Ġappun ma kienx fih innifsu l-kawża tal-inċident nukleari fil-Ġappun; barra minn hekk, it-“testijiet tal-istress”għandhom ikopru l-katina ta' produzzjoni kollha, inkluż it-trasport, it-trattament tal-iskart u l-ħżin;

5.  Jitlob li r-riżultati ta' dawn it-“testijiet tal-istress” isiru pubbliċi u li l-eżerċizzju kollu jitmexxa b’mod miftuħ u trasparenti; jinsisti li jkun infurmat bl-istess mod dwar il-miżuri eventwali meħuda mill-Kummissjoni u l-Istati Membri wara dawk it-testijiet;

6.  Jikkritika d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tal-24/25 ta’ Marzu 2011 li t-“testijiet tal-istress” għandhom isiru taħt l-awspiċji tal-awtoritajiet nazzjonali u permezz ta’ reviżjoni minn esperti oħra, minflok b’approċċ komuni Ewropew;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi mudell ta’ avangwardja għall-impjanti nukleari eżistenti, fejn kull impjant tal-enerġija nukleari għandu jkun immudellat fuq il-bażi tal-aħjar tekniki u standards ta’ sikurezza disponibbli; it-“testijiet tal-istress” għandhom jidentifikaw dawn il-mudelli ta’ avangwardja fost l-Istati Membri u jgħinu fit-tfassil ta’ viżjoni strutturata għat-tneħħija gradwali tal-impjanti nukleari;

8.  Jistieden lill-Istati Membri biex iħejju strateġiji possibbli għal tul ta’ żmien medju jew twil għat-tneħħija gradwali tal-enerġija nukleari u biex jinformaw lill-awtoritajiet reġjonali u lokali transkonfinali dwar il-programmi nazzjonali tagħhom fl-eqreb data possibbli, jekk l-implimentazzjoni x'aktarx ikollha effetti transkonfinali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jieħdu kull miżura xierqa sabiex jiżguraw li ma jinbnewx impjanti nukleari f'żoni ta' riskju sismiku u ta' għargħar qawwi fl-UE u fil-pajjiżi ġirien; il-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari mal-fruntieri esterni tal-UE għandha tkun konformi mal-istandards ambjentali internazzjonali għas-sigurtà nukleari;

10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jerfgħu responsabilità konġunta għat-tisħiħ tal-istandards internazzjonali għas-sikurezza nukleari u l-implimentazzjoni adegwata tagħhom, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-IAEA, mal-Espoo u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni biex sa Ġunju 2011 tippreżenta pjan ta’ azzjoni inklużiv u b’passi konkreti ta’ kif jista’ dan jista’ jkun irrealizzat;

11. Jenfasizza li intensifikazzjoni tal-proċeduri demokratiċi bbażati fuq it-trasparenza u livell għoli ta’ informazzjoni trid tkun żgurata bl-involviment tal-partijiet interessati kollha, inklużi t-trejdjunjins u ċ-ċittadini;

12. Jitlob li l-awtoritajiet pubbliċi jirċievu aċċess onlajn dirett għad-data operattiva tal-faċilitajiet nukleari, jiġifieri data dwar il-funzjonament tal-impjant tal-enerġija; fil-każ ta’ impjanti qrib il-fruntieri nazzjonali, l-istess għandu japplika għall-awtoritajiet tar-reġjuni ġirien;

13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti dwar it-tlestija tal-qafas regolatorju għas-sikurezza nukleari u l-pjanijiet ta’ investiment għall-installazzjonijiet nukleari kollha matul iċ-ċiklu tal-ħajja u l-katina ta’ produzzjoni kollha bħas-sikurezza tal-impjanti nukleari u t-trasport, il-ġestjoni tal-iskart, u l-faċilitajiet tal-ħażna għall-fjuwil użat bl-għan tal-introduzzjoni tal-ogħla standards tas-sikurezza vinkolanti fl-UE kollha;

14. Jitlob, fir-rigward tad-direttiva proposta dwar il-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv (COM (2004) 526 finali), għall-introduzzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, b’kunsiderazzjoni dovuta għar-responsabilità tal-produtturi tal-iskart radjuattiv;

15. Jistieden lill-Istati Membri jżommu u jsaħħu l-ħiliet tar-riżorsi umani u l-kundizzjonijiet ta' xogħol meħtieġa tul l-operattività tal-impjanti tal-enerġija, għall-fażi ta’ dekommissjonar tagħhom u għall-ġestjoni tal-iskart nukleari;

16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirriflettu dwar il-politika dwar l-enerġija tal-UE billi jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida dwar il-klima li tinkorpora miri ogħla, standards vinkolanti tal-effiċjenza enerġetika, iż-żieda rapida tal-ammont ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-Ewropa b’investimenti fl-infrastruttura xierqa ta’ grilji u tal-ħażna, inċentivi għar-riċerka u l-innovazzjoni u l-introduzzjoni ta’ tassazzjoni tal-enerġija u tas-CO2 fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu investiment sinifikanti f’infrastruttura effiċjenti fl-enerġija permezz ta’ regoli ta’ akkwist pubbliku li jiffavorixxu soluzzjonijiet effiċjenti fl-enerġija;

17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iżidu l-mira legalment vinkolanti tal-enerġija għal 30% ta’ enerġija rinnovabbli sal-2020, biex jistabbilixxu għanijiet fit-tul biex jippermettu bidla profonda lejn produzzjoni ta’ 45% enerġija rinnovabbli sal-2030 u produzzjoni ta’ 95% enerġija rinnovabbli sal-2050;

18. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina u tipproponi xenarji differenti għal taħlita ta’ enerġija futura Ewropea mingħajr enerġija nukleari, u b’hekk tindika l-passi konsegwenzjali li għandhom jittieħdu biex xorta waħda jintlaħqu l-miri għal tul ta’ żmien medju u twil għall-enerġija u l-klima;

19. Jistieden lill-Kunsill biex fir-reviżjoni futura tat-Trattat ta’ Lisbona jinkludu kwistjonijiet marbuta mal-enerġija nukleari taħt l-intestatura tal-Artikolu 194 tat-Trattat;

20. Jitlob l-abolizzjoni tal-Artikolu 1 tat-Trattat Euratom u l-inklużjoni tal-protezzjoni kontra r-radjazzjoni u tal-kapitolu 7 tat-Trattat Euratom dwar is-salvagwardji, inkluża n-nonproliferazzjoni, fit-Trattat ta’ Lisbona; iħeġġeġ biex tinstab struttura istituzzjonali magħquda u komprensiva għall-politika dwar l-enerġija tal-UE primarjament fil-qafas tat-Trattat ta’ Lisbona;

21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, l-Euratom u l-ENSREG.